“Dejjem ivvutawli u għal ftit ma rbaħtx. Vertigo naħseb laqtet udjenza aktar wiesa’ u peress li din id-darba n-nies kellhom vot wieħed, kellhom jiddeċiedu lil min se jtuh.
Il-ħin tal-voti kien twil ukoll allura kulħadd kellu ċ-ċans jesprimi ruħu. Ma kienx hemm garr bħas-sena li għaddiet li ma daħlux xi voti. Naħseb li Vertigo intogħġbot mill-ewwel”
Olivia Lewis, b’diska dwar l-isturdament li jqabbdek maħbub meta jidħaq bik, u b’konklużjoni li aħjar tkun waħdek, Vertigo żgur mhix dedikata lill-maħbub tagħha. Sa fl-aħħar Olivia daqet il-glorja bir-rebħ tal-Kanzunetta għall-Ewropa wara 11-il sena tipparteċipa fih.
Il-kantanta għandha karattru ħelu li jgħinek tħossok komda meta tiltaqa’ magħha. Iżda mill-mod ta’ kif tirrispondi tinduna li Olivia dejjem għassa għall-mistoqsijiet li jitpoġġewlha quddiemha u l-ewwel reazzjoni spiss tkun li tiddefendi lilha nnifisha ħalli mbagħad tinfaqa’ tidħaq f’nofs l-argument.
Olivia tgħix mill-kant tagħha u għalhekk tista’ tifhem għala qatt ma qatgħet qalbha milli tikkompeti fil-Kanzunetta għall-Ewropa minkejja d-diżappunti li kellha sena wara l-oħra. Għal xi ħadd li jaqla’ ħobżu minn din l-arti dan il-festival hu vetrina importanti għall-karriera.
Skond Olivia l-festival din is-sena kien xi ħaġa “spettakolari.”
“L-atmosfera tas-sala, għalkemm kbira, xorta waħda ma kinitx kiesħa,” tenniet il-kantanta.
Olivia apprezzat ħafna wkoll il-fatt li kellhom ħafna aktar ħin mis-soltu dedikat għall-provi. Iżda lil hinn mill-preparazzjoni għal-lejla tal-festival, Olivia għadha s’issa skantatha kif irnexxielha ġġib kważi 31,000 vot bit-televoting. Temmen li fost il-votanti ma kienx hemm biss l-ammiraturi tagħha biex ġabet dak l-ammont kbir.
Taħseb li minħabba s-sistema tat-televoting kellha vantaġġ fuq kantanti oħrajn minħabba li spiss tidher fuq it-telvixin?
“Ikollok vantaġġ jekk tkun qtajt figura tajba. Jekk taqa’ għaċ-ċajt ma jkollok l-ebda vantaġġ. Illum kulħadd jidher fuq it-televixin. Dawk li huma ġodda kellhom ftit żvantaġġ,” sostniet.
Imma l-voti tawhomlha għax kien ħaqqha jew għax tħassruha?
“Dik staqsiha lilhom. Xi naqra mit-tnejn naħseb. Dejjem ivvutawli u għal naqra ma rbaħtx. Vertigo naħseb laqtet udjenza aktar wiesa’ u peress li din id-darba n-nies kellhom vot wieħed, kellhom jiddeċiedu lil min se jtuh. Il-ħin tal-voti kien twil ukoll allura kulħadd kellu ċ-ċans jesprimi ruħu. Ma kienx hemm garr bħas-sena li għaddiet li ma daħħlux xi voti. Naħseb li Vertigo mill-ewwel intogħġbot,” kompliet tgħid il-kantanta Qormija.
Spjegat kif hi u t-tim tagħha kienu ilhom xahar sħiħ jaħdmu flimkien fuq id-diska u l-ispettaklu ta’ magħha.
Iżda dehret sorpriża meta staqsejtha dwar ix-xnieha li xtrat b’kemm jiswew Lm800 biljetti għas-serata tas-Sibt biex fis-sala jkollha appoġġ qawwi fost l-udjenza. “Lm800 għandi x’nagħmel bihom. Inżommhom jien. Kien hemm xi kuġini u zijiet, madwar 20, li lanqas biss kont naf li qegħdin hemm,” sostniet.
Lewis, għalkemm se jkollha tikkompeti fis-semifinali tal-Eurovision, tħares lejn din l-isfida doppja bħala vantaġġ aktar milli sfortuna. “Il-festival għalija hu s-semifinali. Kif jgħaddi dak ikollna ċans jumejn nippreparaw għall-ieħor.
Il-vantaġġ jekk tgħaddi jkollok aktar provi għax titla’ minn ġimgħa qabel biex tipprepara u d-diska tkun instemgħet darbtejn,” sostniet Olivia. Kompliet titkellem dwar id-differenzi tal-provi bejn Malta u barra u li hemmhekk ikollok udjenza tisimgħek matulhom.
“Ikollok iċ-ċans tieħu l-feel tas-sala, l-atmosfera u l-udjenza. Tibda tieħu r-reazzjoni tan-nies mill-ewwel. Il-kompetizzjoni tibda minn dik il-ġimgħa stess u l-provi tmur għalihom daqslikieku sejjer għas-serata.”
Bħalissa l-bord tal-Maltasong qiegħed jiddiskuti xi tibdil li jista’ jsir fid-diska flimkien ma’ l-awtur, il-kompożitur u l-kantanta. Kemm jista’ jkun se jippruvaw iħalluha l-istess. Li se jiżdiedu magħha huma l-backing vocals u se jkunu qed jikkonċentraw fuq il-kant. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet ma’ direttur artistiku biex jaraw l-aħjar tip ta’ spettaklu li jista’ jittella’ mad-diska, l-iktar minħabba x-xogħol tal-kamera.
“Kultant inqas ma jkollok affarijiet għaddejjin iktar aħjar,” qalet Olivia.
U minn issa sa Mejju, Olivia se tkun impenjata f’ġirja waħda ta’ taħbit biex il-pakkett finali li Malta se ttella’ Helsinki jkun wieħed li permezz tiegħu nerġgħu niġbru ġieħna.
fpulis@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt