L-Italja hi taħt xokk għal dak li ġara f’Catania l-ġimgħa l-oħra u l-Gvern Taljan qed jieħu miżuri ħorox wara l-mewt ta’ l-Ispettur Raciti. Din mhix l-ewwel mewt fil-futbol Taljan.
Għadni niftakar waħda mill-ewwel imwiet, dik ta’ Vincenzo Paparelli, partitarju tal-Lazio li fl-1979 intlaqat b’murtal f’għajnejh fl-Istadio Olimpico waqt id-derby.
Minn dak iż-żmien ’il hawn kien hemm bosta mwiet oħra, l-aħħar waħda ftit tal-jiem ilu fil-Kalabrija fejn diriġent ta’ tim minuri nqatel b’daqqiet ta’ sieq minn plejers u partitarji.
Kienu żgħażagħ l-iktar dawk li ħolqu l-kundizzjonijiet biex jinqatel l-Ispettur Raciti f’Catania u skond ma ħabbar fil-Parlament Taljan il-Ministru ta’ l-Intern Amato, fost il-41 arrestati sal-Ħamis, 16 minnhom kienu minorenni.
Iżda x’inhuma l-miżuri li se jieħdu Amato u l-Ministru ta’ l-Isport Melandri?
Mhux se jkun hemm aktar logħob miftuħ għall-pubbliku, ħlief għall-istadiums ta’ Ruma, Torino, Milan u Genova. Dan se jibqa’ fis-seħħ sakemm il-grawnds l-oħrajn ukoll ikollhom biljetti individwali għal kulħadd u jkunu armati b’kameras interni.
Ma jistgħux jinbiegħu aktar blokk tickets lill-partitarji tat-tim li jkun qed jilgħab barra minn daru. Il-pulizija tista’ żżomm arrestati għal 48 siegħa, żieda mis-36 siegħa ta’ bħalissa, lil dawk in-nies li jidhru fil-filmati jagħmlu atti vjolenti.
Il-Gvern Taljan qed iħares lejn l-esperjenza ta’ l-Ingilterra fejn wara l-istraġi li saru mill-hooligans fis-Snin Tmenin, issa jidher li l-partiti qed isiru bla ebda vjolenza.
Għalhekk il-Ministru Melandri qed tipproponi li fil-grawnd għandu jkun hemm biss stewards imħarrġa mill-klabbs waqt li l-forzi ta’ l-ordni jibqgħu barra mill-grawnd. Problema oħra hi li l-istadiums Taljani, għall-kuntrarju ta’ dawk Ingliżi, huma proprjetà tal-kunsilli lokali u mhux tal-klabbs. Melandri qed tipproponi li l-grawnds ikunu privatizzati u jsiru proprjetà tal-klabbs biex ikollhom iktar responsabbiltà.
Dawn il-miżuri se jservu għal xi ħaġa? Ma nafx. Li hu żgur hu li ħafna mill-vjolenza fil-futbol Taljan mhix marbuta mal-partitarji ta’ veru imma ma’ numru ta’ nies, ħafna minnhom żgħażagħ, li għandhom rabtiet ma’ ideoloġiji Neo-Nażisti, razzisti, xenofobiċi u ta’ mibegħda. Hemm ukoll gruppi tax-Xellug Estrem li huma delinkwenti primi u jużaw il-futbol bħala skuża għall-vjolenza tagħhom.
Sfortunatament il-politika hi l-iskuża biex ultras tax-Xellug bħal ta’ Livorno, jew tal-Lemin bħal ta’ Lazio, Atalanta u Catania, jagħmlu ħerba. Hu diżgustanti l-fatt li kif miet Raciti dehru kitbiet mal-ħitan ta’ Ruma, Livorno, Bologna, Siena, Ancona u Palermo jifirħu bil-mewt tiegħu. Kitbiet iffirmati bis-sigla Ingliża ACAB (All Constables Are Bastards).
Dan jagħtini x’nifhem li minbarra l-ispjegazzjonijiet soċjoloġiċi dwar in-nuqqas ta’ valuri taż-żgħażagħ u l-użu mifrux tal-kokaina u r-rwol tal-kriminalità u tal-Mafja b’mod partikolari f’Catania, jidher li hemm kuntatti bejn hooligans ta’ pajjiżi differenti li jaqsmu bejniethom l-esperjenzi moqżieża tagħhom. Qisu xi network internazzjonali tal-hooligans li jaħdem biex ikisser kullimkien fl-Ewropa.
Sfortunatament, il-ħajja ta’ bniedem, ta’ partitarju jew ta’ pulizija saret ma tiswa xejn. Dan tort anki ta’ diriġenti bħal Antonio Matarrese li mingħajr żejt f’wiċċu jistqarr il-filosofija li l-mewt hi “parti mil-logħba” u “ix-show irid jibqa’ għaddej “. Għal Matarrese l-flus u n-negozju jiġu l-ewwel u qabel kollox. Tabilħaqq naqbel li Matarrese jmissu jitneħħa minnufih mill-kariga ta’ President tal-Lega.
Imbagħad xi ngħidu għall-caretaker ta’ l-Istadju Cibali? F’daru, fil-grawnd, il-pulizija sabu boċċi tal-ħadid, mazez tal-baseball, trikki trakki kontra l-Liġi u x’naf jien. Il-bniedem li suppost jieħu ħsieb il-grawnd jaħżen l-armamenti perikolużi f’daru. Tassew ma titwemminx.
Hemm xi lezzjoni li nistgħu nitgħallmu f’Malta minn dan kollu?
Fil-fehma tiegħi, iva. Kemm-il darba f’Ta’ Qali smajna b’partitarji jgħajru lil xi plejer minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu. Ġieli ġara li xi ħadd li jieħu ħsieb il-grawnd juża mezzi daqxejn goffi, speċjalment ma’ uffiċjali barranin, li jkunu jżuruna. Ġieli għalaqna għajnejna għal xi aġir ta’ tesserati li żgur mhux aċċettabbli minn min suppost ikun ta’ eżempju għaż-żgħażagħ. U ġieli fuq programmi televiżivi ta’ diskussjoni sportiva qajjimna polemiċi li forsi aktar servew biex isaħħnu lill-partitarji milli biex jikkalmawhom.
Tajjeb li nirriflettu fuq dan għax l-imwiet tal-lum fl-Italja, bħalma kienu dawk ta’ Heysel, Hillsborough u oħrajn, kollha huma riżultat ta’ ġrajjiet ħafna inqas serji u gravi li ħadd ma ta kashom u ħallihom għaddejjin. Arnold Cassola hu deputat fil-parlament Taljan
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt