04 ta' Frar 2007 Jason Micallef jaħlef li ma jagħtix wiċċ lil Joe Falzon
Il-persuna li kienet hi li oġġezzjonat għan-nomina ta’ Jason Micallef għax ma kienx ħallas it-tessera għal tliet snin mhux se jkun appuntat Deputat Segretarju Ġenerali. Joe Falzon, kanvasser prim tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Michael Falzon, kien inħatar assistent tas-Segretarju Ġenerali minn Micallef stess.
Uffiċjali għoljin fil-partit qalu lil din il-gazzetta li Jason Micallef ħalef li ma jagħtix wiċċ lil Joe Falzon u li ma jappuntahx għal din il-kariga. Apparti l-aspett amministrattiv, Joe Falzon kien responsabbli wkoll mill-Kunsilli Lokali u f’din il-kariga ħoloq antipatija kbira mal-kunsilliera eletti Laburisti bil-mod kif kien jaġixxi.
Il-Ġimgħa fil-għaxija, il-fazzjoni ta’ Michael Falzon ħadet daqqa kbira fl-elezzjoni għall-membri ta’ l-Eżekuttiv u l-elezzjoni għall-kariga ta’ Segretarju Edukattiv fl-amministrazzjoni tal-partit. Wenzu Mintoff, li ġab 463 vot, ħa l-post ta’ Aleks Farrugia, li ġab 319 vot, bħala Segretarju Edukattiv.
Aleks Farrugia hu miżżewweġ lil oħt Nathalie Attard, l-assistenta ta’ Michael Falzon. Attard ma tħallietx tikkontesta għall-Eżekuttiv wara ’l hekk imsejjaħ każ tas-serp.
Fil-kampanja bejn Wenzu Mintoff u Aleks Farrugia, Nathalie Attard kienet attiva ħafna biex Farrugia, li llum huwa l-Assistent Editur ta’ It-Torca, iżomm il-kariga tiegħu.
Apparti hekk il-kandidati kollha ta’ Sant żdiedu bil-kbir fil-voti.
Mhux magħruf min se jintagħżel minflok Falzon fil-kariga ta’ Assistant Segretarju iżda skond uffiċjal għoli tal-partit li tkellem ma’ din il-gazzetta “dan żgur se jkun xi ħadd li tista’ tafda.”
Dan ifisser li l-persuna trid tkun individwu fil-kamp ta’ Alfred Sant.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt