11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
Manuel Cauchi: minn Sawlu għal Pawlu

Franica Pulis

L-irwol tiegħek f’Paul?
Ninterpreta l-parti ta’ Sawlu jew kif nafuh illum, San Pawl. Fid-dramm ta’ Howard Brenton niltaqgħu mal-qaddis lejliet il-mewt tiegħu. Miegħu jitfgħu lil San Pietru li għandu sigriet terribbli x’jaqsam ma’ San Pawl. U hawn jibda vjaġġ lura fiż-żmien f’serje ta’ flashbacks fuq il-ġrajjiet kruċjali li ffurmaw dik li hi r-religjon Nisranija ta’ llum.

Kemm sibtha diffiċli/ faċli tinterpetah?
Fil-każ ta’ din id-dramm, Paul, il-pubbliku diġà għandu opinjoni ta’ kif għandu jkun jew jidher. Allura d-diffikultà ta’ xogħli hi kif se nagħġen din l-istampa b’mod ġdid biex nagħmel il-karattru teatrikament validu.

Kif taħdem fuq il-karattri tiegħek? Kif tasal għalihom?
Minn ġewwa għal barra. L-ewwel nasal u nifhem dak li jagħġen il-karattru minn ġewwa… dak kollu li ma jinstabx fit-test miktub. Hemm ikun il-qofol ta’ kollox. Ladarba tasal tifhem xi jġiegħel lill-karattru jaġixxi kif jitlob l-awtur f’xogħlu, allura il-bqija hu faċli għax il-forma fiżika tista’ tgħid tiġi weħidha.

Kif tħossok li qed taħdem fi produzzjoni b’tema reliġjuża?
Naf li probabbli dan id-dramm se joħloq kontroversji għax proprju jgħarbel ċerti fatti dwar it-twemmin Nisrani u tpoġġiehom f’dawl ġdid. Kontra l-ħafna għajdut li diġà qed isir, ċert li xogħol Brenton, għal dawk li verament jemmnu iservi biex issostni l-fidi mhux biex ikissirha. Imma fuq kollox wieħed irid iħares lejha bħalha borma tagħli ta’ konflitt uman li kollha kemm aħna ngħaddu minnu irrelevanti hiex reliġjon, politka, relazzjonijiet u dik l-lista ma tispiċċa qatt ta’ dak kollu li jagħmilna bnedmin.

Kemm ilkom għaddejjin bil-provi? Xi proċess intuża?
Ilna għaddejjin xahrejn. Il-proċess hu ta’ skoperta li tista’ tgħid bnejna flimkien. Bħal kull produzzjoni oħra l-importanti hu li jinħoloq dak t-tim li kull membru tiegħu qiegħed fuq l-istess binarju. U l-enfasi taqa’ fuq l-għaliex aktar milli l-kif.

Kif tħossok f’kast ta’ atturi kollu rġiel ħlief għal tfajla?
Ma tagħmel l-ebda differenza… l-aktar ħaġa li tgħodd hi li kull membru tal-kast jagħti l-massimu tiegħu.

Xogħol għal palk, xogħol għat-televixin. Kif jirnexxilek tleħħaq mat-tnejn? Jirnexxielek tikkonċentra meta jkollok aktar minn dramm wieħed għaddej?
Dik hi l-isfortuna fix-xogħol tagħna… għax ġieli tgħaddi minn perjodi sostanzjali fejn ma jkollok l-ebda produzzjoni u perjodi oħrajn fejn jinzertawlek kollha f’daqqa. Trid u ma tridx ikollok tikkonċentra. Biż-żmien tidra żżommhom separati biex titfa’ l-enerġija kollha meħtieġa f’dak li tkun qed tagħmel dak il-ħin.

Tara xi differenza bejn il-ġenerazzjoni ta’ l-atturi t’issa għal dik ta’ 30 sena ilu?
M’għandux ikun hemm differenzi. Attur jaddatta għaż-żminijiet li fihom jgħix. Jekk hemm differenza hi fl-aspettattiva ta’ l-udjenzi tagħna u t-tip ta’ xogħlijiet li jittellgħu.

Ilek ma tidderieġi dramm. X’kien?
Forsi għax għadni ma ltqajtx ma’ dak id-dramm li jeċitani biżżejjed li nikkommetti ruħi għalih.

Spiss narawk fi rwoli ‘kattivi’ fuq il-palk u t-televiżjoni. Kif tħossok b’dawn il-karattri sterjotipati li jagħtuhomlok minn żmien għall-ieħor?
L-irwoli ‘kattivi’, kif sejjaħtilhom int, huma l-aktar partijiet interessanti li wieħed jista’ jinterpreta. Kif ngħidu fil-mestier, ‘Aktar għandek x’tomgħod!’. Imma xorta waħda nħossni xxurtjat li stajt ninterpreta spektrum sħiħ ta’ karattri tul l-karriera tiegħi fuq il-palk u l-iscreen. Imma kif qed issemmi int, il-pubbliku ġeneralment jiftakrek biss meta tkun kattiv.

Qatt ġratlek li xi nies fit-triq jikkummentawlek dwar xi karattru ‘kattiv’ li tkun għamilt?
Iva u ta’ spiss. Ikolli ngħid li r-raġuni kif semmejt qabel hi, li kollha kemm aħna, irridu jew ma rridux dejjem nibqgħu affaxxinati b’dak li hu marbut mal-ħażen.

Hemm xi karattru li ilek żmien twil tixtieq tagħmlu?
Hemm lista sħiħa! Diffiċli tipponta lejn xi wieħed partikulari għax irid jasal fi żmien propizju li nkun lest għalih.

Taħseb li l-vuċi tiegħek għenitek biex tasal fejn wasalt?
Il-vuċi hi biss parti waħda minn proċess sħiħ u kontinwu ta’ taħriġ. Hu l-impenn totali li jgħodd l-aktar. U lanqas togħġobni l-kelma “wasalt”. Il-mument li nasal ifisser li nieqaf, u m’għandi l-ebda ħsieb li nieqaf għalissa!

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt