04 ta' Frar 2007 • Nr 14

Arkivji




 

 

04 ta' Frar 2007
Bla eroj nazzjonali

Ħatra ta’ isqof hi aktar minn kull ħaġa oħra kwistjoni reliġjuża ta’ relevanza partikolari għal min jipprattika r-reliġjon Kattolika. Imma bl-impatt qawwi li għandha l-media f’pajjiż żgħir bħal tagħna, avveniment bħal dan sar ukoll fenomenu soċjali li mela u fawwar il-qlub tan-nies b’ħafna ferħ u tama.
Fenomenu li bdieh Dun Mario Grech u kompla fuq li komplieh Patri Pawl Cremona. F’soċjetà li ssejjaħ lilha nnifisha moderna li bħal donnu hi determinata biex tiċħad il-valuri tradizzjonali imma li għadha ma sabitx x’jagħmel tajjeb għalihom, li mhix qed issib imkien sod fejn tankra, u konsegwenza ta’ dan kollu hawn sens qawwi ta’ baħħ u vojt.
Hawn ħafna nies li ma jafux xi jridu, li qatt m’huma kuntenti b’li għandhom u li aktar m’għandhom iktar iridu.
L-ironija hi li l-ħatra taż-żewġ isqfijiet kienet l-unika waħda f’ma nafx kemm-il sena, li ntlaqgħet b’akklamazzjoni tista’ tgħid plebixxitarja, minkejja li intrinsikament il-mod kif issir din il-ħatra hu kollox barra demokratiku.
Lanqas fi żmien il-monarkija Ingliża u s-serviliżmu kolonjali, il-ħatra ta’ Re jew Reġina ġdida jew xi żjara rjali f’Malta ma kienet iġġib fostna dan il-kunsens popolari wiesa’ li kien hawn bil-miġja ta’ Mario Grech u Pawl Cremona.
Għax anki fi żmien li konna maħkuma mill-Kuruna Ingliża, dan il-poplu kien minn dejjem maqsum minn nofs b’sikkina bejn filo-Ingliżi u filo-Taljani u eventwalment anki faxxisti.

Ikoni u monumenti
Patri umli biċ-ċoqqa Dumnikana spiċċa akklamat daqs l-ikbar eroj ta’ dan il-poplu li qatt ma kellu l-eroj tiegħu u l-ftit ikoni li kellu mill-passat spiċċaw imġarrfa minn fuq il-pedestall tagħhom għal xi raġuni jew oħra.
L-ikoni li kellna fl-istorja dejjem kienu ta’ biċċa mill-poplu, ta’ ftit iżjed jew ftit inqas minn nofsu. Anki dawk l-ftit ikoni li ġejjin mill-parti ‘epika’ ta’ l-istorja bħal Mattew Callus, Mikiel Anton Vassalli, Dun Mikiel Xerri, Ċensu Brared u Manwel Dimech kienu meqjuma minn biċċa żgħira jew kbira tal-poplu, imma dejjem tibqa’ biċċa.
Rifless ta’ dan hu l-qima jew in-nuqqas tagħha tal-monumenti ta’ dawn il-figuri storiċi. Fi żmien il-Labour il-bust ta’ Nerik Mizzi kien spiċċa ‘mitluf’ u misjub xhur wara ġewwa Għar Ħasan u fi żmien in-Nazzjonalisti l-monument ta’ Manuel Dimech spiċċa midfun taħt il-weraq tas-siġar u eventwalment imtajjar minn fuq il-pjanti ta’ kif kellha ssir mill-ġdid il-pjazza ta’ Kastilja, għarwiena ħuta minn kull forma ta’ veġetazzjoni.

Boffa u Borg Olivier
F’moħħ il-poplu spiċċaw jitkissru diversi ikoni ta’ l-istorja kontemporanja minn wara l-gwerra ’l hawn. Ibda b’Pawlu Boffa, l-eroj tal-Laburiżmu f’Malta fil-perjodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer, li minkejja r-ri-paċifikazzoni wara l-isplit, xorta waħda spiċċa miet qalbu maqsuma għax ma kienx tħalla joħroġ bħala kandidat mal-MLP fl-elezzjoni ta’ l-1955.
Anki ‘missier Malta indipendenti’ George Borg Olivier, l-ikona Nazzjonalista, spiċċa ħażin meta ma riedx jaċċetta li żmienu kien għamlu u baqa’ sa l-aħħar jirreżisti r-riħ tal-bidla u spiċċa bil-konġuri kontrieh fis-satra tal-lejl.
Iżolat u avvelut, miet ta’ fuqu senduqu, għal darb’oħra qalbu maqsuma. Ħalli mbagħad wara mewtu għall-konvenjenza politika akkwista mill-ġdid l-istatus ta’ ikona patrijarkali meqjuma man-Nazzjonalisti DOC.

Mintoff
Bl-istess mod, imma b’differenza ta’ aktar ġiġġifogu u trikki trakki, wara iktar minn nofs seklu fil-politika anki l-Perit Duminku Mintoff spiċċa l-karriera politika fuq togħma mill-iktar morra.
‘Is-salvatur ta’ Malta’, dak li kellu nies jadurawh bir-ritratt tiegħu mixgħul fuq l-antiporta ta’ bosta djar u li daqs kemm kellu nies jadurawh, daqs tant ieħor kien hawn nies li jobogħduh. F’għajnejn dawk li kienu jadurawh, fl-aħħar tal-ġurnata Mintoff spiċċa bniedem tad-demm u l-laħam bħalhom li jħalli l-kapriċċi, l-għira u d-dgħjufijiet jagħmlu bih, li jilgħab il-poker politiku sax-xifer b’mod li kien jispiċċa ma jagħrafx fejn għandu jieqaf.
Tneħħi minn nofs il-camouflage ta’ battalja ideoloġika bejn il-Labour l-antik u dak ġdid u lil hinn mir-retorika u l-kapaċità kbira tiegħu f’dik li hi oratorija, il-Perit Mintoff spiċċa ġġarraf minn fuq il-pedestall b’tisbita kbira għax ma għarafx jieqaf fejn kellu jieqaf u jżarma għal kollox ġaladarba ddeċieda li jitlaq mit-tmexxija.
Imma fuq kollox, waqa’ minn fuq il-kolonna għax fl-aħħar kapitlu ta’ l-istorja tiegħu naqas milli jirrispetta proprju lil dawk li tant kienu jirrispettawh u jħobbuh, in-nies ta’ barra t-triq, speċjalment il-partitarji li għamlu dawk is-snin kollha msaħħrin u mmesmerizzati warajh.

Karmenu
Karmenu Mifsud Bonniċi storja għalih. Hu l-uniku politiku f’Malta, jekk tista’ ssejjaħlu politiku, li qatt ma fittex il-poter u l-glorja tiegħu, imma aċċetta xorta waħda li jġorr il-piż tar-responsabbiltà minn sens ta’ sagrifiċċju altruwista li dejjem kellu lejn ħaddieħor. Mżebblaħ u mkasbar bħala ‘Żero’ fis-sentejn li għamel bħala Prim Ministru minn dik il-parti tal-pubbliku li qatt ma ġiet f’kuntatt personali miegħu, imma maħbub ferm minn dawk li ħadmu qrib tiegħu u li kienu jafuh personalment. Hu dejjem kien konsistenti fit-twemmin tiegħu, forsi xi ftit iżżejjed sal-punt li ma jiddistingwix bejn twemmin reliġjuż li ma jistax jitgħawweġ dment li wieħed jibqa’ b’dik il-fidi, u twemmin politiku li ta’ bilfors irid ikun flessibbli u addattat għaċ-ċirkostanzi taż-żminijiet biex jibqa’ konvinċenti u kredibbli.

Fenech Adami
Imbagħad ġiet l-era ta’ Fenech Adami li bħala kap ta’ l-Oppożizzjoni lagħab kemm felaħ fuq strateġija li tħaddem b’mod effikaċi l-arma tal-provokazzjoni u tat-tensjoni. Strateġija li kienet maħduma fuq il-kapaċità li tipprevedi bil-quddiem x’se tkun ir-reazzjoni ta’ min kien jidħol ħelu ħelu fin-nassa mħejjija għalih billi jirreaġixxi eżatt kif ikunu ippjanaw l-aġenti provokaturi.
Din l-istrateġija tħaddmet b’mod perfett u b’maestrija liema bħala l-aktar f’Tal Barrani meta n-Nazzjonalisti kienu sabu tajbin għal snienhom iċ-ċwieċ ta’ rashom sħuna li ġabu rwieħhom eżatt skond il-pjan u spiċċaw taw servizz kbir lill-Partit Nazzjonalista. Konferma, mhux għax hemm wisq bżonnha, ta’ kemm din kienet provokazzjoni u xejn iktar, hu l-fatt li fi kważi 20 sena minn din il-ġrajja sewda, in-Nazzjonalisti qatt ma reġgħu ħassew il-ħtieġa li jagħmlu mass meeting fiż-Żejtun. Kienet strateġija maħsuba biex tipproġetta kontinwament lin-Nazzjonalisti bħala verġni u martri, bħala vittmi innoċenti tal-vjolenza tar-‘reġim soċjalista’.
Mingħajr dubju l-MLP dak iż-żmien kellu elementi fi ħdanu li kienu ddeġeneraw bl-ikrah u li kienu qed jagħmlu ħsara kbira mhux biss lill-pajjiż imma anki lill-istess Partit Laburista.
Inċidentalment uħud minn dawn l-elementi bħal Joe Grima u Ganni Psaila l-Pupa, snin wara l-bidla fil-Gvern kienu spiċċaw jagħtu palata mod ieħor lill-Partit Nazzjonalista. Id-dubji kbar dwar l-idejn moħbija wara din l-istrateġija ta’ tensjoni li kienet tirrikorri mhux biss għall-bombi fuq l-għetiebi u mal-bibien, imma għat-tortura u għall-famużi frame-ups, kienu msaħħin mill-fatt li meta uffiċjali għoljin tal-Pulizija li kienu instabu ħatja ta’ tortura u frame-ups fost l-oħrajn, flok ma twarrbu mill-korp spiċċaw jingħataw promozzjoni, għal waħda anki tnejn, taħt in-Nazzjonalisti fil-Gvern.
Għal nofs il-poplu Fenech Adami kien l-eroj li ġab lura l-pajjiż għan-normalità u li tah mill-ġdid il-libertà. Għan-nofs l-ieħor Fenech Adami kien il-perċimes fl-istrateġija biex fil-pajjiż ikun hawn il-konfrontazzjoni u t-tensjoni.
Imma fl-aħħar mill-aħħar anki fost partitarji akkaniti Nazzjonalisti, l-ikona ta’ Fenech Adami xxellfet xi ftit meta propju suppost kien wasal biex jerfa’ mill-ħajja pubblika spiċċa minn pultruna, qabeż għal oħra u aċċetta kontra l-parir ta’ ħafna li jsir President.
Bil-preġji u d-difetti kollha tagħhom, bl-isfumaturi u bl-istil ta’ tmexxija tagħhom, ħaġa waħda kellhom komuni Eddie Fenech Adami u Duminku Mintoff: daqskemm kien hawn min iħobbhom kien hawn min jobgħodhom. Min b’mod u min b’ieħor, it-tnejn li huma taw sehemhom biex jinbena dan il-pajjiż, imma fl-istess ħin it-tnejn li huma kkontribwew biex issaltan fostna l-polarizzazzjoni, il-pika u l-firda li għad hawn sal-lum.
Jgħidu xi jgħidu wara kważi 20 sena ta’ Gvern Nazzjonalista, baqgħet ma seħħitx il-famuża rikonċiljazzjoni nazzjonali li suppost kellha ġġib il-paċi fil-qlub u ssewwi b’mod permanenti t-tiċrit fit-tessut tas-soċjetà tagħna li daqskemm tidher sempliċi hi kumplessa.
Kellna u għad għandna pika parrokkjali fuq livell nazzjonali, duwaliżmu bejn żewġ nofsijiet li meta tipprova tgħaqqadhom flimkien ma jagħmlux ħaġa waħda sħiħa. Kellna u għad għandna Presidenti ta’ nofs Malta, meta il-figura ta’ President suppost li hi simbolu ta’ għaqda nazzjonali li fil-fatt ma teżistix.
Jitwaħħlu kemm jitwaħħlu fuq l-isdra ppuppati midalji għall-Ġieħ ir-Repubblika, xorta waħda Malta tibqa’ għal kollox orfni minn eroj nazzjonali fil-veru sens tal-kelma. Tfittex kemm tfittex fl-istorja, in-Nelson Mandela ta’ Malta tibqa’ ma ssibux.
Fl-isfond ta’ din il-kriżi ta’ identità, nuqqas ta’ kontinwità storika u nuqqas ta’ qawwa morali fit-tmexxija mhux biss f’sens reliġjuż, mhux ta’ b’xejn hekk kif tfaċċa patri sempliċi b’ċoqqa bajda bi tbissima fuq fommu, magħżul minn fuq u bl-ebda mod mhu prodott tad-demokrazija, spiċċa rebaħ il-qlub tal-parti l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin.
F’temp ta’ ftit ġranet Patri Pawl rebaħ kunsens popolari li minn kemm ilna indipendenti ma rebħu ħadd. Jekk jirnexxilux iżomm din il-fiduċja popolari nistennew u naraw. Imma għall-grazzja tal-ħanin Alla m’għandux għalfejn jitgħawweġ fuq dahru ta’ kull ħames snin biex jikkanvassja għall-voti.

wenzumintoff@yahoo.com

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt