Il-kwistjoni ta’ l-introduzzjoni tad-divorzju f’din l-art ħelwa għandha l-potenzjal li tkun
l-iskoll li fuqu jirrokka l-bastiment immexxi minn Lorenzo Gonzi.
Skond dak li smajt u qrajt meta ltaqa’ ma’ xi edituri fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur fil-Girgenti, Lorenzo għamilha ċara ħafna li hu jemmen li d-divorzju m’għandux ikun introdott fil-patria.
Min jaf jekk il-post innifsu, bl-atmosfera ta’ l-Inkwiżizzjoni, servietx b’xi mod ta’ influwenza fuq Lorenzo! Kważi, kważi, dikjarazzjoni espliċita bħal din, tmur anki lil hemm minn dak li kien jgħid il-Capo ta’ qablu, dak li kien għażlu biex jissuċċedih u wara għamel lilu nnifsu President. Jekk niftakar sew, dak kien jgħid biss li ‘allaħares’ Malta tiġi fis-sitwazzjoni fejn ikollna bżonn indaħħlu d-divorzju.
Ħalliha li hemm uħud fil-Partit Nazzjonalista li tassew jemmnu li Malta wasslet f’din is-sitwazzjoni, għax kif isostni l-eks ministru Falzon, illum fis-soċjetà Maltija hemm aktar diżordni minħabba n-nuqqas tad-divorzju milli jkun hemm diżordni kieku kellu jkun hemm id-divorzju. Iżda dak m’għandux ħajta f’ilsienu, waqt li oħrajn jaqblu miegħu iżda jibqgħu ħalqhom magħluq.
Minn kif tkellem Lorenzo Gonzi donnu li hu kontra d-dħul tad-divorzju per prinċipju u mhux għax iċ-ċirkostanzi attwali ma jiġġustifikawhx: pożizzjoni saħansitra aktar fundamentalista minn dik tal-predeċessur tiegħu!
Is-suċċessur tal-Partito Nazzjonali qatt ma kellu jkun partit konfessjonali li meta jkun fil-gvern jaġixxi bħalikieku Malta hi stat konfessjonali.
L-Istat m’għandux jidħol bejn il-kuxjenza ta’
l-individwu u dak li jrid Alla l-Imbierek u jekk id-divorzju hu moralment ħażin, dik affari ta’ l-individwu.
L-Istat għandu jikkonċerna ruħu mill-ġid tas-soċjetà u l-kwestjoni għandu jħares lejha proprju minn jekk id-diżordni li teżisti fis-soċjetà llum minħabba li m’hawnx divorzju tikbirx jew tonqosx bid-dħul tad-divorzju.
Il-pożizzjoni taż-żewġ partiti l-oħra dwar din il-kwestjoni hi ferm differenti. L-Alternattiva Demokratika tiddikjara li hi favur u tippretendi li ċ-ċittadin għandu dritt għad-divorzju qisu xi dritt fundamentali. Il-Partit Laburista hu l-aktar ambigwu għax ma jridx jieħu pożizzjoni, bl-iskuża fjakka li fis-soċjetà attwali m’hemm ebda diskussjoni dwar il-kwistjoni.
Kif kitbet fl-aħħar edizzjoni tar-rivista tagħha First, Marie Benoit (ammiratriċi kbira ta’ Alfred Sant), il-Laburisti mhux se jinqabdu bil-qalziet imniżżel u jmissu din il-kwistjoni jekk iridu jirbħu l-elezzjoni! X’ipokrezija! Imbagħad din l-istess Benoit tgħid li l-ipokriti huma n-Nazzjonalisti li żgur mhux se jdaħħlu d-divorzju filwaqt li ssostni li d-divorzju se jidħol żgur! Al buon intenditor poche parole!
It-tajba hi li l-Alternattiva Demokratika ddikjarat li fl-eventwalità li tkun rappreżentata fil-Parlament, hi tagħżel li tagħmel koalizzjoni mal-partit li l-aktar li jidher li jkun lest li jintroduċi d-divorzju! U jekk dan mhux il-Partit Laburista, min hu?
Lorenzo mhux makakk daqs Sant dwar din il-kwistjoni. Jekk irid jevita li jirrokka, irid ikun jaf jibbordja! Dikjarazzjonijiet espliċiti u assoluti, li ma jħallu l-ebda possibbiltà ta’ kompromess, deni biss jistgħu jagħmlu lill-PN.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt