11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
Fit-tmun

Julia Farrugia tintervista lil Joe Saliba

Li nagħmlu treasure hunt fl-uffiċċju ta’ Joe Saliba, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, żgur ma kenitx f’moħħi. Iżda x-xorti riedet li wara li spiċċajna l-intervista, it-telefon ċellulari għoġbu jintilef fil-basket b’tali mod li lanqas telefonati li għamilna fuqu ma setgħu jintraċċawh.
Joe Saliba, ta’ mhux quddiem il-kamera, hu bniedem differenti. Tajjeb jew ħażin rajt joħorġu aspetti differenti minn dawk ta’ fuq it-televiżjoni jew taħditiet politiċi. Disa’ sigħat wara ħa interess jerġa’ jċempel biex jekk jara dan l-imbierek telefon ċellulari nstabx.
Fl-isfond jispikka t-tkarwit ta’ inġenji li bħal donnu jfakkrek li tinsab ftit metri ’l bogħod minn sit ta’ kostruzzjoni. Għax l-uffiċċju ta’ Joe Saliba hu biss wieħed temporanju sakemm titlesta d-Dar Ċentrali l-ġdida tal-PN. U bħal f’kull sit ta’ kostruzzjoni l-mekkaniżmu politiku tal-partiti bħalissa, ftit ġimgħat qabel elezzjoni tal-kunsilli lokali u ftit xhur qabel il-kbira, ikunu rrankati sew.
X’deherlu Joe Saliba mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bħal llum ġimgħa?
“Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni semma l-ammont ta’ proġetti li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti u qal li ntefqu mitt miljun aktar. Ir-realtà hi li l-proġetti kollha li semma hu ma jiswewx mitt miljun. L-ironija wkoll hi li qal li kieku kien jużahom biex jiffranka nofs is-surcharge għal 14-il sena.”
Ikompli b’ritmu ta’ kalkoli li filgħodu diffiċli tiċċekkja jekk hux qed jagħmel is-somom tajjeb.
“Jekk is-surcharge hu 40 miljun jiġi 20 miljun lira fis-sena. Għal 14-il sena jiġu 240 miljun. In-numri u ċ-ċifri ma jreġux. Ma nistennihiex din mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Nistenna li jressaq il-pożizzjoni tiegħu. Mhux li jilgħab biċ-ċifri b’mod sfaċċat fl-istess ħmistax li qed jakkuża lil ħaddieħor li qed jilgħab biċ-ċifri. Din hi inaċċettabbli!”
Fil-pront jgħidli li “Il-Konferenza Ġenerali tal-MLP kienet iffukata bla dubju għall-elezzjoni ġenerali meta l-elezzjoni għadha ’l bogħod, u hi’l bogħod ħafna.”
Nistaqsieh kemm hi fil-bogħod. “M’għandix dubju li l-elezzjoni ssir fl-aktar żmien ’il bogħod is-sena d-dieħla.”
“Lejn l-aħħar imma tas-sena d-dieħla?” nistaqsieh.
“Mhux hekk!”
Mela l-Gvern se jilħaq jagħmel baġit ieħor, inkomplilu.
“Żgur, m’hemmx dubju.”
Minn hawn id-diskussjoni ddur fuq l-istrateġija li fi ħsiebu jadotta l-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. “Il-Partit Laburista qed jibbaża fuq il-grass roots. Il-grass roots waħedhom ma jrebbħukx elezzjoni.”
“Jien naħseb li l-formula rebbieħa hi li jirbaħ l-elezzjoni min jikkonvinċi lill-poplu li fil-leġislatura li jmiss in-nies se tħossha aħjar. Meta jagħraf lil dak il-partit li se jagħtih dawn il-garanziji allura l-poplu jivvota lil dak il-partit. Għandek 25 fil-mija floating voters u dawk jagħmlu d-differenza kollha. Din hi l-formula li se ġġibilna r-rebħa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.”
Kemm hu lest għal rebħa l-PN? Joe Saliba jagħmilha ċara li l-Partit Nazzjonalista lest għal kampanja elettorali. “Is-sena li għaddiet iffukajna fuq l-istruttura għall-elezzjoni ġenerali. Loġistikament lesti għal meta l-Prim Ministru jsejjaħ elezzjoni.”
Fil-fehma ta’ Joe Saliba l-elezzjoni li jmiss se tkun waħda aktar diffiċli għaliex m’hemmx xi kwistjoni nazzjonali bħal meta kien hemm it-tema ta’ l-Unjoni Ewropea. “Se tkun kampanja elettorali aktar diffiċli imma aktar interessanti,” ikompli Saliba.
Iżda s-Segretarju Ġenerali tal-PN kemm hu konvint li l-Partit Nazzjonalista se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss?
“Ma jidhirlix li hemm xi issues kbar x’nirranġaw. U kollox qed jindikali bil-polls, b’kollox, li l-n-nies qed jerġgħu jonfqu u jħossu l-feel good factor. M’għandniex għalfejn nagħmlu ċaqliqiet oħrajn.”
Imma ma jaħsibx li 20 sena fil-Gvern tpoġġi lill-PN fi żvantaġġ? “Bla dubju. Qiegħdin fi żvantaġġ illum il-ġurnata li ilna 20 sena fil-Gvern imma għandna vantaġġi oħrajn.”
Joe Saliba fost l-oħrajn jibbaża dawn il-vantaġġi fuq stħarriġ differenti ta’ l-opinjoni pubblika, inkluz tal-MaltaToday, li juru li Lawrence Gonzi għadu fuq vantaġġ fuq Alfred Sant fejn tidħol il-preferenza ta’ Kap.
Fl-istess ħin Joe Saliba ma jikkummenta xejn dwar il-fatt li l-istess stħarriġ juri li Alfred Sant qed iżid fl-appoġġ tan-nies u li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali issa jirbaħ il-Partit Laburista b’vantaġġ ta’ 1.5 fil-mija.
Imma fil-pront bħal donnu jaqrali moħħi. Jirraġuna li “jekk ħadna deċiżjonijiet diffiċli, naqqasna t-taxxi u nerġgħu nnaqqsuhom fil-baġit li ġej, u sena qabel l-elezzjoni diġà qiegħdin kważi ras imbras, il-possibiltajiet kollha huma favur tagħna.”
Meta nistaqsieh x’qed jgħid l-istħarriġ intern tal-PN jgħidli li ma jixtieqx jikkummenta fuqu imma “nistgħu mmorru fuq l-istħarriġ li tagħmlu intom.”
Nistħajjel li l-kampanja għall-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun waħda li matulha nerġgħu naraw is-solitu taqbila ta’ x’għamel Alfred Sant fi 22 xahar ma’ x’għamel il-PN fi kważi 20 sena.
B’elezzjoni tal-kunsilli lokali wara l-bieb, Joe Saliba ma jemminx li telfa oħra f’dan ir-round ta’ elezzjonijiet taffettwa ħażin lill-partit tiegħu. “Dak ma jfisser xejn. Ma jaffettwa bl-ebda mod lill-floating voters,” iwieġeb.
Jinsisti li l-PN hu partit ta’ koalizzjonijiet u partit popolari. “Aħna partit mhux ta’ settur wieħed.” Nistaqsieh x’jaħseb mill-fatt li nies tradizzjonalment magħrufa għat-twemmin Nazzjonalista bħal Marisa Micallef u Daphne Caruana Galizia b’kitbiethom ikkritikaw lill-PN. Caruana Galizia sa qalet li l-Partit Nazzjonalista m’għadux id-dar tagħha. Jinkwetawh kitbiet bħal dawn?
Bla ma jomgħodha jwieġeb: “Le, le, ma jinkwetawnix. Allaħares jinkwetani x’jaħseb ħaddieħor. Ma jinkwetanix x’jaħseb min mhux magħna aħseb u ara!”
Indawwar id-diskussjoni fuq il-kaċċa. Il-partit tiegħu fil-Gvern lest li jibda jħallas multa kuljum biex jikkuntenta lill-kaċċaturi u kontra dak li trid il-Kummissjoni Ewropea jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa?
Joe Saliba joħroġ b’xi ħaġa għal kollox ġdida minn dak li smajna s’issa. “Fl-opinjoni tiegħi l-aħjar triq ’il quddiem hi li ma jiħux id-deċiżjonijiet il-Gvern Malti. L-għaqal jitlob li l-gruppi kollha flimkien, il-kaċċaturi, il-Gvern u l-ambjentalisti jibdew jiltaqgħu flimkien mill-ġdid.”
Nistaqsieh jekk hux qed jagħmel appell biex il-kaċċaturi u l-ambjentalisti jinġabru madwar mejda għal diskussjonijiet ġodda. “Iva, m’hemmx dubju.”
Infakkru li kien hemm garanzija li l-kaċċa se tibqa’. “Ma jfissirx li dak li aħna għidna qabel ir-referendum m’għandniex nippruvaw nargumentaw biex inżommuh.”
Kontroversji oħra f’dan il-pajjiż hemm bosta, inkluż id-divorzju. “Personalment ma naqbilx mad-divorzju,” jinsisti Saliba.
Nistaqsieh jekk jaqbilx li din it-tema għandha tkun diskussa. “Iva, naqbel u mhux l-ewwel darba li ddiskutejnieh, anke fl-Eżekuttiv għad li mhux b’mod formali.”
Iżda fl-istess ħin li jgħid li hemm ħafna nies milquta ma jarax il-ħtieġa li d-divorzju jkun diskuss f’dan l-istadju. “Ma jidhirlix li għandha tidħol b’urġenza din id-diskussjoni imma xi darba jew oħra għandha tkun diskussa.”
U xi jwieġeb għall-fatt li wegħda elettorali li saret fl-1998 baqgħet s’issa ma twettqitx? Dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista kien wiegħed li jdaħħal liġi li tipproteġi lil dawk li jkunu qed jikkoabitaw. “Hemm ħafna affarijiet li tagħmilhom, hemm affarijiet oħrajn li ma jirnexxilekx tagħmilhom. Hi waħda mill-affarijiet li wieħed, fl-aħħar mill-aħħar, irid jasal għall-konklużjoni għaliha.”
Saliba għandu viżjoni għal bidla interna fil-Partit tiegħu. Madakollu din il-viżjoni jeskludi li se jaraha titwettaq fis-sena u nofs li ġejjin.
“L-akbar xewqa tiegħi? Nixtieq li nasal f’dak il-punt fejn id-diskussjoni nterna fil-Partit, inkluż fl-eżekuttiv fejn individwi ma jaqblux bejniethom, jidhru wkoll jiddibattu bejniethom pubblikament fil-media tal-PN.” Jgħid li jekk jagħmel din il-bidla issa żgur li l-Partit Laburista joħroġ jattakka li l-PN maqsum.
Dwar l-operat tal-media Nazzjonalista Joe Saliba juri li mhux kuntent mija fil-mija bil-programmi ta’ diskussjoni fuq Net TV. Jgħid li d-diskussjoni fuq iż-żewġ programmi ta’ diskussjoni attwali hi waħda matura ħafna u kultant hi f’livell ftit għoli żżejjed. “Hemm bżonn niddiskutu f’livell u b’lingwaġġ aktar komuni wkoll.” Imma dwar l-aħbarijiet l-istorja hi differenti. Saliba jkompli: “Tinsiex li għandek is-Super One il-ħin kollu għaddej bil-mod oppost. Irrid b’xi mod jew ieħor inwassal il-messaġġ tal-PN.”
Joe Saliba ilu jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista sa mill-1998. Kollox jindika li Saliba se jkun għamel 10 snin fuq it-tmun. Mistoqsi jekk ħasibx fuq x’jagħmel jekk il-Partit Nazzjonalista jġarrab telfa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss wieġeb: “m’għandix dubju li wara l-elezzjoni ġenerali li ġejja, kieku kellu l-PN jitlef l-elezzjoni, xi ħaġa li mhux qed naħsibha, għandi nitlaq immedjatament.”
Ikompli: “Il-mistoqsija għandha tkun anke jekk nirbħu l-elezzjoni. Joe Saliba għandu jibqa’ Segretarju Ġenerali għal għomru? Segretarju Ġenerali ta’ partit għandu jdum aktar minn żewġ leġislaturi?” Bl-aktar mod rilassat jgħidli li diġà jaf x’se jagħmel wara li jżarma mill-kariga li għandu.
“S’issa din il-mistoqsija għamluhieli żewġ persuni. Int it-tieni waħda. Wara l-elezzjoni ġenerali li nkunu rbaħna, ejja, u int tkun it-tieni waħda li ngħidlek. Diġà naf x’irrid nagħmel.”
Nistaqsieh jekk hux qed ifittex karriera politika.
Saliba jwieġeb bl-aktar mod ħieles. “Darba qaluli li se mmur Kastilja bħala Segretarju tal-Prim Ministru. Hemm min qal li se noħrog għall-Parlament...dik mhix il-linja tiegħi.”
Din id-dikjarazzjoni xxejjen kull possibbiltà li Saliba jimxi fuq il-passi ta’ Austin Gatt li mis-siġġu ta’ Segretarju Ġenerali kien ħareġ għall-elezzjoni ġenerali bħala kandidat.
Nistaqsieh jekk allura l-għażla hix fis-sengħa tal-bini. Jitbissem u jerġa’ “xi darba ngħidlek.”
X’ħin nitfi r-recorder u nqum minn mal-mejda Saliba jgħidli “tinsiex li għandi żewġt itfal l-Ingilterra.”
L-imħabba għall-ulied tibqa’ hemm. X’ħin jirrakkonta żewġ episodji partikolari għajnejh ileqqu. Jagħtini x’nifhem li t-triq ’il quddiem għal Joe Saliba se tkun waħda li tqarrbu aktar lejn il-familja. Forsi kariga jew xogħol li tħallilu l-ħin li jsiefer aktar spiss biex ikun iżjed qrib uliedu?

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt