Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u s-Segretarju Ġenerali tal-PN Joe Saliba ċedew għall-pressjoni kbira li saritilhom minn diversi bnadi u aċċettaw fl-aħħar minuta li tiġġedded il-kandidatura tas-Sindku ta’ Ħ’Attard Norbert Pace għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tax-xahar id-dieħel.
Norbert Pace tefa’ l-kandidatura tiegħu l-bieraħ ftit wara t-3pm fl-aħħar ġurnata li fiha l-Uffiċċju Elettorali fil-Belt kien qed jilqa’ n-nomini tal-kandidati.
Kien għall-ħabta tan-12.30pm li Pace rċieva t-telefonata mid-Dar Ċentrali tal-PN fejn kien infurmat li kien “approvat.”
Maħbub ħafna f’Ħ’Attard, Norbert Pace ilu Sindku tal-lokalità għal dawn l-aħħar 10 snin u sal-bieraħ kienet għaddejja ħidma kbira interna biex Gonzi u Saliba jaċċettawh biex jerġa’ jikkontesta f’isem il-PN.
Norbert Pace, li hu meqjus bħala viċin ħafna ta’ l-eks Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, hu rappurtat li sab l-appoġġ tal-Ministru Louis Galea, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo u d-Deputat Jeffrey Pullicino Orlando li skond imkejjen, għamlu pressjoni kbira fuq it-tmexxija tal-PN biex aċċettawh bħala kandidat.
Imkejjen viċin il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard qalu lil din il-gazzetta li Norbert Pace kien qed jaffronta oppożizzjoni qawwija mill-Kunsilliera tal-PN stess, fosthom il-Viċi Sindku Remigio Bartolo, li hu wkoll is-segretarju privat tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Biex kienet aċċettata n-nomina ta’ Norbert Pace nifhmu li nkiteb rapport li tħejja minn Louis Galea u li ngħata l-Ħamis filgħaxija lil Lawrence Gonzi u lil Joe Saliba u li ddiskutew il-kontenut tiegħu u ddeċidew fuqu ftit wara nofsinhar tal-bieraħ. Mhux magħruf għalfejn Gonzi u Saliba kienu kontra li Pace jerġa’ jikkontesta f’isem il-PN.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt