11 ta' Frar 2007
Biża’ li jagħlqu aktar sptarijiet privati
Julia Farrugia
It-tabib Josie Muscat, Chairman ta’ l-isptarijiet Saint James, isostni li “ jekk jonqsu pazjenti barranin, iż-żewġ sptarijiet tas-Saint James f’Malta jkollhom jikkunsidraw il-pozizzjoni tagħhom u mhux eskluż li jkollu jingħalaq xi sptar minnhom.”
Din l-aħbar issegwi storja maħruġa ġimgħa ilu mill-gazzetta L-Orizzont li fiha t-tmexxija ta’ l-isptar Saint James f’Għawdex ikkonfermat li fil-ġimgħat li ġejjin se tagħlaq l-isptar.
Għawdxin li tkellmu ma’ Illum urew id-dispjaċir tagħhom għall-għeluq ta’ dan l-isptar privat għax sostnew li għalihom dan se jfisser li jekk m’għandhomx fiduċja fis-servizz offrut mill-Gvern allura se jkollhom kull darba jinżlu Malta għall-kura privata.
Għawdxija li tkellmet magħna sostniet li “konna nsibuna komdi bi sptar privat f’Għawdex għax mill-2003 ’l hawn kellna serħan il-moħħ u kumdità meta jinqala’ xi mard fil-familja.”
Josie Muscat saħaq li l-isptar f’Għawdex se jagħlaq għal kollox f’April li ġej. “Għawdex huwa bħal distrett wieħed. L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa lussu u n-nies tinqeda malajr. It-tobba u l-ispeċjalisti jippreferu s-sistema ta’ l-ispiżeriji u jieħdu lin-nies għall-investigazzjonijiet l-isptar.”
Wara l-għeluq tas-St James t’Għawdex, Josie Muscat jgħid li minflok il-kumpanija qed tkompli tħares lejn swieq ġodda u differenti li jippromettu ħafna. Saħaq ma’ din il-gazzetta li s-Saint James sa sitt xhur oħra se jiftaħ klinika fl-Ungerija. Ma’ din se tinfetaħ residenza li fiha jgħixu l-ħaddiema Ungeriżi li se jkunu qed joffru s-servizzi tagħhom f’din il-klinika medika tas-Saint James flimkien mad-diretturi Maltin.
“Din hija l-istess sistema wżata fi Tripli, il-Libja, fejn il-grupp Saint James fetaħ sptar f’Marzu tas-sena li għaddiet, u fejn sejrin tajjeb ħafna,” qal Dr Muscat.
It-tabib Muscat sostna li fl-Ungerija s-sistema hija organizzata u l-pajjiż qed juri biċ-ċar li jrid jimxi ’l quddiem. “Hemmhekk tara u tħoss id-determinazzjoni.”
Mhux l-istess jista’ jingħad għal Malta. Fi kliem it-tabib Josie Muscat jinħass l-isħab li qed jinġema’ fuq is-settur mediku privat. “Għalkemm aħna nħaddmu ’l fuq minn 400 ruħ aħna mhux ikkalkulati u mhux meqjusin bħala industrija. Meta l-Gvern għolla d-dawl u l-ilma dan żidilna mas-Lm60,000 spejjeż fis-sena.” Muscat jinsisti: “Żid l-ispejjeż l-oħra kollha li għolew u tara kemm hi kbira d-daqqa li ħadna.”
L-akkużi fil-konfront tal-Gvern ikomplu. “Waqt li n-nefqa fit-turiżmu hija għolja insejna għal kollox it-turiżmu tas-saħħa li pajjiżi bħal Indja, it-Tajlandja, it-Tuneżija u oħrajn għamlu kapital kbir minnu.”
Bħalissa s-Saint James f’Malta għandu sptar f’Ħaż-Żabbar bis-suq ewlieni tiegħu pazjenti Maltin. Madankollu l-grupp għandu sptar ieħor f’Tas-Sliema, klinika ta’ l-Outpatients fil-Mosta kif ukoll il-klinika Transforma f’Ħ’Attard.
Kunfidenti fi kliemu Dr Muscat isostni li s-suq ta’ pazjenti barranin jammonta għal-25 fil-mija tan-negozju kollu fit-tliet proġetti Maltin. Jekk dan is-suq barrani jispiċċa allura mhux eskluż li jkollha tittieħed deċiżjoni li jingħalaq xi sptar minnhom. “Nisperaw li n-numru ta’ pazjenti barranin ikomplu jiżdiedu għall-ġid tal-ħaddiema u l-pajjiż.”
B’akkuża serja fil-konfront tas-sistema medika Maltija t-tabib Josie Muscat jisħaq li “s-sistema medika qed tkun abbużata sfaċċatament u dan ipoġġi l-isptarijiet privati li jinvestu flejjes kbar fi żvantaġġ.” Jisħaq li l-Gvern jibqa’ kompetitur ewlieni għan-negozju tiegħu għalkemm dak tal-Gvern fi kliem Dr Muscat, jibqa’ servizz bħala zero rated f’sens ta’ ħlas.
“Il-Gvern m’għandu l-ebda problema ta’ flus. Jintaxxa meta u kemm għandu bżonn. Aħna naħdmu għalihom f’kull sens.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt