11 ta' Frar 2007
“Tal-mistħija kif il-PBS ma jirrappurtax il-futbol Malti” – George Micallef
Anke jekk quddiemi kelli ġurnalist bħali li mingħajr dubju għandu esperjenza aktar minni f’dan il-qasam, ma bżajt qatt li din l-intervista setgħet xi darba tkun xi balla tidwir mal-lewża kif normalment jagħmlu ġurnalisti oħra f’xi ħaġa simili.
L-akbar biża’ tiegħi dejjem kienet li cassette ta’ siegħa ma kienx se jservini, konxju li George Micallef hu persuna li jaf jitkellem fuq kollox u waqt li jkun qed jagħmel dan, jespandilek aktar fuq is-suġġett u b’hekk id-domandi jsiru xi ħaġa awtomatika. Ma kontx żbaljat. Għax minn dawn is-sensiliet ta’ intervisti ta’ kull nhar ta’ Ħadd, din kienet l-aktar waħda twila li gawdejt kull sekonda tagħha. Mal-persuna konċernatat tkellimt fuq ħafna suġġetti differenti.
Jgħid x’jgħid kulħadd lil George Micallef dejjem qistu bħala l-massimu tal-professjonaliżmu fejn jidħol ġurnaliżmu sportiv f’kull qasam. Qatt ma ddejjaqt insegwi programm li tella’ hu jew inkella xi kronaka ta’ partita li tkun fdata lilu. Dejjem qistu bħala wieħed mill-aktar persuni li hu infurmat f’kull dixxiplina sportiva u wieħed mill-ftit li fih għandu l-livell neċessarju li verament seta’ xi darba jwasslu biex jaħdem f’din il-linja barra minn Malta fuq stazzjonijiet ferm akbar.
Personalmet inħossni grat u fortunat li f’ħajti kelli x-xorti nsir nafu. Imma żvinturat li qatt ma rnexxili naħdem miegħu f’xi programm. Dejjem xtaqt u wara din l-intervista komplejt saħħaħt din il-fehma tiegħi. Min jaf jekk fil-futur jirnexxilix. Nibqa’ nispera!
Iltqajt miegħu t-Tlieta li għadda. Kont miftiehem fil-5.00pm fil-Melita Wine Bar, Ħal Balzan. Il-ġurnata ta’ qabel inzertajna t-tnejn fuq il-programm L-Argument u qalli li nnota li għal kull intervista li jkolli nikteb li nasal tard. Ma ridtx li jerġa’ jiġrili l-istess miegħu. Kont hemm qablu. Ordnajt kafè u qbadt inżid mal-mistoqsijiet li kont diġà ktibt u li għamilthom priorità biex insaqsihomlu.
Kien hu li darba għallimni biex immur dejjem ippreparat, anke fejn naħseb li nkun naf ħafna u mhux se jkolli problemi. Ftit minuti u jitfaċċa….
Filwaqt li jordna tè mingħand waitress li nzertat fil-viċin, ngħidlu li mhux dejjem inkun tard. Jitbissem. It-tnejn nammiraw il-ħdura tal-ġnien li hemm fil-post.
George jgħidli li x’ħin irrid nista’ nibda u jien hekk għamilt. Insaqsih kif jiddeskrivi lil George Micallef u kif beda l-karriera tiegħu.
“Jien bniedem li nixtieq inkun dejjem qrib il-familja. Ftit reliġjuż u ta’ prinċipji sodi. Bdejt nikteb fuq il-gazzetti ta’ 14-il sena. Dak iż-żmien kont l-iżgħar ġurnalist. Missieri kien jaħdem it-Times u kien joħodni miegħu. Kont inqatta’ ħafna ħin ma’ l-Editur ta’ l-isports Henry Brincat u Philip Micallef. Jien jaffaxxinani ħafna l-ġurnaliżmu miktub. Meta kont l-iskola niftakar li konna għamilna ġurnal żgħir fuq il-futbol lokali u Internazzjonali.
“Darba kien avviċinani z-ziju u qalli jekk inkunx interessat nibda nikteb fil-ġurnal, The Democrat. Ftit xhur wara kien kellimni wkoll Henry Brincat biex nibda nikteb fit-Times ukoll. Lil Henry nqisu bħala persuna li kien influwenti ħafna fil-karriera tiegħi. Dejjem interessajt ruħi fil-magazines barranin tal-futbol. Ċertu Tony Bugeja kien isellifni ħafna minnhom minn stationery li kont immur fih. Imma l-breakthrough fil-karriera wasal fl-1988 meta l-mibki Lewis Portelli kien ċempilli u qalli li rrakommandani ma’ Manny Spiteri li dak iż-żmien kien imexxi x-Xandir Malta. Minn hemmhekk bdejt fuq ir-radju u t-televiżjoni.”
George Micallef hu Belti mwieled fil-11 ta’ April 1967. Miżżewweġ lil Patricia u missier ta’ Shaun Matthew ta’ 7 snin. George hu ġurnalist li ħadem f’kull qasam tal-media.
“Naħseb li fit-televiżjoni l-aktar li nħossni komdu għax jagħtini lok għal kreattività kbira u wiesa’. Għall-gazzetta trid tkun kapaċi ħafna imma t-televiżjoni tagħni ċans nimrah aktar fil-produzzjoni. Jien qatt ma kont sempliċi preżentatur. Dejjem emmint li la nippreżenta, rrid nipproduċi. Fl-1986 għamilt sena naħdem in-newsroom tat-Times. Kienet sena li fiha tgħallimt ħafna. Imma l-isport f’ħajti nħobbu wisq u b’hekk qbadt dan il-qasam. Għamilt ħafna xogħol fil-qasam tal-media u ma nistax niftakar liema kienet l-ewwel biċċa xogħol li ħdimt fuqha.”
Lill-ġurnalist tajjeb insaqsih proprju x’irid ikollu ġurnalist tajjeb.
“Tliet affarijiet. L-ewwel ħaġa hu s-sens professjonali. Li dak li se tagħmel tidħol għalih mija fil-mija jew aktar. Il-motto tiegħi dejjem kien, ‘fail to prepare, prepare to fail’. Frażi li kien jgħidha l-kowċ Howard Wilkinson u tant kemm għoġbitni li għamiltha tiegħi.
“F’ġurnalist irid jidħol ukoll sens ta’ etika. Ħaġa li ddejjaqni hi meta ġurnalist ikollu kunflitt ta’ interess. Ma tistax tilbes żewġ kpiepel. Jekk int tkun taħdem ma’ ażjenda obbligat ittiha l-lealtà assoluta tiegħek.
“U t-tielet ħaġa hi l-perseveranza. Ma tistax taqta’ qalbek. L-affarijiet jistgħu jmorru ħżiena u ssib min jaqtagħlek qalbek. Imma ġurnalist irid dejjem jisma’ l-pariri u jħares lejn min jista’ jgħinu u fl-aħħar mill-aħħar jasal fejn ikun irid.”
George ġej minn familja fil-qasam tal-media. Għandu ħafna zijiet u kuġini li huma fil-qasam tal-media u l-ispettaklu. Seta’ kien ta’ vantaġġ li fil-karriera rnexxa daqshekk?
“Ma naħsibx li kellha daqshekk effett. Ħafna miz-zijiet ġejjin mill-qasam tat-teatru u jirreċtaw. Id-drama nħobbha ħafna wkoll imma qatt ma kelli l-opportunità li naħdem fiha. “Mill-familja ma nfluwenzani ħadd. Forsi kien aktar ta’ vantaġġ in-nies li `ltqajt magħhom f’ħajti u dawk li segwejt il-pass tagħhom. Nammira ħafna wieħed mill-ħbieb il-kbar li kelli, Tonio Farrugia. Kellu kitba punġenti ħafna li togħġob lil kulħadd. Kien jaħdem miegħi fil-programm Sportline.
“Jekk ikolli nsemmi ġurnalist barrani ndur fuq Gianfranco De Laurenti. Kien jogħġobni ħafna l-istil mexxej tiegħu minbarra li kellu produzzjonijiet eċċellenti. Sandro Piccinini hu wieħed li nammirah ħafna wkoll imma mhux dejjem naqbel miegħu f’kollox. Naħseb li kultant ikun sensazzjonali ż-żejjed. Sfortunatament kultant inħalltu s-sensazzjonaliżmu ma’ l-investigazzjoni.
“Meta tisma’ aħbar mhux biżżejjed li taqbad u xxandarha. Trid tinvestigaha sew u tieħu l-verżjoni taż-żewġ naħat.
“Però jekk ikolli nagħżel wieħed li hu kuraġġuż f’kull sens ngħidlek li hu l-Ingliż, Brian Glanville. Hu ġurnalist kbir u kont fortunat li ltqajt darba miegħu u intervistajtu meta kont l-Istati Uniti għat-Tazza tad-Dinja. Kien kiteb ħafna fuq il-korruzzjoni kbira ta’ l-Inter tas-Snin 60 fiż-żmien Allodi meta kienu nqabdu jippruvaw jikkorrompu r-referees.”
Iħares lejja b’serqa. Naħseb ħaseb li kont se nkompli nitkellem jien fuq dan kollu. Żgur li mhux il-waqt. George ilu ftit taż-żmien ma jidher fuq l-istazzjon Nazzjonali. Ftit huma dawk li jafu x’sar minnu eżatt.
“Jien m’għadnix il-PBS. Ix-xogħol tiegħi spiċċa b’mod naturali. La jiena ma tlaqt u lanqas neħħewni. Xogħli kien ristrett għall-kummentarji tal-futbol Malti u ċ-Champions League. Meta dan is-sajf spiċċa l-kuntratt taċ-Champions League u ma ntlaħaqx ftehim ma’ l-MFA fuq il-filmati, post għalija ma kienx għad fadal.
“Jien ma tlabtx li nagħmel xi programm ieħor u li talbuni ma kontx se naċċetta anqas. Hemm ġew inbidlu ħafna nies fit-tmexxija inkluż min jieħu ħsieb is-settur ta’ l-isport. Ma nistax ngħidlek inkunx parti minn PBS jekk l-istazzjon jerġa’ jkun bħal qabel. Anke għax id-diriġenti l-ġodda ta’ l-isports qatt ma avviċinawni. Jien nista’ nitkellem biss kif qed nara l-affarijiet minn barra. Il-koordinazzjoni tat-tmexxija ta’ l-isport mhix immexxija minn nies li jaħdmu l-PBS bħal ma kienet imma minn nies barranin.
“Inħoss li ma kinietx l-għażla ideali minn naħa tad-diriġenza. Għandu jmexxi dan is-settur minn m’għandux interessi oħra. Ma jistax ikollok persuna li tikkordina l-isport fuq żewġ stazzjonijiet differenti, l-aktar meta fil-preżent, iż-żewġ kumpaniji jinsabu f’sitwazzjoni konverġenti fejn jidħlu l-filmati tal-futbol Malti. Hemm lok kbir għal titjib fis-settur sportiv ta’ l-istazzjon Nazzjonali.”
Minnufih niftakar f’intervista li ta l-President ta’ Msida St. Joseph, Antoine Portelli ftit tal-ġimgħat ilu fil-ġurnal L-Orizzont. Portelli ġie kkwotat jgħid li l-PBS għandu obbligu soċjali li jagħti servizz lill-poplu Malti u jinfurmah b’dak li jkun għaddej fl-aktar sport popolari mal-Maltin.
“Naqbel miegħu mija fil-mija. Tal-mistħija kif il-PBS qed jinjora dawn l-obbligi soċjali. L-istazzjonijiet privati u politiċi għandhom id-dritt li jagħmlu li jridu. Imma d-dmir ta’ l-istazzjon Nazzjonali hu dak li jinforma lill-pubbliku u fl-Awtorità tax-Xandir hemm stipulat li ta’ lanqas fejn jidħol it-tim Nazzjonali, l-istazzjon irid iwassal il-filmati. Niskanta kif din l-Awtorità jew xi medjaturi oħra għadhom m’għamlu xejn.
“Kulħadd fil-muta u ħadd ma jikkummenta. Hemm ħafna affarijiet oħra oxxeni li qed isiru fejn jidħol il-ġurnaliżmu sportiv ma’ l-istazzjon Nazzjonali li ħadd ma jikkummenta dwarhom. Il-kunflitt ta’ interess hu flagranti.
“L-aħjar żmien tal-PBS fl-isport kien fi żmien Roland Flamini u Manny Spiteri. L-isport kien jingħata importanza kbira. Reġa’ kien hemm ftit inizjattiva meta Stephen Azzopardi kien beda jmexxi dan is-settur imma kif spiċċa hu, kollox reġa’ lura għall-agħar.”
Inkellmu fuq ħuh iż-żgħir, Christian. Bħalissa hu wieħed miż-żewġ preżentaturi tal-programm Replay fuq Net Tv kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija.
“Chris qisu t-tifel tiegħi. Bejnietna hemm 17-il sena. Naħseb li hu l-aktar bniedem li jisma’ priedki mingħandi. Nitkellmu kuljum u dejjem nagħtih il-pariri li jitlobni. Meta kont żgħir kont nieħdu miegħi kullimkien. Kien jinteressa ruħu f’kollox u kont inħajru jagħmel xi xogħol li kont nagħmel jien fuq tape recorder biex wara noqogħdu nisimgħuh flimkien u ngħidlu fejn żbalja. Ir-relazzjoni bejn it-tnejn hi waħda miftuħa ħafna. Mhux dejjem naqblu imma jkun dejjem lest li jisma’. Naħseb li għandu entużjażmu kbir u nammetti li kuraġġuż aktar minni. Sab ħafna bsaten fir-roti wkoll. L-għira hi l-passjoni nazzjonali.”
Hemm ħafna ġurnalisti li jikkritikaw u ma jaqblux mad-deċiżjonijiet ta’ l-MFA. Imma huma l-ftit dawk li jattakkaw personali lit-tmexxija ta’ din l-għaqda. U meta jsir dan l-akbar avversarju dejjem ikun Dr. Joe Mifsud.
“Jien kelli nuqqas ta’ ftehim kbir ma’ Dr. Mifsud imma meta din ġiet riżolta, ir-relazzjoni bejn it-tnejn tranġat ħafna. Naħseb kont wieħed mill-ftit nies li kelli clash kbira miegħu u l-punt tiegħi bqajt sa l-aħħar ma ċedejtux. Kont lest li noħroġ l-id tal-ħbiberija mingħajr ma nonqos mill-prinċipji tiegħi.
“Ħafna nies spiċċaw tkissru meta kkonfrontaw lil Dr. Mifsud. Kienet kwistjoni meta t-tim Nazzjonali kien lagħab ma’ l-Italja fl-1992. Kien Joe Caruana Curran li daħal bħala medjatur u Norman Darmanin Demajo li żblokka s-sitwazzjoni bejn it-tnejn. Naħseb li għalkemm it-tmexxija ta’ Dr. Mifsud hi waħda kontroversjali, għamel ġid kbir għal-logħba Maltija. Però tkun interessanti li naraw demm ġdid wara tant snin.”
George hu karattru ħelu ħafna. Is-snin twal li ħadem fl-isport għamluh wieħed mill-aktar personalitajiet popolari f’dan il-qasam. Ħadem f’ħafna oqsma differenti li fihom kellu esperjenzi differenti. Isemmili l-aqwa avveniment li rrapporta, l-aktar wieħed kommoventi u l-aktar wieħed tad-daħk.
“Bla dubju ta’ xejn, l-aqwa ħaġa li qatt irrappurtajt kienet it-Tazza tad-Dinja ta’ l-1994 fl-Istati Uniti. Kont l-ewwel kummentatur Malti li għamilt xi ħaġa ta’ dan it-tip flimkien ma’ Pippo Psaila. Għamilt kummentarju dirett tal-finali bejn il-Brazil u l-Italja. Erba’ snin wara fi Franza kien mar Mark Cutajar. Esperjenza indimentikabbli.
“L-akbar żball li qatt għamilt kien fil-finali ta’ l-FA Trophy tas-sena 1991 bejn Hamrun Spartans u Valletta. Kienet logħba replay għax l-ewwel waħda spiċċat fi draw. Il-ġurnalisti konna kollha ħdejn xulxin u Mario Meli kien tani kollegament għar-radju. Kien għad fadal xi 15-il minuta u l-iscore kien 2-1. Il-ground kien mimli. Ħin minnhom ikun hemm goal favur il-Belt. Niftakar li kien auto goal ta’ Marco Grech. Fl-ewforija bdejt ngħajjat goal u ma ndunajtx li l-goal kien tħassar. Komplejt bil-kummentarju u bdejt ngħid kummenti bħal Belt mhux kuntenti bi draw u li se jkollna 30 minuta oħra mill-isbaħ ta’ ħin barrani.
“Kien għad fadal qisu 45 sekonda meta fettilli nerfa’ rasi lejn l-iscore board u kif rajthom 2-1 ksaħt. Imbagħad ridt nara kif se ndawwar id-diskors biex niġġustifika li l-Ħamrun kienu rebħu l-logħba. Illum ngħid li kienet storja tad-daħk imma dak iż-żmien għamilt tlett ijiem ma noħroġx mid-dar.
“Ħaġa li kienet missitli qalbi ħafna kienet meta l-Hibernians kellhom plejer Islandiż li nstab mejjet wara li siker u xeraq fil-karawett. Għamilt feature fuqu li ma ninsih qatt. Dak mil-lat negattiv. Min-naħa pożittiva emozzjonajt ħafna ruħi f’Palermo meta għamilt il-partita bejn l-Italja u Malta. Is-support fi Sqallija hu wieħed kbir ħafna u ridt ngħolli l-vuċi tiegħi biex stajt ninstema’ sew. Kienu ħafna li għajruni traditur u sa kien hemm min kiteb fil-gazzetti wkoll. Ħasbuni li nżomm mat-Taljani. Mhux il-każ.”
Jien ċert minn dan kollu. Altru minn hekk, it-tim Nazzjonali favorit ta’ George wara dak Malti kien u jibqa’ l-Ingilterra. Jgħidli li f’ħajtu l-Liverpool huma passjoni.
“Passjoni fil-privat għax fil-pubbliku nirristrinġi ruħi ħafna. Minn meta kont żgħir dejjem segwejt lilhom fiż-żmien meta kienu jiddominaw il-futbol Ingliż u dak Ewropew. Dan kollu għax forsi nħobb il-Beatles.
“Fl-Italja nħobb ħafna lit-Torino. Bdejt inżomm magħhom minn żmien Radice, Graziani u Pulici. Kienu kompetituri kbar tal-Juventus. Li nara l-istess bejn Liverpool u Torino hu li l-partitarji tagħhom dejjem jibqgħu wara t-tim anke fil-maltemp. F’Malta bilfors li trid iżomm mal-Belt jekk tkun minn hemm. Il-partitarji nzertaw l-aqwa fil-pajjiż ukoll. Ċelebrazzjonijiet bħal tagħna l-Beltin ma jagħmel ħadd. Jien bniedem li l-passjoni tal-partitarji tiġbidna ħafna.”
U m’għandi l-ebda dubju li huma ħafna dawk il-partitarji ta’ l-isport f’Malta li jħobbu x-xogħol li kien jipprovdi George. Fil-preżent, minn naħa tiegħi, nista’ biss nawguralu li f’dak li jrid iwettaq f’ħajtu jirnexxi fih. Imma xi tkun l-ewwel ħaġa li jagħmel kieku minn għada jkollu jsir Prim Ministru?
“Żgur li qatt ma kelli xi ambizzjoni li nidħol fil-politika. Imma ħaġa li ddejjaqni ħafna hi l-pressjoni żejda li ssir mill-kostitwenti. Jien bniedem li nħobb it-trasparenza. Kieku jien politiku ma niddejjaqx li nfalli elezzjoni jekk inkun naf li l-miżuri li qed nieħu jkunu iebsin imma ta’ ġid għall-pajjiż. L-ewwel ħaga li nagħmel tkun li naħtar bniedem serju fil-PBS biex jieħu ħsiebu sew. Hemm ġew ilhom jippruvaw jixkupaw is-sriep imma sfortunatament dejjem jidħlu sriep ġodda.
“Jien persuna li nħobb nara lil ħaddieħor jirnexxi f’dan ix-xogħol. Introduċejt ħafna nies fuq it-televiżjoni u dan għamiltu minn qalbi. Ħolma li għandi f’ħajti hi li dak li tgħallimt jien ngħaddih lil dawk il-ġurnalisti sportivi ġodda li jixtiequ jibdew jagħmlu xi courses. Nixtieq li l-iżbalji li għamilt jien ma jagħmilhomx ħaddieħor.”
Fl-aħħarnett, George ma setax ma jirringrazzjax nies bħal Leonard Callus, Lewis Portelli, Frans Lia, Dr. Roger Degiorgio u Anton Attard. Jgħidli li kienu dawn il-moħba wara s-suċċess tiegħu.
“Imma l-akbar ringrazzjament imur lejn marti għall-appoġġ kontinwu meta kont inqatta’ siegħat twal ‘il bogħod mid-dar.”
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt