L-ittra ta’ Edward Torpiano pubblikata fl-4 ta’ Frar tixhed kemm il-kitba ta’ dan il-korrispondent hi qarrieqa.
Nistieden lill-korrispondent biex qabel jipprova jinsinwa affarijiet diżonesti fil-gazzetti jara x’kien eżatt il-messaġġ tiegħi kemm fl-attività msemmija ta’ din is-sena kif ukoll fis-snin l-imgħoddija.
Darb’oħra meta ssir il-komemorazzjoni b’tifkira ta’ Riccardo Cesare tajjeb li jkun preżenti biex jifhem aħjar x’ikun intqal.
Lil Torpiano ngħidlu li m’għandu l-ebda dritt jiġġudika u jipprova jweġġa’ bi kliem offensiv. Imissu jaf li mhux se jgħallimni xi tfisser it-trawma ta’ din it-traġedja għax ġarrabtha u kienet biss ir-rieda t’Alla li ma messitnix l-istess xorti ta’ Cesare wara li sfronda s-saqaf tad-dar fejn kont noqgħod fl-1994.
Kieku kellu nitfa rispett lejn il-mejjet u l-qraba tiegħu ma kienx jipprova jieħu vantaġġ politiku biex mingħalih ipoġġini f’dawl ikrah magħhom. Nies ta’ l-affari tagħhom ma jagħmlux affarijiet bħal dawn.
Publio Agius
Sindku Floriana
Floriana
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt