11 ta' Frar 2007
Rumanz jaħraq wisq għall-Università
Kurt Sansone
Ir-rumanz ta’ Karl Schembri, Il-Manifest tal-Killer, huwa ktieb jaħraq wisq għar-radju ta’ l-Università, l-istituzzjoni li suppost qed tixpruna l-ħsieb kritiku u ħieles fost l-istudenti.
B’deċiżjoni editorjali l-istazzjon Campus FM ma ħalliex lil Ray Calleja jaqra r-rumanz ta’ Schembri fil-programm Wara Arrigo li kien jixxandar fid-9pm u li fih il-preżentatur kien jaqra xogħlijiet kontemporanji ta’ awturi Maltin.
Ir-rumanz fih lingwaġġ b’saħħtu kif ukoll xi dagħa f’kuntest ta’ grupp ta’ żgħażagħ anarkiċi li fost l-oħrajn ikunu jridu jwaqqgħu għaċ-ċajt il-Festival tal-Eurovision.
Mitlub jikkummenta dwar id-deċiżjoni ta’ l-istazzjon, l-editur ta’ Campus FM, Dun Joe Borg sostna li minkejja li l-programm kien se jixxandar fid-9pm kellu parir li l-lingwaġġ tar-rumanz seta’ jikser provvedimenti legali li jirregolaw ix-xandir.
“Kont diġà migdum minn Ray Calleja meta fil-programm, li fil-bidu kien jixxandar fis-2.30pm, qara siltiet li kienu jiksru l-provvedimenti ta’ l-Awtorità tax-Xandir dwar il-protezzjoni tat-tfal. Meta ddeċidejna li nressqu l-programm għad-9pm u Calleja ġie bil-proposta li jaqra Il-Manifest tal-Killer, wiżint il-fatt li l-preżentatur kien diġà kiser il-fiduċja tagħna iżda kelli wkoll parir ta’ persuni midħla tax-xandir li ċertu diskors fir-rumanz seta’ jikser provvedimenti ta’ l-Awtorità tax-Xandir,” sostna Dun Borg.
L-editur ta’ Campus FM irrikonoxxa li hemm differenza bejn dagħa li jixxandar b’mod gratwit u dagħa f’kuntest ta’ xogħol artistiku f’programm li jippromwovi kultura kontemporanja.
“Nittama li jqum dibattitu dwar jekk l-Awtorità tax-Xandir għandhiex tapplika provvedimenti differenti fil-konfront ta’ ċerti stazzjonijiet bħall-Campus FM,” sostna Dun Borg.
Iżda għall-awtur, li hu wkoll Deputat Editur mal-MaltaToday, din l-aħħar ċensura tar-rumanz ma ġietx bħala sorpriża.
“Il-ktieb ilu s-snin biex joħroġ, b’pubblikaturi kbar jammettu miegħi li ma jistgħux joħorġuh espressament għal raġunijiet ta’ awto-ċensura. Iżda nkazzat li kellu jkun ir-radju ta’ l-Università li jiċċensura l-ktieb tiegħi fuq deċiżjoni diretta ta’ l-eks Chairman tal-Bord Editorjali tal-PBS u konsulent tal-Ministru tal-Kultura. Imma dak li jiġri meta l-unika prijorità ta’ l-Università ssir li timmanifattura l-inġiniera għall-investituri minn Dubai. Lanqas biss tittollera l-letteratura ta’ pajjiżha. M’hix smart biżżejjed għad-diriġenti tar-radju ta’ l-akkademiċi,” sostna Karl Schembri ma’ Illum.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt