04 ta' Frar 2007 • Nr 14

Arkivji




 

 

04 ta' Frar 2007
Noti tal-ħajja

Julia Farrugia tintervista lil omm li ftit tal-jiem ilu fetħet kawża kostituzzjonali dwar id-drittijiet ta’ persuni li jikkoabitaw

Marica* għandha qrib il-50 sena. Għandha stil. Mhux bi ħwejjiġha biss. Bi kliemha tintebaħ mal-ewwel li quddiemek għandek mara ta’ sustanza, mara li taf xi trid u li dak li trid żgur se tasal għalih.
Bi ftit irtokk naturali u xagħar dehbi mserraħ fuq spallejha l-mara tħares fiss f’għajnejja. Minkejja li dak li għaddiet minnu seħħ kważi tliett snin ilu, il-ġrajja tagħha għadha hemm tant li ftit tal-jiem ilu l-mara sa spiċċat fuq l-aħbarijiet.
Il-mara għandha biżżejjed sinsla li kellha l-gazz tiftaħ kawża kontra l-Prim Ministru u l-Awtoritajiet Maltin talli sa llum għadhom m’għamlu xejn biex jirranġaw il-Liġi Maltija. Il-mara, bħal eluf oħra, qed titlob biex dawk li minħabba raġunijiet validi ma jkunux jista’ jiżżewġu jkollhom wens bil-Liġi. Il-mara qed tinsisti li f’dan il-pajjiż il-Gvern idaħħal sistema li biha raġel u mara jirrispettaw lil xulxin anke jekk mhux miżżewġin u dan b’tali mod li bniedem ma jaqbadx u jinħall mir-relazzjoni qisu qatt ma kien xejn.
Żmien twil ilu Marica kienet miżżewġa b’żewġt itfal imma l-Knisja annullat dan iż-żwieġ għax sabet biżżejjed provi li dan kien każ fejn xi ħadd mill-partijiet ġie mġiegħel jiżżewweġ kontra l-volontà tiegħu.
F’ħajjitha daħal avukat li kien ilu jiġri warajha minn qabel iz-zwieġ tiegħu. Bdew joħorġu flimkien sa ma ssetiljaw.
“Jien mara favur il-familja. Dħalt f’din ir-relazzjoni bi skop ta’ żwieġ. Dan ir-raġel imma kien qalli li għaddej bi proċeduri ta’ annullament u allura kellna nistennew.” Għajnejn il-mara jibqgħu fissi f’tiegħi. Nistħajjilha li quddiemha bħal donnha qed tara terġa’ tara l-istess immaġini li għaddiet minnhom kważi 15-il sena ilu.
“Lili dan ir-raġel sa kien qalli biex ma niġġilidx għall-bene li kelli fir-relazzjoni ta’ qabel għax miegħu ma kien se jonqosni xejn. Kien qalli li daru hija dari. Sa talabni nagħlaq in-negozju li kelli biex inkun iffukata aktar fuq il-familja. Kien dejjem jgħidli wkoll li kellu assigurazzjoni ta’ nofs miljun lira biex tipproteġina. Kien jinsisti miegħi li l-kelma tiegħu tgħodd aktar minn ta’ Prim Ministru għax raġel tneħħilu l-kelma ma jifdallu xejn.”
Il-mara tieqaf ftit sakemm twieġeb it-telefon ċellulari u tkompli mill-ewwel fejn ħalliet. “La tkun tħobb, temmen u la tkun tħobb, tafda.”
Minn hawn l-istorja tkompli bħal donnha waħda tal-films. Il-koppja kompliet tgħix kuntenta. Ippruvat anke tippjana li ġġib tarbija fid-dinja imma l-koppja tilfet il-wild f’korriment. Is-snin komplew igerrbu. Jum fost l-oħrajn seħħ dak li l-mara qatt ma stenniet.
“Darba fost l-oħrajn indunajt li dan ir-raġel qatt ma kien applika l-Kurja għall-annullament. Ksaħt. Ħassejt id-dinja ta’ madwari tiġġarraf. Ċempiltlu l-Qorti u tlabtu spjegazzjoni. L-iskuża li ġab kienet li missieru kien marid u ma riedx ikiddu. Ħalifli li dik il-ġimgħa stess se jmur jiftaħ il-file il-Kurja.”
Il-mara bħal nistħajjilha tidħol lura fid-dinja ta’ llum u tgħidli li snin wara ntebħet li fil-verità dan ir-raġel lanqas it-tieni darba ma kien applika għall-annullament. Kienet l-ewwel mara tiegħu li dan l-aħħar applikat għalih.
L-istorja tkompli: “3 ta’ Lulju 2003. Jum fost l-oħrajn wara 11-il sena ngħix miegħu bħala familja sibt nota fuq l-armarju tal-kċina. Qalli li bejnietna spiċċa kollox.”
Tieqaf għal ftit sekondi u tgħidli: “Sab waħda 20 sena iżgħar minna t-tnejn u għamel tarbija magħha mill-ewwel.” Marica tirrakkonta li qabel dan il-każ ġieli għokritha għajnejha b’xi affarijiet.
“Spiss kien beda jdum barra. Kont ngħidlu li għandu xi mara oħra imma hu kien jinsisti li din il-bidla fih kienet biss minħabba li kellu problemi finanzjarji.”
Ix-xokk wara din in-nota kien kbir. “Sempliċiment ippakkja ħwejġu u telaq. Ma kellux lanqas id-diċenza li jagħti spjegazzjoni liż-żewġt itfal tiegħi.”
Il-weġgħat li ġġib sitwazzjoniji bħal din huma kbar. “Tħossok mormija. Kont diġà fuq l-40 sena sew. Ħbieb ftit li xejn għax kulħadd bil-familja. Kif se tibda ħajja mill-ġdid mill-bidunett? Diffiċcli tafda. Diffiċli tħobb mill-ġdid. Bdew jiġu kontijiet ta’ tlett snin qabel li r-raġel qatt ma kien ħallas. Sa qatgħuli s-servizzi. Spiċċajt imradt u f’qiegħ ta’ sodda l-isptar.”
Imma dan kien biss il-bidu ta’ battalja qalila. Il-kont ta’ l-isptar li l-ex raġel kien wiegħed li se jħallas baqa’ ma ħallsux. Fuq punt ta’ rġulija l-mara fetħitlu kawża. Il-Qorti tat sentenza importanti. Ikkonkludiet li anke jekk f’koabitazzjoni hemm ċerti obbligi li jridu jkunu mħarsa. Il-kont kellu jinqasam bin-nofs.
Il-mewġa tal-ġlied kompliet. Ir-raġel talab lil Marica biex flimkien maż-żewġt itfal żgħar toħroġ mid-dar tiegħu u sa fetħilha kawża. “Din hi l-bejta ta’ familja li għal 11-il sena għexet flimkien hawn. Ħa nibqgħu sejrin hekk f’dan il-pajjiż? La l-mara u lanqas ir-raġel m’huma borża taż-żibel li trembilha u taqbad u tarmiha barra wara l-bieb qisu xejn mhu xejn.”
Tinsisti li l-awtoritajiet huma fid-dmir li jieħdu azzjoni. “Il-Gvern mhux qed jagħti każ ta’ l-eluf ta’ familji li qed ibatu tbatija kbira minħabba li xejn mhu qed jipproteġihom.”
“Jien ftaħt din il-kawża storika mhux għalija biss imma f’isem dawk l-eluf ta’ familji oħra Maltin li qed ibatu. Se nibqa’ għaddejja b’dan il-każ u jekk ma ssirx ġustizzja hawn Malta lesta li nressaq il-każ quddiem il-Qorti Ewropea. Għaliex dħalna fl-Unjoni Ewropea biex nirranġaw il-ħofor biss? Hemm affarijiet oħra li qed jolqtlu lill-bniedem fil-laħam il-ħaj.”
Illum Marica hija mara fuq saqajha. Forsi huwa dan l-element fin li jagħmel bniedem differenti mill-ieħor: il-mument tal-prova. Tfakkarni fuq l-importanza li f’mument fejn il-bniedem imiss il-qiegħ għandu jkompli dejjem jaħseb fil-pożittiv. Irid jaħseb li wara dawn il-burraxki tal-ħajja hemm l-għada ta’ ġurnata isbaħ. “Ħabiba tiegħi qaltli sentenza li żammejtha quddiem għajnejja,” tkompli Marica. “Nemmen li Alla jieħu ħsieb id-dud ta’ l-art, aħseb u ara lill-bnedmin.”
Meta l-mara kienet fuq is-sodda ta’ l-isptar rat reklam ta’ prodotti tas-sbuħija. Ftit xhur wara kienet fi triqitha lejn Las Vegas biex tapplika għall-liċenzja ta’ din id-ditta. Tlett snin wara dik in-nota fuq l-armarju tal-kċina Marica hija mill-ġdid dik il-mara b’negozju. It-telefon sakemm qiegħda ħdejha ma jieqafx. X’ħin ninżel fil-ħanut insib żewġ ħaddiema jaqdu kju ta’ klijenti.
Il-mara tbigħ id-determinazzjoni.
“Jien qalbi qawwija għax naf li l-verità dejjem tirbaħ.” Fi kliemha fl-ebda ħin ma nħoss il-karba ta’ xi ħadd li jrid min jitħassru. Anzi! X’ħin noħroġ mill-ħanut tagħha nħoss bħal saħħa barranija li l-mara għaddietli f’dawk is-sagħtejn maġenbha.
U ara d-destin. Dakinhar stess filgħaxija fil-programm Doksa fuq Net TV l-Arċisqof Pawlu Cremona wara mistoqsija li saritlu ħeġġeġ lill-Gvern biex jilleġisla u jħares d-drittijiet ċivili ta’ persuni li jgħixu flimkien taħt l-istess saqaf iżda mhux marbutin biż-żwieġ.
Fir-realtà din l-istess dikjarazzjoni l-Isqfijiet Maltin għamluha wkoll fl-24 ta’ Marzu 1999. Għaddew dawn is-snin kollha u baqa’ qatt ma sar xejn. Imma fl-arja bħalissa jinħass bħal kurrent li qed jobrom minn irkejjen differenti. Is-soċjetà Maltija qed toħroġ aktar fil-beraħ favur kuntest usa ta’ familja. Anke l-Partit Laburista fil-programm elettorali li qed iħejji jitkellem dwar it-tbatijiet li qed jiffaċċjaw dawn it-tip ta’ familji. U l-Gvern? Ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali se jerġa’ jirxoxta l-wegħda elettorali ta’ l-1998 fejn intrabat li jirranġa s-sitwazzjoni anomala li teżisti f’dan il-pajjiż?
Issa l-istess xena ilha għaddejja. Fil-ħajja ta’ kuljum hemm ċerti xeni li ma jifilħux jirrepetu ruħhom aktar. Għax fix-xena reali l-atturi huma n-nies tad-demm u l-laħam… L-atturi kapaċi jgħajjew jaħdmu l-istess parti.
L-għażliet f’każijiet bħal dawn huma tnejn. Jew li d-direttur jagħraf iżarma jew li jħaddem biżżejjed moħħu li joħloq pjan ta’ azzjoni f’qasir żmien. Inkella hemm l-għażla l-aktar komda: li s-serje tkompli bl-atturi għajjenin u b’udjenza fjakka li tagħżel it-triq li ma ssegwix.
* L-isem fl-istorja nbidel f’sens ta’ etika fil-konfront tal-familji milquta



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt