Ħmistax-il kamra tan-nar huma rappurtati li diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’dak li se jkun l-ewwel Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar Mekkanizzat.
Dan il-Festival, li se jsir fuq il-Fosos tal-Floriana fil-21 ta’ April, hu inizjattiva ta’ l-eks sindku u kunsillier attwali ta’ Floriana Nigel Holland li matul dawn l-aħħar xhur ħadem fuq il-proġett u kiseb l-approvazzjoni tal-Kunsill biex ikun organizzat.
L-attività, li se ssir lejlet il-festa titulari ta’ San Publiju, se tħaddan fiha atmosfera ta’ festa hekk kif il-lokalità ta’ Floriana se tkun armata bil-pavaljuni u d-dwal.
Sodisfatt ħafna għall-konkorrenza tal-kmamar tan-nar għal dan il-festival, Nigel Holland qed jimmira li jagħmel minn din l-attività appuntament annwali għad-dilettanti kollha tan-nar.
Minbarra li hu festival, ix-xogħol artistiku u mekkanizzat li se jkun armat, se jkun ġudikat minn ġurija barranija u dan se jkabbar is-sens kompetittiv bejn il-kmamar tan-nar li se jesponu x-xogħolijiet tagħhom.
“F’dan il-festival mhux se naraw il-logħob tan-nar tas-soltu bl-irdieden sempliċi, iżda se jkun iffukat fuq dak li hu mekkanizzat, fejn is-sengħa u l-intelliġenza jiltaqgħu f’biċċiet mekkanizzati bl-ingranaġġi maħdumin bit-tempijiet,” spjega Nigel Holland.
Il-kmamar tan-nar qed ikunu mistiedna jarmaw mad-dawra tal-Fosos biex in-nies tkun tista’ ssegwihom mill-wita
tal-Fosos stess.
“Se naraw biċċiet kbar ħafna fejn se jkunu meħtieġa diversi krejns biex itellgħu l-istrutturi kumplikati ta’ spiss maħduma bil-ħadid u bl-injam,” qal Holland.
Fost il-kmamar tan-nar li kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom hemm dawk li huma l-aktar magħrufa għax-xogħol mekkanizzat, fosthom iż-Żrieraq, l-Imqabbin, il-Qrendin, il-Qriema, iż-Żebbuġin, ir-Rabtin, il-Mostin u l-Melliħin. Aktar kmamar tan-nar huma mistennija li jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom.
Dettalji dwar dan il-festival mistennija jitħabbru fil-jiem li ġejjin.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt