11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
Satira bl-iskossi fil-karrijiet

Franica Pulis

F’Malta għandna liġi li ilha fl-istatut minn żmien l-Ingliżi li ma tħallix lin-nies jilbsu uniformijiet tal-forzi ta’ l-ordni, ta’ reliġjużi jew ta’ politikanti Maltin jew barranin. Anki l-innijiet Nazzjonali ma jistgħux jintużaw.
Il-Federation of European Carnival Cities (FECC) ta’ Malta u Għawdex u kulmin hu nvolut fil-Karnival bħal tal-karrijiet jew maskarati li jipparteċipaw fih minn dejjem kellhom din il-problema biex jesprimu ruħhom fis-satira speċjalment dik politika.
Joseph Borda, President tal-FECC lokali u awditur f’dik internazzjonali, qal li se jippruvaw idaħħlu satira imma mhux dik relatata direttament mal-politka mis-sena d-dieħla.
L-ewwel se jibdew b’satira relatati ma’ personaġġi mit-televiżjoni. “Se nippruvaw indaħħluha ftit ftit. Għal bidu anki se nitolbu l-permess ta’ dak li jkun biex nevitaw l-inkwiet.”
L-FECC lokali, bħala kumitat, xogħolha hu li tagħmel pubbliċità lill-Karnival f’pajjiżna u fil-pajjiżi membri fl-FECC Internazzjonali li jammontaw għal 49.
Għan ieħor hu li jsir tpartit ta’ ideat kif ukoll exchanges bejn kumpaniji karnivaleski bħal baned jew gruppijiet taż-żfin.
“Kieku nistgħu anki l-karrijiet intellgħu imma l-ammont ta’ spejjeż li trid biex iżarmahom u ttellagħhom bl-ajruplan huma wisq. Fl-2002 kien irnexxielna ntellgħu erba’ karrijiet permezz ta’ l-ajru f’Nabul fit-Tunisija grazzi għall-għajnuna finanzjarja mill-Gvern imma diffiċli tagħmilha ta’ spiss,” kompla jgħid Borda.
Dwar il-kwistjoni tal-huts għall-karrijiet tal-Karnival u kenn waqt il-ġranet tal-Karnival li ilha tkarkar is-snin, Borda wieġeb li bħala kumitat huma mhumiex responsabbli minnha ħlief li jagħmlu pressjoni lill-Gvern dwarha.
“S’issa twaqqaf kumitat tekniku li jinvolvi lil kulmin għandu x’jaqsam mal-Karnival. Post alternattiv diġà ġie ssuġġeriet mill-MEPA lill-Gvern li hu fejn kien l-Għammieri f’Ħal Luqa.”
Kulma jispera Borda hu li dawk li jibnu l-karrijiet jaċċettaw il-bidla għall-post meta jsir iż-żmien li jaqilbu.
“Aħna m’aħniex organizzaturi imma promoturi.” Fil-fatt parti mix-xogħol tal-kumitat hu li jgħinu lill-Kunsilli Lokali jerġgħu jibdew jorganizzaw l-attivitajiet tal-Karnival. Din is-sena, per eżempju, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq se jorganizza Karnival spontanju fir-raħal fuq jumejn fid-19 u l-20 ta’ Frar mit-8pm ’il quddiem. Attività fuq skala ikbar hi l-Carnival Street Party li se jsir b’kollaborazzjoni mal-VISET u se jittella’ fil-Valletta Waterfront. Is-serata tibda għal ħabta tat-8.30pm. Il-post se jkun armat u l-faċċati se jiżżejnu b’maskri kbar magħmulin apposta għas-17 u t-18 ta’ Frar. Se jkun hemm
il-Banda La Vittoria
tal-Mellieħa u warajha tkompli s-Spiteri Lucas Band. Id-dħul hu b’xejn u jħeġġu li n-nies imorru hemm lebsin kostumi iktar u iktar minħabba li se jintrebħu premjijiet għal kbar u
ż-żgħar matul il-jumejn.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt