Min ikun jaf x’fiha l-borma jaħseb li min se jduqha hu xi iblah! Tal-għaġeb kif niġu ttrattati aħna ċ-ċittadini komuni minn dawk iċ-ċittadini li b’xi mod jew ieħor sabu posthom f’pożizzjoni ta’ poter.
Donnu li jaħsbu li dak li jgħidu u jagħmlu huma fatt żgur u biex żġur ma jibqax l-iċken dubju ta’ kemm iqisuna boloh, wara li jkunu ħadu d-deċiżjonijiet jiġu taparsi jiddiskutu magħna biex jaraw kif naħsbuha, meta jafu li għall-magħmul m’hemmx kunsill! Alfred Sant qal li mill-infieq fuq il-proġetti li wettaq il-Gvern setgħu ġew iffrankati madwar Lm191 miljun li minflok kieku kienu jintużaw biex tittaffa s-soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-14-il sena li ġejjin.
X’kienu dawn l-ispejjeż żejda u għaliex intefqu? Għaliex meta noħolmu b’xi proġett fuq il-karti nistmaw mod u meta niġu biex inwettquhom insibu li nkunu morna żmerċ? F’dak li qal Alfred Sant: il-messaġġ kien wieħed ċar. Għandna Gvern li qed jisparpalja l-miljuni tal-liri li jinġabru mit-taxxi li jħallsu dawk kollha li ma jafux x’inhi evażjoni tat-taxxa.
Għandna Gvern li ma jafx jippjana u waqt li jurik il-ħmara jagħtik id-debba! Għandna Gvern li ma jafx imexxi jew inkella intenzjonalment imexxi bi traskuraġni għax din tista’ tkun sors tajjeb għal xi erbgħa tal-klikka. Dan hu x’jgħid Alfred Sant biex jiġġustifika l-ħtieġa tal-bidla fil-pajjiż u biex iqawwi qalb dawk li jisimgħuh u li jistgħu jemmnuh li hu ma jħallix li jsiru dawn l-affarijiet jekk ikun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż.
Minn naħa tiegħu Lawrence Gonzi jgħid li kemm-il darba jkun hemm bżonn li nonfqu eluf ta’ liri iktar biex il-proġett isir aħjar minn dak li konna naħsbu allura dik mhix ħela imma investiment u għaqal ta’ min imexxi. Fil-każ tal-proġetti tat-toroq li kellhom jitħallsu mill-protokoll Taljan, il-Gvern qal li l-ammont li ntefaq mhuwiex esaġerat u sar għax verament kien meħtieġ. Il-messaġġ ta’ Lawrence Gonzi hu daqstant ċar. It-taxxi tal-poplu qed jintefqu aħjar għax qed isiru proġetti li se ngawduhom fit-tul. Dawn il-proġetti jistgħu jsiru għax issa qed nirċievu l-miljuni mill-Unjoni Ewropea u biex jibgħat messaġġ li kollox isir taħt skrutinju rett u nadif tazza tħabbar li hu u l-Ministru Gatt kienu ddeċidew li jdaħħlu l-Pulizija hekk kif kellhom xamma ta’ tixħim minn uffiċjal imdaħħal fil-proċess ta’ l-offerti tas-sistema tal-kompjuter ta’ l-isptar il-ġdid. Għal Lawrence Gonzi m’hemmx mod aħjar kif tista’ tmexxi l-pajjiż.
Hekk jafu jagħmlu l-politiċi ewlenin ta’ pajjiżna! Mhux fuq il-proġetti kapitali u infrastrutturali biss tafux. Hekk ittrattawna dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea; dwar l-kunsilli lokali; dwar l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika; dwar id-dħul ta’ l-Ewro; dwar l-isptar Mater Dei; dwar SmartCity; dwar in-nefqa pubblika; dwar il-qagħda ekonomika; dwar ir-riforma fil-portijiet; ir-riforma fil-pensjonijiet u dwar kull ħaġa li tiġi f’moħħhom u li jridu jbiegħuha lill-poplu.
Għadhom jaħsbu li meta jipproġettaw ruħhom b’dan il-mod, il-poplu se jistaqsi “lil min taqbad temmen minnhom it-tnejn?”
Iżda l-poplu m’għadux iblah u jekk qabel kien jinqabad fin-nassa ta’ naħa jew oħra issa m’għadux mazzun. Spiċċa ż-żmien li l-poplu jemmen kulma jisma’ b’għajnejh magħluqin. Minflok jagħmel l-għażla bejn it-tnejn x’aktarx li l-poplu llum tant xeba’ b’din il-logħba tal-boloh li jispiċċa jinjora lit-tnejn u jifforma opinjoni differenti minn dik li jiġi bbumbardjat biha ta’ kuljum.
Jista’ jkun li l-poplu qiegħed jifhem li min hu fi dmir li jirrappreżentah mhux neċessarjament ikun qiegħed iħares l-interessi tal-poplu. Żgur imma li l-poplu irrealizza li la Alfred Sant u lanqas Lawrence Gonzi ma huma jagħtu stampa tas-sitwazzjoni li tixhed il-verità - li suppost hi waħda.
Jekk bħala persuni dawn il-mexxejja huma kunsidrati validi u integri, meta jilbsu l-kappell ta’ politiċi d-dehra tagħhom fl-għajnejn tal-poplu ma tibqax l-istess!
Il-partiti politiċi jridu jifhmu li l-elezzjonijiet ma jirbħuhomx bil-voti tal-partitarji akkaniti. M’hemmx dubju li kieku kellhom jivvutaw biss il-partitarji akkaniti l-ebda partit minnhom ma jġib il-50 fil-mija u wieħed biex ikollu s-saħħa jifforma gvern maġġoritarju.
Illum diġà hemm il-biża’ li dan l-ammont ta’ voti jista’ ma jintlaħaqx fl-elezzjoni li ġejja mill-partiti ewlenin għaliex se jkun hemm bosta li ma jivvutawx jew iħassru l-vot; oħrajn li jagħżlu li jbiddlu l-alleanza tradizzjonali tagħhom u meta qed jinħass li n-numru ta’ partitarji tradizzjonalment akkaniti qiegħed jiċkien.
Għalhekk l-ikbar żball li jagħmlu l-partiti hu meta jfasslu politika li tenfasizza l-inklużjoni, imma meta jitkellmu dwarha jipproġettawha qisha xi proġett attraenti għal min hu akkanit biss.
Insewwu l-inġustizzji tfisser mhux nagħmlu ġustizzja ma’ min sofra, hu min hu, le.
Ir-rimedju nagħtuh biss lil min jappartjeni lill-partit tagħna! Se noħolqu l-opportunitajiet għal kulħadd imma nassiguraw li fil-proċess tal-għażla mill-passatur jgħaddu biss dawn li niddeċiedu aħna!
L-akkanit jifforma ruħu permezz ta’ partiġġjaniżmu, kultant esaġerat, li ma jħallihx jaħseb b’moħħu u jispiċċa bħal biċċa għodda f’mekkaniżmu reġimentat ta’ poter. X’kontribut jista’ jagħti dan lill-partit fil-konfront ta’ dawk li huma barra mill-partit? Li ma tkunx akkanit ma jfissirx li tkun politikament passiv.
Anzi jista’ jagħti l-każ li min mhux akkanit ikun iktar attiv politikament. Attiv fis-sens ta’ kif iħares lejn il-politika ġenerali; kif janalizza s-sitwazzjoni b’mod oġġettiv; kif jikkritika bil-għan li jtejjeb u mhux biex imaqdar; kif jiġġieled għal-libertà tal-ħsieb billi ma jħallix min jużah bħala numru jew pupazz li jiġġebbed bl-ispag.
Min mhux akkanit, imma hu attiv fil-partit, jinsisti li l-ideat ikunu xprunati minn isfel għal fuq u mhux imposti minn fuq għal isfel. L-istrutturi fi ħdan il-partit li jirrappreżentaw is-saffi t’isfel m’għandhomx ikunu użati għat-timbru u ċ-ċapċip ta’ approvazzjoni għall-kelma tal-mexxej.
It-tħejjija ta’ l-abbozzi tad-dokumenti ta’ politika tal-partiti m’għandhomx jitħejjew minn min qiegħed fil-quċċata tal-ġerarkija tal-partit imma jridu jsiru minn nies kompetenti minn naħa t’isfel.
Għall-partiti, li jridu jirbħu l-elezzjonijiet, illum ma baqax spazju fi ħdanhom għall-estremiżmu partiġjan, fanatiżmu esaġerat jew partiġjaniżmu sfrenat! Partit li jitfa’ l-ħatab fin-nar biex iqabbad il-ħuġġieġa tal-militanza sfrenata jkun qiegħed ifittex li jinħaraq!
Kemm-il darba l-partiti se jibqgħu jitrattaw lill-maġġoranza ta’ l-elettorat qishom xi gozz boloh, hekk se jiġrilhom: fil-mument tal-prova l-partiti se jinħarqu. Għax illum il-biċċa l-kbira ta’ l-elettorat mhux qed temmen kulma jgħidu anzi hemm bosta li tilfu kull interess fil-politiċi u l-ħidma tagħhom. U dan ġabuh b’idejhom stess il-partiti u min imexxihom.
Mhux ta’ b’xejn li ħafna nies li huma kompetenti u għandhom x’joffru lil pajjiżna jibżgħu jiċċappsu mal-partiti. Mhux ta’ b’xejn li qegħdin jiffurmaw gruppi soċjali ġodda biex jissostitwixxu lill-partiti politiċi tradizzjonali! Mhux ta’ b’xejn li hawn min qed jittama li s-soluzzjoni għal pajjiżna hu Gvern nazzjonali li mhux ikun iffurmat min-Nazzjonalisti u l-Laburisti imma minn nies integri u professjonali fil-qasam tagħhom. Mhux ta’ b’xejn l-istess partiti se jibbażaw il-kampanji elettorali tagħhom fuq il-persuna tal-mexxej u mhux fuq il-moħħ, il-qalb u r-ruħ tal-partit, jekk dawn għadhom jeżistu!
Għalhekk nibqa’ ninsisti li l-iblah hu min jaħsibna boloh!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt