04 ta' Frar 2007
L-Irlandiż b’imħabba kbira lejn Malta u l-Maltin
F’dawn l-aħħar 10 snin fil-qasam ġurnalistiku sportiv ħdimt ma’ persuni fuq pedamenti għoljin ħafna fejn jidħol l-isport. Imma b’din l-intervista nħoss li wasalt fejn kulmin għandu dan il-mestjier, jixtieq li jasal. Kont ili newhden xhur sħaħ biex nagħmel ftit ħin ma’ xi wieħed minn dawn l-istilel mondjali ta’ l-isnuker. Kont ili żmien ngħid lil sħabi Tony Drago u Alex Borg li xtaqt nintervista lil Ken Doherty. Il-ħsieb li kelli lħaqtu. Illum inħossni sodisfatt aktar minn qatt qabel!
Dan għax ma’ Ken Doherty kont miftiehem il-Ħadd filgħaxija. F’xi l-5.00pm kelli nċempillu fil-kamra. Kont mingħalija li se jgħidli biex niltaqgħu aktar tard filgħaxija.
Inkun fir-reception 10 minuti oħra qalli minn fuq it-telefon. Ħasadni u għalhekk kelli nerġa’ lura fil-karozza biex inġib ir-recorder. Ħsibt li se jagħtini ħin għal aktar tard. Żgur li sakemm tlajt il-minutiera ta’ l-arloġġ ma laħqitx daret 10 darbiet. Inħares u narah fir-reception jistenna bl-istikka f’idu…u ġirja għal ħdejh!
Jgħidli li jiftakarni mis-sena ta’ qabel filwaqt li jħeġġiġni nsibu post għal aktar kwiet. Il-mużika fl-isfond tal-pjanist qribna ma tantx dehret mill-favoriti tiegħu. Bejn kelma u oħra, sakemm nippreparaw, ikellimni ftit fuq kollox. Deher li huwa persuna li l-ħajja jaf kif għandu jieħu l-massimu tagħha.
F’din l-intervista Ken Doherty jirrakkuntali bosta ġrajjiet li laqtuh f’dawn is-snin kemm ilu fid-dinja ta’ l-isnuker. Jgħidli x’ifisser għalih li tkun champion tad-dinja u mument ikrah f’ħajtu f’inċident li kellu tliet snin ilu li fih seta’ tilef għajnu l-leminija u kien ikollu jtemm il-karriera ħesrem. Ma jonqosx li jsemmi l-passjoni li għandu għat-tim ta’ qalbu, Manchester United.
Bqajt impressjonat bl-umiltà ta’ l-Irlandiż. Għal aktar minn tliet kwarti, f’mument li suppost mar jipprattika fuq xi mejda libera, sab il-ħin biex jitkellem miegħi u jirrispondini għal kull mistoqsija li għamiltlu. L-impressjoni fuqu tal-poplu li jħobb din il-logħba hija waħda ta’ raġel b’karattru eċċellenti li minkejja l-kobor internazzjonali li għandu, baqa’ jkompli u jidħak anke bl-aktar affarijiet sempliċi. Illum inħossni kburi aktar minn qatt qabel li Ken sar ħabib tiegħi sew!
“Jien persuna kuntent bil-ħajja tiegħi u kważi dejjem inkun ferħan bija nnifsi. Inħobb ħafna l-futbol u l-mużika. Meta noħroġ mal-ħbieb l-hena tiegħi nisma’ ċ-ċajt tagħhom u nirrakkuntalhom tiegħi biex nidħak. Inħobb noħroġ ħafna ma’ marti wkoll. Alla tagħni don biex nilgħab l-isnuker u naħseb li s’issa tajt dak kollu li naf fil-logħba.”
Ken Doherty twieled fis-17 ta’ Settembru 1969. Joqgħod Dublin u preżentament qed jokkupa l-post numru tnejn fir-rankings proviżorji mondjali. Rebaħ it-titlu taċ-champion tad-dinja fl-1997. Fil-karriera tiegħu rebaħ tmien tournaments li sitta minnhom kienu ranking fost l-aħħar edizzjoni tal-Malta Cup. Għalih fissru aktar minn tliet miljun lira sterlina. Huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers li qatt rat il-logħba ta’ l-isnuker.
“Huwa tragward sabiħ ħafna li rnexxilii nagħmel dan kollu. Bdejt nilgħab ta’ età żgħira ħafna f’żewġ snuker clubs f’Dublin u niftakar li kont nuża banketta biex inlaħħaq mal-mejda. Biex wasalt sal-quċċata kelli ngħaddi minn sagrifiċċji kbar. Dejjem żammejt ma’ l-ewwel tmien postijiet tar-rankings.
“Hija xi ħaġa fantastika meta naħseb f’dan kollu. Qatt ma bsart li kont se nasal s’hawn. Niftakar li meta kelli disa’ snin il-ġenituri tiegħi xtrawli mejda ta’ l-isnuker ta’ nofs metru kollox. Suppost li kien rigal mingħand Father Christmas għax mort tajjeb fl-eżamijiet ta’ l-iskola.
“Dejjem ħlomt li nirbaħ il-World Championship imma sinċerament qatt ma ħsibt li din il-ħolma setgħet xi darba ssir realtà. L-akbar sodisfazzjon li qatt kelli kien meta dak inhar irbaħt lil Stephen Hendry li kien għadu qatt ma tilef finali fil-karriera tiegħu. Nippreferi nerġa’ nirbaħ il-World Championship milli nkun in-numru wieħed fir-rankings mondjali kif kont ftit tal-ġimgħat ilu.”
Kien kurjuż il-fatt li lill-plejer ta’ dan il-kalibru nsaqsih jekk iħossx li t-talent kien fih jew le.
“Kulħadd għandu xi talent partikolari fih. Imma dan irid ikun kapaċi jiskoprih l-individwu. F’kull sport biex tirnexxi jrid ikollok ftit talent, ftit fortuna u ħafna training ġo fik.”
Ken huwa l-mimmi ta’ għajnejn kull Irlandiż. Kull plejer ta’ l-isnuker hu magħruf b’laqam imma hu, għal laqam wieħed għandu tlieta. F’pajjiżu jsibuh bħala ‘The Darlin’ of Dublin’, ‘Krafty Ken’ u ‘Ken-Do’. Probabbilment, l-Irlandiżi baqgħu ma nsew qatt kemm paxxihom f’żewġ logħbiet partikolari u li anke hu jqishom bħala l-aqwa tnejn li qatt lagħab. Jerġa’ jsemmili l-imsemmija finali kontra Stephen Hendry li biha sar champion tad-dinja. Ikompli…
“Ma ninsa qatt ukoll il-comeback kbira li kelli kontra Paul Hunter fis-semi-finali ta’ World Championship oħra tas-sena 2003. Irbaħt tmienja mill-aħħar disa’ frames biex wasalt sal-finali. Xi ħaġa simili għamiltha s-sena l-oħra kontra John Higgins biex irbaħt il-Malta Cup. L-isbaħ mument ikun meta terfa’ t-tazza. Importanti li fl-isport ma taqta’ qalbek qatt. Fl-isnuker, aktar minn sport ieħor għax kull frame huwa differenti. L-importanti hu li dejjem iżżomm kalm.”
Isemmili lil Paul Hunter u jfakkarni fih. Nistaqsih x’kien jaħseb dwaru.
“Kien raġel normali ħafna u kellu kariżma kbira. Kien raġel sabiħ u popolari ħafna man-nisa. Kellu wiċċ Leonardo Di Caprio. Kien xi ħaġa kbira għal-logħba u kellu karattru tal-ġenn.
“Lagħab ftit snin magħna bħala plejer professjonali u n-nuqqas tiegħu fostna qed jinħass ħafna. Ħadna qata’ kbira kif smajna bl-aħbar għax kien sejjer tajjeb fit-terapiji li beda jagħmel. Sfortunatament, it-tip ta’ kanċer li kellu kien mill-aktar qawwi u aggressiv u l-ebda persuna fid-dinja ma kienet isalva minnu. Kważi kollha morna għall-funeral tiegħu. Kien mument emozzjonanti ħafna.”
Ħsibt li kien aħjar kieku evitajt din il-mistoqsija. Ken deher li lil sieħbu baqa’ ma nesihx. Jieħu nifs qawwi. Stennejt li kien se jagħmilli sinjal b’għajnejh biex ngħaddu għall-mistoqsija li jmiss. Pawsa qasira biex jgħajjat ħdejh xi segwaċi tiegħu li kienu qed jistennewh għall-firma. Hawnhekk reġgħet ħarġet l-umiltà ta’ l-Irlandiż. Jiffirmalhom u nkomplu. Ridtu jispjegali x’kien ġralu eżatt tliet snin ilu meta f’konferenza stampa hawn Malta kien qal li kważi tilef għajnu l-leminija.
“Niftakar li kien il-Ħadd u kont id-dar qed nara t-televiżjoni mal-mara. F’ħin minnhom il-film li konna qed naraw waqaf għar-reklami u tlajt niġri fuq fil-kamra tal-banju biex nerġa’ nkun fil-ħin għat-tkomplija tal-film.
“Kif wasalt fejn il-banju żlaqt u t-tapp tal-vit daħal eżatt fil-kappell ta’ għajnejja. Kont fortunat li ma tliftx għajni l-leminija.”
Fl-istess ħin li jirrakkuntali, jersaq viċin tiegħi u jbexxaq għajnu. Il-ponti għadhom sal-lum jidhru sew. Jinfaqa’ f’daħka tat-tfal u fl-istess ħin jaħlef li kemm idum ħaj, ma jidħolx jiġri darb’oħra f’kamra tal-banju.
Imma plejer ta’ klassi mondjali, xorta jkollu plejer favorit tiegħu li jaħseb li jkun l-aqwa wieħed li qatt ra? Fil-każ ta’ Ken, ir-risposta hija iva.
“Stephen Hendry l-aktar wieħed li rebaħ u allura mingħajr dubju kulħadd jgħidlek li hu. Imma l-aktar plejer kbir li qatt kien hawn imwieled bit-talent għal-logħba huwa Ronnie O’Sullivan. Li tarah jilgħab hija xi ħaġa fantastika. Ħasra li kultant it-temperament tiegħu jdejqek imma dan ma jnaqqas xejn mill-merti tiegħu. Meta jkun fl-aqwa forma ħadd ma jmiss miegħu.”
F’dawn l-aħħar snin dejjem smajt ftaħir mill-plejers fuq il-professjonalità ta’ kif tkun organizzata l-Malta Cup. Ken huwa ta’ l-istess opinjoni.
“Mal-plejers l-oħra dejjem nitkellmu li Malta huwa wieħed mill-isbaħ postijiet li nżuru fil-kalendarju annwali tal-World Snooker. Il-Maltin huma nies li jilqgħuk ħafna. Il-Hilton hija lukanda eċċellenti li fiha nsibu l-privatezza tagħna wkoll. F’Malta ħafna jħobbu l-isnuker grazzi għal Tony Drago u dan għalina vantaġġ għax kulfejn immorru kulħadd jilqagħna. Ili niġi Malta 12-il sena u gawdejt kull minuta li kont hawn.
“Nixtieq ngħid grazzi lil Snooker Promotions b’mod speċjali lil Richard Balani u Joe Zammit għall-mod professjonali ta’ kif jaħdmu. Dejjem sibt appoġġ kbir ukoll minn Fr. Vince Demicoli. S’issa f’Malta rnexxieli nżur il-kon katidral ta’ San Ġwann il-Belt, u naħseb li hija xi ħaġa artistikament kolossali. Għalija l-isbaħ ħaġa li turist jista’ jsib f’Malta. Imma Għawdex għadni qatt ma mort. Nixtieq insib ħin.”
Niftiehem miegħu biex jekk ikollu eliminazzjoni bikrija, nieħdu sal-gżira tat-tliet għoljiet. Filwaqt li jaċċetta, nagħmel il-qrun biex ma nisħtux. It-tnejn nerġgħu nfaqqgħu daħka.
“Il-Maltin inħobbhom ħafna. Għandhom l-istess karattru ta’ l-Irlandiżi. Iħobbu jaraw il-futbol u jieħdu drink bħali. Meta ninzerta hawn u ma jkollix logħob u jkunu ħa jilagħbu r-Red Devils, inħobb immur sal-club tal-Manchester United, f’St. Venera. Bdejt inżomm magħhom għax minn dejjem kellhom ħafna plejers Irlandiżi.
“Ma ninsa qatt lil Keane, Irwin, Stableton u lill-kbir, George Best. Minn mindu kont l-iskola ma’ sħabi bdejna inżommu magħhom. Meta kont irbaħt il-World Championship stidnuni f’Old Trafford u miegħi ħadd it-trofew. Kienet l-aħħar logħba ta’ Eric Cantona.”
Nipprova niġbidlu siequ u nsaqsih iħobbx lil Liverpool.
“Le, ma tantx.” Jerġa’ jinfaqa’ jidħak.
Wieħed mill-ħbieb ta’ Ken huwa proprju Tony Drago. L-opinjoni tiegħu fuq il-plejer Malti hija waħda ta’ aktar minn ħbiberija.
“Huwa l-aqwa sportiv li qatt kellkom fuq bażi professjonali u nista’ nassigurak jien li huwa kburi ħafna li huwa Malti. Li tilgħab quddiem il-pubbliku tiegħek mhux ċajta għax il-pressjoni tiżdied kif kien jiġrili jien fl-Irlanda. Nieħu pjaċir ħafna fil-kumpanija tiegħu u ta’ Alex Borg.”
Ridt nagħmel priorità l-mistoqsija li ġejja. Staqsejtu fuq il-farsa li għamlu s-sena l-oħra hu u John Higgins l-għada tal-finali. Dak il-lejl, wara l-finali kienu ħarġu flimkien u għamlu maratona ta’ alkoħol sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Wiċċu deher se jerġa’ jinfaqa’ bid-daħk sakemm irrakkontali x’ġara eżatt.
“Dak inhar wara l-finali jien u John inżilna fit-toroq ta’ Paceville induru. Nammetti li dħalna f’xi bars u skirna. Jien ġejt lura qabel John u straħt sagħtejn għax fil-5.30am kellna l-coach ibbukkjata biex toħodna l-ajruport għax it-titjira kienet fis-7.30am. John daħal fil-5.00am, u ħin kellu biss kemm jitla’ fil-kamra u jniżżel il-bagalja.
“Aħna t-tnejn għandna karattru li jekk nixorbu nibdew nidħku mix-xejn u allura t-tnejn nafu li mhu se jkollna problemi ma’ ħadd.
“Hekk kif tlajna fil-bus tar-runway biex toħodna lejn l-ajruplan, John ingħalaq il-bieb f’wiċċu u kollha nfqajna nidħku. Qbadna tilgħin it-taraġ u kien imiss lil John biex jidħol isib is-seat tiegħu sakemm ġie mwaqqaf mill-hostess. Ma ridux iħalluh itir għax kien taħt l-effett ta’ l-alkoħol.
“Kif rajt hekk qomt u ppruvajt nikkonvinċi anke lill-pilota li John mhux bniedem tal-ġlied u assigurajthom li kif kien se jpoġġi, kienet se tmur għajnu bih u anqas ikun jaf li wasalna l-Ingilterra. Ma riedu jafu b’xejn għax xorta ordnawlna biex inħallu l-ajruplan. “Lil sieħbi li kien qed jixrob il-kafè u ma kienx jaf x’inhu jiġri, ordnawlu jinżel ukoll. Il-mod kif stmawna kien terribbli. Qisna ġejna arrestati. Il-pilota kien jaf min aħna. Il-lejl ta’ qabel konna għadna kif lagħabna finali li Malta kollha kienet qed taraha.
“Qalilna li kellu xi lmenti mingħand passiġġieri oħra meta kien għadu anqas biss poġġa kulħadd. Ħallewna hawn 10 sigħat żejda. L-aħbar kienet diġà ħarġet sew hawn Malta u biex tgħaxxaqa kif filgħaxija wasalna fl-ajruport ta’ Heathrow sibna tliet paparazzi li ġibdulna ma nafx kemm-il ritratt. Filgħodu fit-tliet gazzetti ewlenien ta’ l-Irlanda kien hemm jien u John fil-faċċata ta’ quddiem. Storja tad-daħk li jien personali qatt m’għaddejt minnha.”
Il-futur ta’ Ken Doherty huwa wieħed mistur li anqas hu stess ma jafu.
“M’għandix idea x’nista’ nkun qed nagħmel 10 snin oħra. Nispera li nibqa’ niġi Malta u nibqa’ bl-istess passjoni għal-logħba ta’ l-isnuker. Inħobb ħafna ndur id-dinja u niskopri affarijiet ġodda. Nispera wkoll li jien u marti jkollna t-tfal u nibda ngawdi affarijiet oħra fil-ħajja li s’issa ma kelliex ċans nagħmel minħabba l-logħba.
“Il-mara tħobb l-isnuker ukoll allura ċert li mhux se nsib problema biex nibqa’ b’xi mod fil-logħba.
“F’10 snin oħra nbassar li Ding Jun Hui jkun iċ-champion tad-dinja ta’ l-isnuker. Naħseb li għandu talenti kbar li ta’ 19-il sena diġà bdew jidhru fih. Nispera wkoll li sa 10 snin oħra nkun għadni nibqa’ mmur nilgħab il-futbol kull nhar ta’ Tnejn ma’ sħabi.”
Ma ridtx intellfu aktar. Ngħidlu li għalija biżżejjed u jerġa’ jgħidli li xtaq jirringrazzja lill-poplu Malti kollu ta’ l-ospitalità li dejjem sab mingħandhom kemm ilu jiġi Malta. Fl-aħħarnett jirringrazzja lil martu u l-sħabu kollha li dejjem sabhom warajh fil-mumenti sbieħ u f’oħrajn inqas sbieħ.
Inqumu minn fuq il-mejda u hekk kif indur ninħasad. Serbut twil ta’ ammiraturi jistennewh ilesti. Kollha xtaqu firma u ritratt. Minkejja li deher xi ftit mgħaġġel biex imur jipprattika ma ddiżappunta lil ħadd minnhom. Jirringrazzjani u jgħidli li jixtieq li nerġgħu niltaqgħu qabel ma jmur lura pajjiżu. Stajt xi darba ngħid le?
Jispara ruħu f’kamra viċin. Fejn qatt tista’ ssib champion mondjali li jirringrazzjak hu, flok tirringrazzjah int wara intervista? Ma’ Ken dan possibbli…
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt