11 ta' Frar 2007
Jekk nitilfu, nitlaq - Joe Saliba
Julia Farrugia
F’intervista ma’ Illum, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Joe Saliba jgħid bla tlaqliq li jekk il-Partit Nazzjonalista jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss hu jitlaq mill-kariga li ilu jokkupa sa mill-1998. Iżda anki jekk il-PN jirbaħ, Saliba jagħti x’jifhem li mhux se jibqa’ fit-tmun tal-Partit.
Saliba jargumenta li wieħed għandu jsaqsi lilu nnifsu kemm tagħmel ġid li xi ħadd jokkupa kariga bħal tiegħu għal aktar minn żewġ leġislaturi.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jeskludi kull xniegħa ta’ elezzjoni ġenerali din is-sena u jsostni li l-elezzjoni ġenerali se ssir “lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla.”
F’dik li tista’ titqies bħala żvolta ġdida dwar il-kaċċa, Joe Saliba jgħid ukoll li “l-kaċċaturi u l-gruppi kollha nvoluti għandhom jingħaqdu mill-ġdid flimkien biex jerġgħu jibdew it-taħditiet dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.”
Fl-intervista Saliba jitkellem dwar il-kampanja għall-elezzjonijiet lokali, id-divorzju u l-kritika li rċieva l-PN dan l-aħħar minn Nazzjonalisti iktar liberali fil-ħsieb.