Il-kariga li kien jokkupa Gordon Cordina bħala Direttur Ġenerali ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika hi kariga pubblika.
Meta aċċetta din il-kariga Cordina kien jaf li kien se jkun taħt skrutinju pubbliku li jmur lil hinn mill-ħidma tiegħu fl-istatistika nazzjonali.
Kien jaf ukoll li x-xogħol il-ġdid tiegħu kien tant delikat u li kellu kundizzjoni fil-kuntratt li ma jagħmilx xogħol ieħor privat, inkluż konsulenzi.
L-orkestra li qed imexxi l-Gvern bħalissa li r-riżenja ta’ Cordina hi frott l-attakki personali li saru fil-konfront tiegħu qed iddoqq noti mżarżrin għall-aħħar. Sfortunatament fl-orkestra ssieħbu wkoll il-Federazzjoni ta’ l-Industrija, il-Kamra tal-Kummerċ u esponenti oħra li donnu nġibditilhom l-ispaga biex ikantaw l-istess diska tal-Gvern. X’hemm personali fil-kritika li saret lill-operat ta’ l-NSO taħt Cordina s’issa għadu ħadd ma ndenja ruħu jispjegah.
Il-kritika li għamel il-Partit Laburista dwar il-bdil fl-istatistika ta’ l-ekonomija li wettaq l-NSO f’Diċembru saret ukoll minn persuni oħra li żgur ma jistgħux jitqiesu Laburisti. Kien ovvju li bidla fl-istatistika kienet se tqajjem reazzjoni u saħansitra fil-kuriduri tal-poter kien hemm min qomos għal dak li wettaq l-NSO.
Wara kollox qegħdin f’pajjiż demokratiku fejn id-dritt tal-kritika anki distruttiva huwa protett bil-Kostituzzjoni. Żgur li Cordina kien konxju mill-fatt li bidla fl-istatistika se tqajjem agħa fil-pajjiż.
Jekk irriżenja għax ma felaħx għall-pressjoni, Cordina jmissu qalha ċar u tond u l-Gvern ma missux ipprova jilgħab il-logħba ta’ ‘ara x’ġaralu, miskin, kellu jitlaq minħabba l-kritika li saritlu mill-Oppożizzjoni’.
Il-kritika dwar l-istatistika u n-nuqqas ta’ spjegazzjoni ta’ kif inbidlu ċ-ċifri mhix materja personali. Il-probabbiltà hi li meta Cordina, il-Gvern u l-bqija ta’ l-orkestra jsemmu ‘attakki personali’ qed jirreferu għall-artiklu li kiteb f’l-Orizzont, Joe Sammut dwar kumpanija privata li twaqqfet eżatt wara l-ħatra ta’ Cordina.
F’din il-kumpanija hemm involuti l-mara ta’ Cordina u żewġ ekonomisti li kienu jgħinu lil Cordina fil-konsulenzi privati tiegħu.
Huwa ġustifikat li xi ħadd jistaqsi jekk Cordina kellux kunflitt ta’ interess bejn il-kariga ġdida tiegħu u s-sehem tiegħu, anki jekk indirett, f’din il-kumpanija privata. M’hemm xejn personali f’din il-kritika. Anzi din hi materja pubblika li l-Gvern imissu ħa nota tagħha.
Din il-gazzetta wisq temmen li d-diska ta’ l-attakki personali qed tintuża bħala paraventu mill-Gvern biex jinħeba l-fatt li anki fil-kuriduri tal-poter kien hemm min darrass snienu għall-bidla fiċ-ċifri li wettaq l-NSO.
Responsabbiltà politika
Id-drittijiet ċivili tal-persuni li jikkoabitaw huma mkassbra bis-sitwazzjoni kif inhi llum. Minkejja li persuna tkun għexet għal ħafna snin mal-partner tagħha din il-persuna kważi m’għandha drittijiet ta’ xejn f’għajnejn il-Liġi.
L-intervista li qed nippubblikaw illum hi ma’ mara li ddeċidiet li tiġġieled għad-drittijiet tagħha fil-qrati wara li telaqha ħabta u sabta l-partner li kienet tgħix miegħu għal 11-il sena.
L-isfortuna hi li l-politiku qed iħalli d-destin ta’ ħafna persuni jkun deċiż mill-Qorti meta b’sempliċi Att mgħoddi mill-Parlament jista’ jirregolarizza l-pożizzjoni ta’ min qed jikkoabita bħalissa.
Dan mhux ġust. Il-politiku ma jistax jabdika mir-responsabbiltà li jindirizza l-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom numru imdaqqas ta’ nies.
Il-Partit Nazzjonalista fl-1998 kien wiegħed li se jgħaddi liġi biex ikunu mħarsa d-drittijiet ta’ persuni li jikkoabitaw. S’issa din il-wegħda baqgħet fuq l-ixkaffa għal disa’ snin.
Jeħtieġ li l-kwistjoni tkun indirizzata b’urġenza mill-Parlament. Għadda wisq żmien u jekk fl-1998 il-PN ħass li kien hawn problema fis-soċjetà, aħseb u ara issa, disa’ snin wara!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt