11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
L-għasfur il-ħażin

Il-kritika u t-theddid li qed jibqa’ jagħmel is-Segretarju Ġeneral tal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti Lino Farrugia fil-konfront ta’ din il-gazzetta u lil wieħed mid-diretturi tal-kumpanija proprjetarja hi żbaljata u ftit tagħmel ġieħ lill-kaċċatur prim. Sfortunatament Farrugia qiegħed jispara fuq l-għasfur żbaljat.
L-ebda theddid mhu se jbeżża’ lil din il-gazzetta milli tkompli taqdi dmirha kif suppost.
Din il-gazzetta għandha linja editorjali ċara u dikjarata li ma taqbilx mal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa. F’pajjiż ħieles u demokratiku Farrugia ma jistax jippretendi li kulħadd jiġbed il-linja tiegħu, iżda l-verità hi li l-FKNK tilfet il-kredibiltà mal-membri tagħha stess u fl-attentat iddisprat biex jiġbor ġieħu mingħajr ma jiftaħ il-kanuni kontra l-gvern, Farrugia qed jimmira lejn il-persuni l-ħżiena.
Din il-gazzetta sa mill-ewwel ħarġa tagħha kulma għamlet hu li rrappurtat il-fatti ta’ kif seħħew l-affarijiet fil-Kumitat Ornis u f’laqgħat oħra, inkluż l-aħħar waħda li saret f’Brussels. Iżda għal xi wħud fl-FKNK donnu li tirrapporta l-fatti hu ħażin.
Il-fatti huma ċari. Il-Kummissjoni Ewropea qed tinsisti mal-Gvern Malti biex il-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa jinqatgħu. Tant hu hekk li s-sena li għaddiet il-KE bdiet proċeduri kontra l-Gvern li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jwasslu biex il-pajjiż ikun immultat jekk ma titwaqqafx il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Il-kaċċaturi jistgħu jħossuhom milgħubin mill-Gvern preżenti speċjalment wara l-wegħdiet li kienu sarulhom lejliet l-aħħar elezzjoni iżda l-FKNK taf ukoll li d-deroga li setgħet tkun applikata la beża’ għaliha l-Gvern u wisq iktar il-kaċċaturi nfushom.
Sfortunatament il-kaċċa fuq tajr protett baqgħet għaddejja b’mod rampanti u Farrugia jrid jammetti li l-FKNK ftit għandha kontroll fuq l-aġir tal-membri tagħha. In-nuqqas ta’ tmexxija serja toħroġ fil-beraħ meta fil-privat mexxejja tal-FKNK jgħidulek li mhumiex lesti li jikkoperaw mal-Pulizija kemm-il darba l-infurzar tal-liġijiet mill-Pulizija ma jsirx bis-serjetà.
Farrugia irid jifhem li mexxej kapaċi mhux biss dak li joħroġ lin-nies fit-toroq b’ħafna storbju u ġiġifogu iżda dak li f’mumenti iebsin jaf jerfa’ l-piż tar-responsabbiltà u jieħu deċiżjonijiet li jistgħu jolqtu wkoll ħażin lil xi wħud mill-membri.
Il-problema tal-kaċċaturi mhijiex din il-gazzetta, li hi vuċi fost ħafna oħrajn fis-soċjetà. Il-problema tal-kaċċaturi hi mal-gvern li minkejja l-pressjoni li qed issir minn Brussels għadu qed jittama lill-kaċċaturi u n-nassaba li d-delizzju tagħhom jista’ jibqa’ għaddej normali.
Iktar ma’ l-FKNK u l-membri tagħha jqumu malajr għar-realtà tas-sitwazzjoni illum iktar iservi ta’ ġid biex jipproteġu d-delizzju tagħhom skond ir-regoli Ewropej. Li Farrugia u sħabu jibqgħu jemmnu li l-affarijiet se jibqgħu kif inhuma huwa biss ħolm u ħela ta’ enerġija li mhu se jwasslu mkien.

Prosit Malta
Ħaqqhom prosit il-plejers tat-tim nazzjonali li nhar l-Erbgħa taw wirja oħra tajba fil-logħba kontra l-Awstrija. Draw kontra tim li s-sena d-dieħla se jospita l-kampjonat Ewropej tal-pajjiżi mhux ċajta. Jidher li r-rebħa kontra l-Ungerija ma kenitx kumbinazzjoni. Nawguraw li t-tim jibqa’ jsib dak l-ispirtu kumbattiv f’kull logħba.
Il-futbol hu logħba tal-moħħ u tal-qalb daqs kemm hu logħba teknika. Li l-plejers jinżlu fil-grawnd b’motivazzjoni rebbieħa hi importanti.
Iżda għal darb’oħra ma nistgħux ma nikkummentawx fuq in-nuqqas serju ta’ l-istazzjoni nazzjonali li jirrapporta r-riżultat tal-logħba. Sfortunatament il-kwistjoni bejn l-MFA u l-istazzjonijiet tat-televixin ewlenin baqgħet mhux solvuta.
Mhux xogħolna li nidħlu fil-mertu tal-kwistjoni kummerċjali li jista’ jkun hemm bejn l-Assoċjazzjoni u l-istazzjonijiet iżda li l-PBS, imħallas mit-taxxi pubbliċi, li jonqos milli jirrapporta dwar ir-riżultat pożittiv tat-tim nazzjonali huwa assurd u inaċċettabbli.
Ma jistax ikun li tal-PBS ituna r-riżultati tal-logħob kollu Ewropew iżda jonqsu li jtuna r-riżultati tal-futbol Malti. X’imkien hemm xi ħaġa ħażina ħafna u bħalma l-Awtorità tax-Xandir kienet ħadet il-passi biex is-sitwazzjoni li żviluppat fit-Tazza tad-Dinja tkun irranġata parzjalment, hekk ukoll nippretendu li din tindaħal biex tipproteġi d-dritt tal-konsumatur li jkun infurmat dwar ir-riżultati tal-futbol Malti.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt