Żgur mhux jien l-aħjar persuna biex nitħaddet dwar ħwejjeg il-Knisja. Jien inġorr fil-bagalja tiegħi ħafna rekords sbieħ u koroh u jekk ma tafx, ħallini ngħidlek kont jien li ġejt skomunikat u laqqatt id-dnub il-mejjet mill-Isqof Pietro Pace ferm qabel Strickland, Boffa, Mintoff u Lorry Sant.
Jekk it-Tletinijiet u s-Sittinijiet kienu żminijiet koroh u ta’ persekuzzjoni, tista’ tobsor kemm kienu ikreh iż-żminijiet ta’ meta qlajt l-iskomunika jien fl-1911 għax dan kollu esprimejt fehmiet li llum il-ġurnata saru parti min-normalità tal-ħajja. Bħal per eżempju li n-nisa għandhom ifittxu li jkunu f’kollox bħall-irġiel u li għandhom eżattament l-istess drittijiet fis-soċjetà. Skond l-Isqof Pace l-ugwaljanza tan-nisa kienet tmur ‘contro gli insegnamenti della Sagra Scrittura e del Vangelo e contro ogni base di ordine sociale’.
U għax sostnejt li l-Isqof Pace ma kienx qed jgħid il-verità meta saħaq li dawn il-fehmiet tiegħi kienu jmorru kontra t-tagħlim tal-Vanġelu, spiċċajt skomunikat u kkundannat għall-persekuzzjonijiet kbar, mhux jien biss imma anki familti. Jien dejjem ridt l-akbar ġid lill-Knisja u jekk inqast żgur mhux għax ridtilha l-ħsara imma għax ridt Knisja aħjar milli kienet, Knisja li verament timxi fuq it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.
Min kif qed tara ma tantx għandi esperjenza sabiħa wisq ta’ l-isqfijiet u wisq inqas ta’ isqfijiet Dumnikani bħal Anġlu Portelli li ħadem u xewwex kemm felaħ kontra tiegħi biex ikissirni u jġibni fuq irkupptejja.
Issa kelli nisma’ li l-Arċisqof il-ġdid tagħkom, id-Dumnikan Pawl Cremona, jiġi mill-bogħod mill-Isqof Awżiljarju Portelli. Imma għal mument ħallina mill-konnessjonijiet familjari u mill-arbli tar-razza. Minn dak li stajt insegwi mill-bogħod minn fuq il-gazzetti u mill-internet kaħwa, Pawl Cremona ħalla impressjoni tajba u seraq il-qlub ta’ ħafna Maltin u Għawdxin bil-mod mill-iktar naturali kif jagħraf jikkomunika man-nies, hu liema hu l-isfond soċjali tagħhom.
Forsi għax xjaħt fuq li xjaħt u tmermirt fl-eżilju u issa bdejt naħseb iktar fis-sema ta’ l-anġli aktar milli fid-dinja tan-nies tad-demm u l-laħam, spiċċajt ninċensa lill-Isqfijiet u mhux nisfidahom bħal qabel. Għalkemm dottrinalment ftit li xejn jista’ jvarja minn ta’ qablu f’dak li huwa l-kontenut tal-messaġġ tal-Knisja, hija ħaġa verament kbira li Pawl Cremona f’qasir żmien irnexxilu jimla l-qlub ta’ ħafna nies li qed iħossu l-kap tal-Knisja f’Malta ferm aktar viċin tagħhom.
Il-fenomenu li f’temp ta’ xahrejn sempliċi patri Dumnikan, kappillan ta’ parroċċa żgħira ħafna, spiċċa osannat u akklamat minn daqs dawk eluf, jgħid ħafna mhux biss dwar il-kariżma u l-manjetiżmu ta’ Cremona, imma jgħid ħafna wkoll dwar il-poplu Malti kemm hu nieqes minn figuri nazzjonali li jgħaqqduh, jispirawh, imexxuh u li jimlewlu l-vojt ta’ qalbu.
Meta se tinqata’ l-kantaliena li ħames snin wara ħames snin invarjabbilment tispiċċaw b’presidenti ta’ nofs Malta, meta l-kariga ta’ President tar-Repubblika suppost li hija s-simbolu par eċċellenża ta’ l-unità nazzjonali?
Pawl Ċremona żgur li m’għandux bżonn il-pariri tiegħi minn Lixandra. Imma naħseb li jippermettili ngħidlu li għandu ‘teżor’ kbir f’idejh bin-niċċa li rnexxilu jnaqqax fil-qlub ta’ eluf ta’ kompatrijotti.
Lil hinn mill-ewforija u mill-entużjażmu ta’ dawn l-ewwel gimgħat mill-ħatra tiegħu, Patri Pawl irid jagħraf jisfrutta tajjeb dan it-teżor. Biex l-attenzjoni tan-nies mhux biss tibqa’ mixħuta fuqu għat-tbissima naturali tiegħu u l-mod down to earth kif iġib ruħu, imma fuq kollox irid jittraxxina l-folol għal dak li jgħid u jagħmel fit-tmun tal-Knisja. Se jsib is-soltu politikanti li jippruvaw jikkapparrawh taħt idejhom. Se jsib anki nies komuni mogħmija bl-għamad tal-partiġjaniżmu li f’mument jew f’ieħor se jgħidu ‘l-Arċisqof Cremona Nazzjonalist jew Laburist’.
Żgur mhux xogħol faċli taqta’ dritt f’pajjiż polarizzat bħal Malta, tgħid li għandek tgħid skond il-kuxjenza tiegħek mingħajr ma tħares warajk jew quddiemek. Tistennewx tibdil f’dik li hija dogma jew duttrina minn mexxejja ta’ Knisja bi tradizzjoni millennarja.
Imma jagħmel sew Patri Pawl jekk mingħajr wisq enfasi fuq kwistjonijiet dwar sesswalità u x’jiġri bejn il-friex bejn persuna u oħra, imur għall-affarijiet essenzjali fil-ħajja tal-bniedem li jsaħħu l-ispiritwalità tiegħu, appelli b’saħħithom għas-solidarjetà u għall-inqas egoiżmu bejnietna… il-vera sisien tat-tagħlim ta’ Kristu.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt