11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
Il-pjan Laburista għaż-żgħażagħ

Żgħażagħ bħali jinsabu bla dinjità. X’dinjità jista’ jkollok jekk tkun bla xogħol? X’kuraġġ tagħmel jekk meta tipprova tixtri post il-bank ma jagħtikx self jekk ma tkunx taħdem u minħabba f’hekk ma tistax tibni familja? X’ma jkunx hawn koabitazzjoni jekk biex tagħmel tieġ jew tixtri proprjetà trid eluf kbar ta’ liri?
Ma jistax ikollna żgħażagħ li jaqtgħu qalbhom minn dan il-pajjiż u jemigraw. Tlifna biżżejjed nies u talenti fis-Snin 60. Ma rridux li nerġgħu ngħaddu minn dan, wisq iktar meta jkollok studenti li jkun investa fihom il-Gvern u kif jiggradwaw imorru jaħdmu barra minn Malta.
Għandna Gvern li mhux joħloqilna l-postijiet fejn naħdmu. Dan barra l-pagi redikoli li huma offruti meta mqabbla ma’ ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.
Ma tridx tkun għaref biex tinduna li l-miżuri li qed jipproponi Gvern Laburista ġdid se jolqtuk għall-aħjar. Jekk int żagħżugħ bħali li tixtieq tibni familja u qed taraha impossibbli biex tixtri jew tibni proprjetà għax trid eluf kbar ta’ liri, Gvern Laburista qed iwiegħed li jiġu riveduti r-rati ta’ taxxa li hemm illum fuq l-akkwist ta’ l-ewwel dar.
Jekk int żagħżugħ li qed tistudja u qalulek li taħt il-Labour, kieku bqajna barra mill-UE, m’intix se tkun tista’ tmur tistudja barra, issa mhux talli dħalna fl-UE imma talli Gvern Laburista ġdid se jibda jalloka miljun lira fis-sena għal min ikun jixtieq imur jistudja barra minn Malta.
Jekk bħali jogħġbok in-negozju u tibża’ li jiġrilek bħalma qed jiġrilhom ħafna u taqta’ qalbek qabel ma tibda, Gvern Laburista se jeżentak mill-bolla għall-ewwel sentejn ħalli jagħtik nifs tibda u taqbad il-klijenti ġodda. Ma ninsewx ukoll li jnaqqas is-surcharge bin-nofs.
Jekk bħalissa qed tistaqsi minn fejn se jġib il-flus biex ipatti għal dan kollu, b’aktar responsabbiltà u kontabbiltà l-Gvern ikun jista’ jagħmel dan kollu possibbli.
Jekk int żagħżugħ li forsi ġej minn familja Nazzjonalista u l-proposti jogħġbuk, iżda bħas-soltu jdaħħlulek id-dubji f’rasek li dawn ma jitwettqux, ngħidlek ħaġa waħda: fil-ħajja jekk ma tippruvax qatt ma tasal. Dawn huma proposti mfaħħra mill-għaqdiet kollha taż-żgħażagħ u ma rċevewx kritika mill-PN.
Jeħtieġ ma nkunux beżgħana mill-bidla. Anzi ż-żgħażagħ magħrufin li jħobbu l-bidla. Ejja nkunu aħna li mmexxu ’l quddiem dawn il-proposti għax aħna se ngawdu minnhom.
Bjorn Azzopardi
Kandidat MLP Qormi
Qormi

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt