Fid-dinja tal-lum ix-xandir sar bħal ħadida tal-mogħdija: mingħajru ma tgħaddix! F’dinja fejn l-informazzjoni u l-komunikazzjoni saru l-iktar għodod, jekk mhux armi qawwija biex jinfluwenzaw il-moħħ u l-qalb tal-bniedem, ix-xandir m’għadux jitqies biss bħala mezz ta’ komunikazzjoni biex jinforma, jeduka u jservi ta’ divertiment imma jista’ jkun, sfortunatament sar skop fih innifsu. Fil-każ ta’ pajjiżna x-xandir ukoll evolva, forsi b’passi iktar kajmani minn ta’ pajjiżi oħra, u minn monopolju tax-xandir f’idejn l-iStat, jew il-Gvern, irnexxielna nilliberalizzaw u daħħalna l-pluraliżmu. Iżda sfortunatament kellna nħallsu prezz qares biex nagħmlu din il-qabża ’l quddiem.
L-ikbar diżgrazzja li qed insofru f’dal-qasam hi l-kwalità tax-Xandir. Il-pluraliżmu Malti poġġa bħala priorità l-kummerċjalizzazzjoni tas-settur u jekk f’termini ekonomiċi l-kompetizzjoni fis-suq trażżan il-prezzijiet u ssostni l-kwalità tal-prodott u s-servizz, fil-każ tax-xandir dan baqa’ ma seħħx.
Tneħħi xi produzzjonijiet fuq it-televiżjoni u r-radju, li tgħoddhom fuq is-swaba’ ta’ id waħda, il-kwalità messet il-qiegħ! Bil-pluraliżmu li niftaħru tant bih kulħadd sar ġurnalist gwapp, producer eċċellenti, direttur first class, preżentatur ta’ veru jew xandar professjonali! It-taħriġ intensiv ma jeżisti mkien u kollox nagħmlu by trial and error!
Ġejna f’sitwazzjoni fejn minflok inħabblu rasna biex nagħżlu l-aħjar programmi ta’ livell u naraw kif se ninkluduhom fl-iskeda, l-importanti sar li nimlew il-ħin u ndaħħlu l-flus tar-reklamar jew tal-prezz li bih inbigħu l-ħin.
Il-kwalità armejniha l-baħar u programm sar tajjeb jekk fl-istħarriġ perjodiku li jsir ikun jidher li hu l-iktar segwit. Jekk jirriżulta li l-maġġoranza ta’ dawk mistħarrġa jippreferu jaraw il-mossi tas-Sur Gawdenz allura ara ma jfettillekx tipproduċi xi dokumentarju dwar il-wirt kulturali ta’ pajjiżna.
Nirraġunaw l-istess bħal fiż-żmien meta ma kellniex xandir u konna nirraġunaw li jekk l-udjenza trid il-fares u l-makjetti bl-lingwaġġ doppju sens, allura ma ntellgħux drammi ta’ Francis Ebejer b’temi soċjali bi djalogi intelletwali u filosofiċi.
B’dan ir-raġunament qegħdin noħonqu l-potenzjal kulturali u edukattiv tal-poplu waqt li noffrulu divertiment irħis, ħafna drabi li jwassal f’xifer il-banalità u l-istupidaġni. U dan li qed nagħmlu fix-Xandir bħalissa.
L-Awtorità tax-Xandir għandha funzjoni regolatorja. Iżda fl-istat li jinsab fih ix-xandir llum qed tipproġetta ruħha bħala istituzzjoni bla snien. Hemm bżonn urġenti li tieħu dimensjoni oħra. Bl-għoti tal-frekwenzi u liċenzji lil stazzjonijiet, bil-proċeduri taċ-ċensura, bir-regolamentazzjoni taż-żamma tal-bilanċ, bil-pubblikazzjoni ta’ kodiċi ta’ etika għall-ġurnalisti u xandara u bl-impożizzjoni tal-penali għal min jazzarda jaqbeż il-ħin tar-reklami, m’aħniex inġibu x-xandir ’il quddiem. Ma rridx nesaġera imma f’ċerti aspetti għadna nesperjenzaw l-effetti tal-liġi tal-ġungla. L-Awtorità tax-xandir għandha obbligu lejn il-pubbliku li tara li x-xandir ikun ta’ kwalità u li min għandu l-licenzja għandu jassigura li jkun kapaċi jmexxi b’mod professjonali. Mhux biss trid tistabbilixxi l-istandards imma trid tassigura li dawn ikunu rispettati u segwiti minn kull stazzjon.
Jekk wieħed iħares lejn l-iskedi li jfasslu l-istazzjonijiet privati jirrealizza kemm aħna neqsin mill-kreattività u l-oriġinalità. Il-programmi jew ikunu riċiklati minn skeda għall-oħra jew inkella jkunu kkupjati minn stazzjonijiet barranin. Jiġri wkoll li anki meta nikkupjaw, nippruvaw nagħtuh il-laqta Maltija u ma jirnexxilniex inżommu l-livell tal-programm oriġinali.
Verissimu li l-istazzjonijiet privati għandhom problemi finanzjarji kbar u dawk li jiddikjaraw li jagħmlu profitt żġur li qed jagħmlu dan għas-skapitu tal-prodott. Kif jgħidu, l-irħis għali!
Hemm imbagħad l-indħil politiku partiġjan dirett jew indirett fuq dawn l-istazzjonijiet. L-aġenda tal-partit politiku li hu s-sid ta’ l-istazzjon ma tiqafx mal-kontroll assolut tal-kamra ta’ l-aħbarijiet imma testendi għall-programmi ta’ diskussjoni dwar ġrajjiet kurrenti, programmi ta’ divertiment, dokumentarji u saħansitra fuq l-għażla jew aħjar il-bojkott fin fuq il-mistednin.
Dan jiġri wkoll taħt kundizzjonijiet li jimponi l-istazzjon fuq id-djar tal-produzzjonijiet li magħhom isir in-negozju dwar il-bejgħ tal-ħin u l-qligħ mir-reklamar. Anki dawn id-djar tal-produzzjonijiet qegħdin ifaqqsu bl-addoċċ iżda mhumiex jagħtu kontribut biex titjieb il-kwalità.
F’dan il-qasam ukoll sar għandna l-ġganti (li joperaw daqslikieku għadna fiż-żmien il-monopolju) u n-nani li jġaħġħuha għax ilaqqtu dak li jibqa’ f’suq żgħir fejn il-kompetizzjoni ġusta ma teżistix.
F’din is-sitwazzjoni wieħed kien jistenna li l-istazzjon nazzjonali allura jibbrilla. L-istazzjon nazzjonali għandu jkun ir-role model f’kull m’għandu x’jaqsam max-xandir.
Il-PBS imissu għandu l-aqwa nies li jippreżentaw, li jaqraw l-aħbarijiet, li jipproduċu u jidderieġu l-programmi, l-aqwa tekniċi u l-iktar amministraturi effiċjenti. Imissu għandu l-aqwa studios u l-iktar apparat teknoloġiku sofistikat li jeżisti fl-era diġitali. Imissu għandu l-kapacità li jiġbed mhux biss l-ikbar numru ta’ semmiegħa u telespettaturi imma wkoll imissu qed jiekol l-ikbar biċċa mill-kejk tar-reklamar. Il-poplu forsi jasal biex jifhem il-limitazzjonijiet u l-aġendi parrokkjali minn naħa ta’ l-istazzjonijiet privati iżda ma jifhem qatt kif l-istazzjon nazzjonali jaqa’ fin-nasba tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-medjokrità fil-kwalità.
Il-PBS għandu jkun l-istazzjon ta’ kull sengħa, mhux sena fix-xandir. L-istazzjon nazzjonali għandu jkun il-mekka tal-professjonaliżmu mhux biss fix-xandir imma wkoll fl-amministrazzjoni.
Ngħid “għandu jkun” għax fil-preżent żgur li mhuwiex. Hi ħasra li l-PBS waqa’ fil-livell u tilef il-fiduċja li darba kien igawdi fost il-pubbliku.
Mhux ta’ b’xejn li l-impjeġati ta’ dan l-istazzjon inħakmu minn moral baxx u ħafna drabi jitħassbu serjament dwar il-futur tagħhom. Ħafna minnhom għad għandhom il-ħila u l-ħeġġa li jagħtu dak kollu li jafu biex jagħmlu l-istazzjon tagħhom l-aqwa fil-pajjiż.
Għalihom mhux il-paga biss tinteressahom. Iżda huma ddispjaċuti u urtati bil-kbir għall-fatt li mhux qed jitħallew jgħollu l-livell u jerġgħu jġibu l-PBS fi stat li jkun l-għira ta’ l-istazzjonijiet l-oħra. L-istqarrija tal-missjoni tal-PBS jekk ma nbidlitx bil-kliem inbidlet bl-għemil: “Insa s-sussidji; tagħmilx dejn; iddobba b’li għandek; u imla l-ħin b’li jiġi.” Veru min ħareġ b’din il-viżjoni m’għandux l-icken idea ta’ xi jfisser xandir nazzjonali!
U mhux ta’ b’xejn ukoll il-pubbliku Malti naqqas mir-rispett li kellu darba lejn ix-xandir nazzjonali u x-xandara li jappartjenu lilu. Il-poplu qed isaqsi min hu responsabbli tan-nuqqasijiet kbar li hemm f’dan l-istazzjon? Għaliex ma nbediex il-proġett ta’ faċilitajiet u studios ġodda? Għalfejn inġieb parti mill-apparat il-ġdid u mhux kollox? Meta se jsir il-branding ta’ l-istazzjon? Fejn hu t-taħriġ speċjalizzat ta’ l-impjegati? Għaliex mhumiex jipproduċu programmi in-house? X’inhu l-pjan tal-PBS għat-tliet snin li ġejjin?
Nittama li din it-telqa fl-istazzjon nazzjonali mhux qed issir b’xi skop forsi biex għada jkun hawn xi bravu li jgħid li hu lest li jagħmel stazzjon ta’ kalibru nazzjonali, mingħajr affiljazzjoni ma’ partiti politiċi, u b’hekk ma jkunx hemm għalfejn ikollna lill-PBS.
Biex nikkonvinċi ruħi li mhux hekk irrid nibda nara l-effetti ta’ tmexxija professjonali ċioè quality standards kemm fl-Awtorità tax-Xandir kif ukoll fil-PBS. Jekk mhux se naslu għal dan, allura kontra qalbna jkollna nkomplu nitqannew bix-Xandir tal-Karawett!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt