Taxxa fuq it-tè wasslet biex l-Ingilterra tilfet il-kolonji Amerikani. Oħra fuq l-melħ kienet li tat spinta biex għal darb’oħra titlef il-kolonja ta’ l-Indja. Imperi, politiċi u gvernijiet waqgħu proprju minħabba xi introduzzjoni ta’ xi taxxa. Il-bniedem dejjem ħares lejn it-taxxi bħala xi ħaġa odjuża u kważi kull elezzjoni titfassal fuq kemm daħlu jew naqsu taxxi. Madankollu l-ebda gvern ma jista’ jgħaddi mingħajrhom.
Fis-sewwa t-taxxi ta’ kull xorta hemm bżonnhom. Anzi s-sistema tat-taxxi, li hi antika daqs il-muntanji fl-istorja tal-bniedem, hi ispirata minn tqassim ġust tal-ġid. Il-ħsieb warajha hu li kulħadd jagħti skond dak li jaqla’ biex kulħadd jgħix ħajja aħjar. Mingħajr taxxi l-ebda gvern ma jista’ jiffinanzja dawk is-servizzi komuni u meħtieġa kemma ta’ infrastruttura kif ukoll umani biex soċjetà tibqa’ għaddejja u wieqfa fuq saqajha.
Iżda mhux kulħadd jaqbel dwar kif u kemm għandu jkun hemm taxxi. Min ipoġġi l-ekonomija qabel il-bniedem jargumenta li anqas ma jkun hawn taxxi aktar hemm ċans ta’ prosperità. Anqas taxxi, aktar flus fl-idejn, allura aktar infiq u aktar produzzjoni.
Milton Freedman, li miet ftit tax-xhur ilu, bid-dixxipli tiegħu Ronald Reegan u Margaret Thatcher, kien l-esponent ewlieni ta’ din it-teorija fl-aħħar tas-seklu l-ieħor. Fil-verità t-teorija tiegħu tassew kabbret il-ġid nazzjonali ta’ ħafna pajjiżi iżda ma assiguratx li dan il-ġid ikun imqassam tajjeb, biex il-ftit saru sinjuruni, u l-ħafna baqgħu fejn kienu jekk mhux ukoll marru lura.
Biex it-taxxi jagħmlu sens, għandu jkun hemm ukoll sistemi li jassiguraw li dawn imorru fejn għandhom imorru u l-infiq ta’ dawk li jinġabru mit-taxxi jkun jagħmel sens. Jekk ma jiġrix hekk, hemm ir-riskju li jiġri lill-gvern bħalma jiġri lil wieħed li jiddependi mid-droga. L-eżistenza tal-gvern tant issir tiddependi fuq it-taxxi bħala l-introjtu prinċipali nazzjonali li l-gvern jinqabad f’ċirku u fi spirali li jibda jonfoq aktar minn kemm idaħħal.
Sa ċertu punt dan ġara Malta, li minkejja l-introduzzjoni ta’ taxxi ta’ kull xorta, diretti u indiretti, id-dejn nazzjonali sploda ’l fuq għal kważi Lm1.5 biljun. Kull sena rridu nħallsu madwar Lm70 miljun imgħaxijiet. Ċifri li ma jħallu l-ebda triq oħra ħlief li jiġu introdotti aktar taxxi biex dan kollu jinfeda.
Jidher li anke f’Malta dħalna f’ċirku vizzjuż. Irridu nammettu li minkejja li l-Gvern għad baqagħlu jiġbor madwar Lm360 miljun f’arretrati ta’ taxxi, ta’ kull sena insiru nafu minn kull diskors tal-baġit li dejjem tiżdied il-ġabra ta’ taxxi.
Madankollu l-leblieba tal-politiċi biex jonfqu aktar milli għandhom dejjem tiżdied u ħafna drabi tintlemaħ fi proġetti kbar li sakemm jaslu fit-tmiem tagħhom l-ispiża ġieli taqbeż id-doppju ta’ dak li oriġinarjament kien maħsub li jintefaq.
L-aħħar każ li kellna kienu dawk it-toroq li saru bil-protocol Taljan li ġew jiswew aktar minn Lm9 miljun minn kemm suppost kellu jintefaq. Dan biex ma nsemmix il-port ta’ l-Imġarr, Għawdex u l-Marfa, l-Isptar Mater Dei u mitt proġett ieħor li kienu proprju fl-aħbarijiet mhux għax inbnew iżda għal kemm ġew jiswew.
Li t-taxxi jinġabru hi ħaga tajba però l-imma dejjem tkun kif jintefqu. Ma jistax ikollok pjan fiskali kważi kollettivista. Iżda meta tigi biex tonfoq, jaħdmu r-regoli tas-suq ħieles bil-konsegwenzi u skandli li dan iġib miegħu fl-għoti ta’ proġetti kbar.
F’xenarju bħal dan iċ-ċittadin onest jibda jħares lejn it-taxxi bħala xi kastig minflok bżonn u sagrifiċċju inevitabbli. F’dan ix-xenarju ċ-ċittadin onest dejjem jilmaħ l-istess tużżana kuntratturi u negozjanti li jmorru tajjeb, mentri hu ma jkun żied xejn ma’ dak li għandu u l-kwalità ta’ ħajja li jgħix ma tkunx tjibitlu.
It-taxxi hemm bżonnhom iżda kull gvern għandu jistinka biex kemm jista’ jkun inaqqas mid-dipendenza tagħhom. Fost oħrajn dan jista’ jsir biex ikabbar l-introjtu tiegħu minn sorsi oħrajn flok dak tat-taxxi. L-aktar sors importanti alternattiv hu dak li jġib kemm jiflaħ investiment barrani biex jissostitwixxi parti minn dak li qiegħed jigi ffinanzjat mit-taxxi taċ-ċittadin.
Jekk tinħoloq klima b’saħħitha ta’ investiment hemm iċ-ċans tajjeb li r-reġim fiskali jiġi rilassat. Per eżempju dan jidher li qiegħed jiġri fis-Slovenja, fejn minkejja li r-rata tat-taxxa hi waħda fissa ta’ 20 fil-mija għal kulħadd, għax għandha attrazzjoni tajba ta’ investiment barrani, il-ġid nazzjonali sploda ’l fuq. Inqas ma tkun ir-rata tat-taxxa aktar hemm ċans ta’ investiment ta’ kull xorta. Iżda biex dan isir, irid ikollok klima finanzjarja b’saħħitha tassew u ma tridx tkun waħda artifiċjali.
Fl-aħħarnett irridu nsaħħu dawk l-istituzzjonijiet li jishru fuq min jonfoq il-flus li jinġabru t-taxxi. Figura importantissima f’pajjiżna, li s’issa jidher li għadha b’saħħitha, hu l-Awditur Ġenerali tal-Gvern. Ir-rapporti annwali ta’ l-Awditur kull sena jikxfu tberbiq u sparpaljar ta’ flus. Din hi istituzzjoni li għandna nħalluha taħdem fil-libertà kollha u mingħajr indħil politku.
Kienet għalhekk esperjenza perikoluża meta fil-każ tal-Voice of the Mediterranean, l-Awditur spiċċa taħt attakk mill-politiċi, meta tant kien ovvju li l-affarijiet ma tmexxewx sew fejn darba kien hemm ir-Radju Leħen il-Mediterran. Din l-istituzzjoni trid tissaħħaħ u jalla li jkun hemm min ikun hemm fil-Gvern jaqa’ fil-mira tagħha meta flusna jintefqu ħażin.
PEPPI
Darba xi ħadd għamilli mistoqsija diffiċli. Qalli: “Kieku int ma kontx daqhekk f’għajn in-nies u jkollok ċans tevadi t-taxxa u ma tinqabadx, tevadiha?
Kont weġibt, “Le, ma nevadhix it-taxxa.”
Ikolli nammetti li ma kontx sinċier sa barra għax ġenwinament ma nafx x’nagħmel jekk tiġi ċ-ċirkostanza. Weġibt le għax fil-każ tiegħi issa diffiċli biex ikolli dik l-għażla. Iżda kieku kelli?
Meta kont żgħir darba sabuli pinna l-iskola u kienu tawni exclusion ta’ jumejn. Il-pinna ma kinitx innoċenti. Fit-tokka niftakar kellha mara qisha fl-ilma li meta taqleb il-pinna kienet tispiċċa bla ħwejjeġ. L-iskola kienu ħammruli wiċċi u għamlu plejtu sħiħ dwarha. Kienu qaluli li dak kien dnub mejjet u għamlu priedka lill-klassi dwar il-kruha ta’ dan id- dnub.
Naħseb li meta konna żgħar id-dnub kien marbut wisq mas-sess. Koxxa jew sider barra kienu jagħmlu ħoss aktar minn xi ħadd li, per eżempju, seraq għax ma ħallasx it-taxxa. Aħna mrobbijin wisq naħsbu li d-dnubiet m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ l- evażjoni tat-taxxa.
Kważi ħadd ma jmur iqerr biex jgħid li evada t-taxxa. Niġġustifikawha qabel il-qrara billi ngħidu ħaġa li sserħilna il-kuxjenza mill-ewwel: ‘Naħseb li l-Gvern iberbaq flusna u allura ġustifikat li jekk insib ċans nevadi t-taxxa.’ Ħafna jgħiduha din. Ħafna lanqas għandhom għalfejn jiġġustifikawha għax sal-lum il-kuxjenza tagħhom fuq it-taxxa raqdet raqda profonda.
F’dan is-sens inħoss li l-Gvern falla biex jispjega l-obbligu tat-taxxa u jkompli jfalli iktar biex jispjega fejn u kif qed jintefqu l-flus tat-taxxa.
Niftakar meta f Xarabank konna għamilna l-programm dwar il-qalb f’idejja kelli molla żgħira li jekk taraha fl-art ma tiġborhiex. Din il-molla tintuża fl-operazzjonijiet tal-qalb. Tiswa Lm700. Fis-sala ħadd ma ried jemmen.
Kull Oppożizzjoni li kellna f dawn l-aħħar 30 sena dejjem kienet tħambaq fuq it-tberbiq tal-flus. Ovvja li mhux se ngħid li l-Gvern ma jberbaqx flus. Ovvja mhux se ngħid li l- Gvern m’għandux jikkontrolla n-nefqa fejn ikun hemm il-ħtieġa. Iżda meta tara artikli u diskorsi jikkritikaw lil dak il-Ministeru għax nefaq eluf fil-karozzi tiskandalizzak.
Għax kif jagħmluha tieħu l-impressjoni li dawn il-karozzi jkunu ntużaw mill-Ministru u s-Segretarji personali tiegħu jew tagħha. Imbagħad issib li n-nefqa tinkludi l-ambulanzi, eċċ.
F’dan is sens meta għandna kultura li tiffranka t-taxxa mhix dnub; meta għadna Gvern li ġieli jberbaq fix-xejn; meta għadna Opozizzjoni li tagħti l-impressjoni giddieba li l-flus tat-taxxi tagħna jmorru biss fit-tberbiq!
Allura bilfors li hi parti mill-kultura tagħna li t-taxxa tħallasha safejn ikollok bilfors tħallas u l-bqija dejjem għadna nsibu mezzi ġodda biex nevitawha.
Naħseb wasal iż-żmien li b’mod konxju nagħmlu kampanja dwar il-bżonn tat-taxxa. Bħalma nikkundannaw lil xi ħadd li jidħol f’dar ta’ anzjana u jeħdilha kollox bl-istess mod għadna nikkundannaw is-serq fil-ħlas tat-taxxa. Dik l-istess anzjana, meta ma nħallsux it-taxxa dovuta, inkunu qed nisirquha għax bit-taxxi tagħna li dik l-anzjana jista jkollha l-kura li jkollha bżonn.
Mhux sew li l-ħaddiema bil-paga li ma jistgħux jagħmlu mod ieħor jispiċċaw iħallsu t- taxxa kollha filwaqt li dawk li jaqilgħu ħafna iktar jevitawha filwaqt li jgawdu mill-istess benefiċċji.
F’dan is-sens l-infurzar tal-Liġi hi neċesarja iżda aktar minn hekk hemm bżonn tinbidel il-mentalità tagħna li s serq mit-taxxa hu dnub venjali li jista’ jinħafer b’ mod awtomatiku mingħajr il-bżonn li trodd lura dak li tkun sraqt.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt