04 ta' Frar 2007 • Nr 14

Arkivji




 

 

04 ta' Frar 2007
Riflessjonijiet dwar il-proprjetà

L-għan ewlieni tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan il-Knisja Maltija hu li tagħmel riflessjonijiet dwar suġġetti li jitqiesu kruċjali biex tinkiseb il-vera ġustizzja.
Dawn l-argumenti jinkludu fost l-oħrajn il-politika, ix-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sistema tal-welfare, id-djar, l-ambjent, ir-refuġjati u l-immigranti.
Fl-ewwel dokument tagħha l-Kummisjoni ħasset li għandha tagħmel riflessjoni dwar kemm qed tqum il-proprjetà, x’aċċess hemm għad-djar u x’inhuma l-implikazzjonijiet fuq self għax-xiri ta’ djar biż-żieda li għamel il-Bank Ċentrali fir-rata bażi għas-self.
Il-Kummissjoni bbażat ir-riflessjoni tagħha fuq ir-rapport dwar il-qagħda ta’ l-industrija tal-bini għall-2005 li ħareġ il-Kunsill Konsultattiv ta’ l-Industrija tal-Bini (BICC) fejn il-punti ewlenin jirriflettu fuq iż-żieda fil-prezzijiet tat-tip ta’ proprjetà li normalment, b’sagrifiċċju kbir, hija aċċessibbli għal koppji żgħażagħ.
Minn dan ir-rapport, joħroġ li l-medja mħallta fil-prezz tal-kuntratti għal appartamenti bejn Jannar 2004 u l-ewwel kwart tas-sena 2006 żdied b’56.5%.
Jidher ċar ukoll mill-istatistika, mir-reklamar tal-proprjetà u mill-fuljetti dwar il-proprjetà li joħorġu l-aġenti tad-djar, li fl-2005 il-prezz medju ta’ appartament bi tlett ikmamar tas-sodda kien iqum madwar Lm55,000.
Il-Kummissjoni mħassba ħafna dwar id-drawwa tal-lum fejn minbarra l-aġent ewlieni kuntrattat tad-djar, numru ta’ individwi u konsorzja oħra jindaħlu bil-jedd tas-sostituzzjoni, bħala sensara fil-katina tal-ftehim dwar il-proprjetà. Din id-drawwa kultant twassal għal sitwazzjoni fejn il-proprjetà li qed tinbiegħ tibdel l-idejn bosta drabi fl-istadji tal-bejgħ, twaqqigħ u żvilupp tal-bini, qabel ma tasal f’idejn il-proprjetarju aħħari li jkun xtara l-proprjetà biex jgħammar fiha. Din il-prattika spekulattiva qed tgħin biex tinħoloq inflazzjoni artifiċjali fil-prezz tal-proprjetà.
Kull darba li jinbiegħ id-dritt tas-sostituzzjoni, jekk dan jiġi ddikjarat fuq konvenju kif suppost, il-Gvern idaħħal 12% fi qligħ kapitali.
Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li wasal iż-żmien li l-aspett abbużiv ta’ dritt ta’ sostituzzjoni għandu jiġi indirizzat billi dan id-dritt legali jingħata biss lill-membri tal-familja fil-linja diretta li tkun qed tixtri l-proprjetà.
Il-Kummissjoni taħseb li dan kellu jkun l-ispirtu ntiż tad-dritt ta’ sostituzzjoni.
F’dawn l-aħħar tliet xhur il-Bank Ċentrali ta’ Malta, li hu responsabbli għall-politika monetarja, żied ir-rata bażika ta’ interessi b’ 0.25% darbtejn, jiġifieri total ta’ 0.5%.
Fuq self ta’ Lm40,000 bir-rata ta’ 4.75% għal perjodu ta’ 35 sena, li huwa meqjus bħala self medju għal koppja bi dħul ta’ Lm10,000, l-impatt immedjat taż-żieda ta’ 0.5% tfisser Lm200 lira oħra f’sena.
Il-Kummissjoni tistaqsi jekk jistax il-Bank Ċentrali, fil-politika monetarja, jibda jindirizza l-aspett soċjali ta’ dawk li jkunu ssellfu jew qed jissellfu għad-dar li jgħixu fiha. Il-Kummissjoni tagħmel riflessjoni fuq jekk jistax jinstab bilanċ fil-politka monetarja bejn l-aspett soċjali u l-aspett ta’ nfieq żejjed jew miżuri oħra li ma jkunux qed jgħinu l-andament ta’ l-ekonomija nazzjonali billi, per eżempju, titla’ b’rata ogħla r-rata ta’ imgħax fuq il-credit cards biex tpatti għan-nuqqas fiż-żieda tar-rata għal skopijiet soċjali.
Il-Kummissjoni tistaqsi ukoll jekk jistgħux il-banek kummerċjali jintroduċu, għal dawk li qed jixtru l-ewwel dar tagħhom, naturalment fil-limiti ta’ self medju, rata fissa għal perjodu twil ta’ self. Dan jista’ wkoll ikun aspett soċjali fir-responsabbiltà soċjali tal-banek.
Il-Kummissjoni tistaqsi ukoll jekk jistax il-Gvern jikkunsidra inċentivi fuq l-element ta’ l-imgħaxijiet fuq self għal kategorija medja ta’ self għal min jixtri proprjetà medja għall-ewwel darba. Dawn l-imgħaxijiet ikunu qegħdin jitħallsu minn dħul diġà intaxxat u li fuqu l-Gvern ikun ukoll qiegħed idaħħal it-taxxa mill-profitti tal-banek li jinkludu dawn l-interessi.
Il-Kummissjoni, fl-eżempju li tiehu fid-dokument, tasal għall-konklużjoni li bil-prezzijiet preżenti, li tikri mhix għażla tajba għaliex ir-rata tal-kera għal proprjetà li nbniet wara l-1995 tagħmilha aktar effiċjenti biex wieħed jixtri milli jikri.
Il-Kummissjoni, iżda, tagħmel enfasi li wasal iż-żmien li l-liġi ta’ l-1939 li tirregola l-kera għandha tkun riveduta għaliex din qiegħda tkun ta’ inġustizzja għas-sidien tal-proprjetà li taqa’ taħt din il-liġi.
Ir-reviżjoni ta’ din il-liġi tista’ tgħin ukoll biex numru ta’ proprjetajiet li huma vakanti jerġgħu isibu posthom fuq is-suq tal-proprjetà u jrażżnu xi ftit iż-żidiet fil-prezzijiet ġenerali għaliex ikun hawn aktar proprjetà fis-suq barra li din il-proprjetà toħloq aktar aċċessibbiltà għal kulmin hu eskluż.
Il-Kummissjoni tagħmel enfażi li r-reviżjoni tal-liġi weħidha mhix se ssolvi l-problema għal kollox.
Il-Kummissjoni tagħmel enfasi wkoll fuq dak li ġie propost fid-dokument għad-diskussjoni fil-Parlament Ewropew ‘Id-Djar u l-Politika Ewropea ta’ Għaqda’ li “kull persuna li qiegħda fit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea għandha l-jedd li tgħix ħajja b’saħħitha, diċenti u li jkollha post fejn toqgħod li tiflaħ għalih u li tibbenefika minn għajnuna li jista’ jkun hemm għad-djar biex ikollha garanzija li tista’ tgħix b’mod dinjituż skond it-tradizzjoni kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri.”
Barra minn dan, “għandu jkun hemm ġlieda kontra d-drawwiet spekulattivi fis-suq tad-djar minħabba l-impatt negattiv fuq l-istabbiltà tas-swieq kapitali.”

Godfrey Leone Ganado hu Chairperson tal-Kummissjoni Djoċesana Ġustizzja u Paċi

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt