04 ta' Frar 2007 • Nr 14

Arkivji




 

 

04 ta' Frar 2007

2007: sena li m’għandhiex tkiddna

L-ekonomisti tal-Gvern fl-Economic Policy Unit tal-Ministeru tal-Finanzi kull sena jagħmlu l-analiżi tagħhom ta’ l-ekonomija Maltija u din l-analiżi jaġġornawha l-ħin kollu biex ikollhom indikazzjoni ta’ fejn iqisu li miexi l-pajjiż matul is-sena u jfasslu il-perspettiva tagħhom għas-snin li ġejjin.
Għas-sena 2007 dawn l-ekonomisti qed jantiċipaw tkattir ekonomiku ta’ 3.1%. Dan hu tkattir akbar milli qed jantiċipaw l-ekonomisti ta’ l-Unjoni Ewropea li xogħolhom ukoll li jivvalutaw il-prospetti ta’ l-ekonomiji ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE. Dawn l-ekonomisti Ewropej jgħidu li l-ekonomija Maltija fl-2007 ma tikbirx aktar minn 2.2% f’termini reali.
Kemm 3.1% u aktar u aktar 2.2%, għal ekonomija miftuħa bħalma hi ta’ Malta, hu ftit wisq. Dan għaliex l-ekonomija tiddependi ħafna u hi ferm influwenzata b’dak li jiġri barra bħalma ġralna f’dawn l-aħħar sentejn biż-żidiet fil-prezz taż-żejt. Kulmeta l-ekonomija ma tikbirx b’termini reali b’minn ta’ l-anqas 4%, in-negozjanti ftit li xejn iħossuha.
Il-Bank Ċentrali minn naħa tiegħu qed iżid ir-rati ta’ l-interess. Reġa’ ħabbar żieda oħra l-ġimgħa l-oħra stess. Dan ifisser li l-Bank Ċentrali jemmen li l-ekonomija se tikber u hekk kif l-ekonomija tmexxi ’l quddiem tgħolli l-inflazzjoni. Donnu l-Bank Ċentrali qed jgħid li ma jridx iħalli l-ekonomija tikber ħafna u jkun jaqbel li jgħabbiha bil-piż ta’ spejjeż fuq is-self u l-krediti biex irażżan it-tkabbir. Hawn fejn ħafna jitħawdu. Aħna rridu nikbru, noħolqu l-inċentivi biex nikbru u fl-istess ħin ħaddieħor joħloq l-istrumenti biex irażżan it-tkabbir.
Mhux faċli tifhem x’inhu jsir. Min ibassar tnaqqis fit-ritmu ekonomiku hekk kif l-industrija tal-bini u tal-bejgħ tal-proprjetà tnaqqas ir-ritmu għax jgħidu li hawn wisq proprjetà fuq is-suq. Min ibassar ukoll li se jogħlew il-prezzijiet ta’ l-istess proprjetà u ta’ prodotti oħra hekk kif nersqu lejn il-bidla fil-munita u min għandu l-flus moħbija jitfagħhom fil-proprjetà u allura togħla l-inflazzjoni. Din ukoll taffettwa ħażin ir-rata ta’ tkattir ekonomiku.
U hawn min, mill-banda l-oħra, jgħid bħalma jgħidu l-ekonomisti tal-Gvern, nies li wara kollox l-aktar li għandhom stampa dettaljata tas-sitwazzjoni, li l-ekonomija issa li reġgħet qabdet ċertu ritmu ta’ tkattir se tkompli tikber fl-2007 b’rata akbar.
L-ekonomisti tal-Gvern jaraw li r-rata ta’ inflazzjoni qed tonqos hekk kif il-prezz taż-żejt niżel bi 33% u l-Enemalta xtrat iż-żejt li tista’ tbigħ bla ħtieġa ta’ surcharge qawwija. Fuq kollox l-ekonomisti tal-Gvern jaraw li l-impatt tal-finanzjamenti ta’ proġetti mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, li rnexxielu jinnegozja b’suċċess il-Gvern, ikollu mpatt qawwi matul din is-sena fuq ir-rata ta’ investiment ġdid fil-pajjiż. Dan għandu jgħolli l-livell ta’ infieq, kemm privat kif ukoll tal-Gvern, biex flimkien isostnu rata ta’ tkattir tal-prodott gross nazzjonali adekwat għaż-żminijiet tal-lum.
L-ekonomisti tal-Gvern infatti qed jipprevedu li hekk kif l-ekonomija tassorbi dan l-infieq mill-fondi Ewropej f’din is-sena li għadna kemm bdejna l-konsum privat jogħla u jkompli jogħla l-infieq fuq l-investiment kapitali, impjanti u apparat biex l-ekonomija tieħu spinta ’l quddiem.
L-ekonomisti ta’ l-UE huma aktar kawti dwar dan milli huma l-Maltin. Iżda naħseb li l-ekonomisti tal-Gvern għandhom aktar kontroll fuq l-andament ta’ l-ekonomija Maltija u għalhekk jagħmel aktar sens dak li qed jgħidu dawn f’Malta milli l-oħrajn f’Brussels.
Jekk l-ekonomisti tal-Gvern għandhom raġun ma nifhimx għaliex il-Bank Ċentrali qisu qed jippanikja u jgħolli l-interessi bankarji. Issa jidher li għandna sitwazzjoni kontradittorja – rata ta’ inflazzjoni nieżla u rata ta’ interessi bankarji tiela’.
Kif se nikklassifikaw dak li qed isir fl-ekonomija Maltija u dak li hu previst għall-2007?
Ma nistax nieħu la l-lenti ta kif qed jarawha l-ekonomisti tal-Gvern u lanqas dak li qed jifhem il-Bank Ċentrali. Bħala ekonomista naf li l-ekonomisti għandhom diversi metodi kif jikklassifikaw id-diversi fażijiet li tgħaddi minnhom l-ekonomija.
Dawn id-definizzjonijiet huma:
Reflation, fejn ikollok tkattir ekonomiku kajman u rata ta’ inflazzjoni nieżla. Recovery, fejn it-tkattir ekonomiku jiżdied u r-rata ta’ l-inflazzjoni tkun nieżla. Overheating, fejn it-tkattir ekonomiku jikber u jiżdied u l-inflazzjoni tkun tiela’. Stagflation, fejn it-tkattir ekonomiku jkun kajman u r-rata ta’ l-inflazzjoni tibda tiela’.
Dawn huma definizzjonijiet li jużaw l-ekonomisti ta’ Fidelity, l-akbar fund manager fl-Ingilterra. Skond dawn il-kriterji Malta għalhekk tidher li qegħda f’fażi ta’ recovery jew irkupru.
Il-fatti minn barra minn Malta jistgħu jiġġustifikaw din l-analiżi. Aħna niddependu ħafna fuq dak li jiġri fil-kumplament tad-dinja, l-aktar fl-ekonomiji ewlenin Ewropej bħall-Ingilterra, Franza u l-Ġermanja kif ukoll l-Amerika.
L-Ingliżi donnhom li għadhom jemmnu li l-ekonomija Ingliża għadha f’fażi ta’ boom hekk kif matul l-2007 hu ttamat li tibqa’ tikber b’rata ta’ 2.9% skond dak li jgħidu l-ekonomisti ta’ Ernst & Young. It-teżor Ingliż jgħid li l-ekonomija se tikber u tmexxi b’rata sodisfaċenti. Għalina f’Malta importanti li l-ekonomija Ingliża tkun qed tikber.
L-International Monitory Fund, mill-banda l-oħra qed isostni li l-ekonomija mondjali qed tgawdi perjodu ta’ tkattir ekonomiku b’saħħtu. L-indikazzjonijiet għal Franza u għall-Ġermanja huma tajbin. Franza u l-Ġermanja wkoll importanti ħafna għal Malta.
Iżda impotanti li ngħaġġlu r-ristrutturar fis-setturi l-aktar li jinħtieġuhom u naħtfu
l-opportunitajiet il-ġodda.
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali fil-kumment pubbliku li għamel dan l-aħħar qal li l-ekonomija Maltija hi “on target” biex tilħaq l-għanijiet ta’ Maastricht u għalhekk nikkwalifikaw għall-Ewro. Skond il-Bank Ċentrali dan ifisser li fl-2007 id-defiċit tal-Gvern bħala ratio tal-PGD jinżel 2.4%, id-dejn nazzjonali bħala ratio tal-PGD jinżel għal 67.2%, l-inflazzjoni taqa’ taħt it-2%. Barra li jwassluna għall-Ewro dawn huma kundizzjonijiet tajbin għat-tkattir ekonomiku tagħna.
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Michael Bonello, widdeb li għalkemm l-Ewro tajba għalina ma jfissirx li waħidha se ġġibilna xi tkattir ekonomiku akbar. Dan it-tkattir jasal biss jekk pajjiżna jirnexxielu jaħtaf l-opportunitajiet ġodda li l-Ewro jiftaħlu bħala għodda importanti f’suq wieħed vast Ewropew.
Dawn huma kummenti lil hinn mill-kuluri politiċi li jħobbu jagħtu l-analisti tal-partiti politiċi li issa drajnihom jitkellmu f’termini ta’ paradise lost jew paradise gained.
Il-verità tidher li matul l-2007 għandna ngawdu perjodu ta’ tkattir ekonomiku relattivament sod u rata ta’ inflazzjoni maniġabbli. Jekk dan isir l-2007 m’għandhiex tkun sena ħażina.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt