“Wara 11-il sena ngħix mar-raġel bħala familja sibt nota fuq l-armarju tal-kċina u qalli li bejnietna spiċċa kollox.”
Din hi d-dikjarazzjoni b’saħħitha ta’ omm ta’ żewġt itfal li f’intervista esklussiva ma’ Illum titkellem dwar il-weġgħat tagħha u tal-familja wara li r-raġel li kienet miegħu f’relazzjoni barra ż-żwieġ qabad u telaq mid-dar.
Il-mara ssostni li hi qatt ma setgħet tiżżewweġ minħabba li r-raġel kien għadu ma ġabx l-annullament. Ġimgħa ilu l-omm fetħet kawża kostituzzjonali kontra l-Prim Ministru u l-awtoritajiet konċernati. Il-mara ssostni li f’Malta l-awtoritajiet qed joħolqu diskriminazzjoni peress li m’hawnx qafas legali li jħares l-obbligi f’relazzjoni ta’ koppja li tkun qed tikkoabita barra ż-żwieġ.