11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
Ħasra li għad hawn min jibża’ jikxef l-abbuż - George Pullicino

Mit-twaqqif ta’ l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar s’issa kien hemm ħaddiem wieħed li spiċċa investigat mill-Pulizija fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.
Dan ikkonfermah George Pullicino il-Ministru għall-Ambjent permezz ta’ kelliemi tiegħu wara mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta.
Mill-1992 sal-lum jirriżulta li kien hemm numru ta’ rapporti anki anonimi ta’ allegazzjonijiet ta’ tixħim. Jidher iżda li minħabba nuqqas ta’ evidenza konkreta l-każijiet ma jkunux jistgħu jkomplu jkunu investigati.
Fil-jiem li għaddew il-Mepa sostniet ma’ Illum li “teżisti omertà kbira u n-nies mhux dejjem tikxef każijiet ta’ abbuż fil-Mepa.”
Meta mitlub jikkummenta dwar din id-dikjarazzjoni, il-Ministeru għall-Ambjent u l-Affarijiet Rurali tenna li “hija ħasra li għad hawn min jibża’ jikxef każijiet ta’ abbuż.” Saħaq li jkun hemm diversi rapporti anonimi dwar korruzzjoni. Madankollu jekk ma jkunx hemm biżżejjed provi l-każ ma jkunx jista’ jiġi investigat.
Ta’ sikwit ikun hemm il-kritika li l-Mepa għandha taddotta sistema aktar trasparenti meta jidħlu investigazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Kien hemm każijiet fejn minkejja li l-Awditur tal-Mepa issuġġerixxa li l-każ jgħaddi f’idejn il-Pulizija għal investigazzjoni serja, il-MEPA għażlet li tagħmel investigazzjoni nterna biss.
Il-Ministeru għall-Ambjent u l-Affarijiet Rurali jaqbel ma’ din is-sistema għaliex skond l-istess kelliem “din hija sistema li tassigura li ssir investigazzjoni kif jixraq b’mod intern u kulfejn jinstab li hemm lok għal aktar stħarriġ dan jingħata f’idejn il-Pulizija. Din il-proċedura addottata fl-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar hija stabbilita fir-regolamenti interni tal-Mepa kif ukoll fil-ftehim kollettiv tal-ħaddiema.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt