X’aktarx li għal ħafna minna l-kelma ‘preskrizzjoni’ tfisser ftit jew xejn, inkella hi kelma oħra għal xi riċetta mħarbxa bil-mediċina preskritta mit-tabib.
Forsi hawn ukoll min sema’ bil-kelma ‘preskritta’ jekk kellu x-xorti jiskappa bil-ħila tal-preskrizzjoni minn xi kontravenzjoni tat-traffiku li jkun waħħallu xi warden sadista moħbi wara l-kantuniera. Ftit tal-ġimgħat ilu l-preskrizzjoni kienet fl-aħbarijiet wara sentenza storika li ngħatat mill-Qorti ta’ l-Appell dwar kontijiet tat-taxxa antiki li kienu preskritti. Fl-2004 il-Gvern kien biddel il-liġi ta’ l-income tax biex ikun jista’ jmur lura u jiġbor arretrati ta’ taxxa minkejja li kienu preskritti. Imma l-Qorti, fis-sentenza mogħtija mill-Imħallef Philip Sciberras fl-10 ta’ Jannar li għadda f’kawża li saret mill-Kummissarju tat-Taxxi Interni kontra Alfred Caruana, iddikjarat li l-Gvern ma setax jagħmel liġi li tapplika b’lura biex jitlob il-ħlas ta’ arretrati li diġà kienu preskritti biex ipatti għan-nuqqasijiet u għad-defiċjenzi li jeżistu fis-sistema tal-ġbir tat-taxxa.
Kawżi ċivili Imma sewwa sew, din il- preskrizzjoni xi tfisser f’termini sempliċi u mhux tekniċi? Tista’ tgħid li fil-Liġi ta’ kull pajjiż, il-fatt li jgħaddi ċertu żmien minn fuq każ jew ieħor jispiċċa jkollu effetti legali li jistgħu jkunu determinanti biex issir jew ma ssirx ġustizzja. Il-preskrizzjoni hi maħsuba biex tinħoloq l-istabbiltà fil-proċessi legali b’tali mod li dak li għandu jsir irid isir fi żmienu biex ħadd ma jitpoġġa fl-impossibbiltà minħabba li jkun għadda wisq żmien, li jressaq il-provi li għandu dritt iressaq.
Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ħlasijiet ta’ djun, pretensjonijiet dwar proprjetà u ħlas ta’ danni ċivili, il-kawża ma tistax tiftaħha fl-annu mai, snin twal wara li jkunu ġraw il-fatti tal-każ, imma għandha titressaq fiż-żmien stabbilit mil-Liġi.
Per eżempju fil-każ ta’ dejn li joħroġ minn kuntratt, il-kawża trid issir mhux aktar tard minn ħames snin minn meta dak id-dejn ikun dovut. Jekk ikunu għaddew il-ħames snin u ma tkunx saret il-kawża u l-preskrizzjoni ma tkunx ġiet interrotta, dak id-dejn jiġi preskritt, imut fuq ommu, barra bid-daqq u kulħadd jibqa’ b’li ħa.
Hawn min jargumenta li mhux moralment korrett li xi ħadd li għandu jagħti jkun jista’ jaħrab mill-obbligi tiegħu billi jinħeba wara l-preskrizzjoni.
Imma lanqas hu sew mill-banda l-oħra li jkun hemm xi file f’xi dipartiment jinġema’ t-trab fuqu għal ħafna snin, u 15, 20 sena wara d-dipartiment ifettillu jfittxek meta int ma tkunx tista’ tiddefendi ruħek sew għax ma tkunx żammejt l-irċevuti u d-dokumenti relatati mal-każ.
Hu proprju għalhekk li l-Liġi taqta’ din il-linja permezz tal-preskrizzjoni, jiġifieri perjodu ta’ żmien raġjonevoli fejn min għandu jieħu jkollu biżżejjed żmien biex ifittex lil min għandu jagħtih u fl-istess ħin min suppost għandu jagħti l-fatti għadhom friski biżżejjed f’moħħu biex ikun fl-aħjar pożizzjoni li jiddefendi ruħu.
Sentenza storika Fil-każ ta’ Alfred Caruana u ta’ ħafna oħrajn bħalu, minħabba l-ineffiċjenza burokratika, id-Dipartiment tat-Taxxa mhux biss dam għomor ma ċċaqlaq u ħalla l-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ tmien snin jgħaddi, minn fuq, għadda liġi biex itawwal temporanjament il-perjodu tal-preskrizzjoni avolja dan kien diġà kien għadda u skada.
Il-Qorti ma ppermettietx li jsir dan għax sostniet li mhux aċċettabbli li l-leġiżlatur bla raġuni soda u konvinċenti, jivvinta mekkaniżmu statutorju biex idur mal-preskrizzjoni stabbilita u jtawwal temporanjament iż-żmien meta tista’ ssir il-kawża biex id-Dipartiment tat-Taxxi jkun jista’ jħares l-interessi tiegħu b’mod esklussiv u jsolvi d-defiċjenzi tiegħu b’dan il-mod.
Kawżi kriminali S’intendi anki fir-rigward ta’ kawżi kriminali hemm il-preskrizzjoni u bl-istess mod jekk ikun hemm dewmien sostanzjali biex jinbdew il-proċeduri, il-każ jispiċċa jmut fuq ommu. Ikbar mhi l-gravità tar-reat, iktar hu twil il-perjodu ta’ preskrizzjoni.
S’intendi l-gravità tar-reat tiġi mkejla mill-piena abbinata miegħu. Hekk, per eżempju, fil-każ ta’ reat punibbli bi priġunerija għal mhux inqas minn 20 sena, il-preskrizzjoni hi ta’ 20 sena.
L-iktar li jistgħu jqumu problemi minħabba preskrizzjoni hu fir-rigward ta’ reati li għandhom piena mhux daqshekk twila, bil-konsegwenza li anki l-perjodu ta’ preskrizzjoni li jkun japplika għalihom ma jkunx wieħed twil.
Fil-qafas legali tagħna jeżisti n-nuqqas kbir li m’hawnx pieni ħorox biżżejjed fir-rigward ta’ reati relatati ma’ l-amministrazzjoni pubblika u konsegwenza ta’ dan ma tantx irid jgħaddi żmien minn fuq dawn il-każijiet biex jispiċċaw preskritti.
Mill-Indipendenza ’l hawn il-ftit każijiet dwar korruzzjoni, tixħim u abbuż ta’ poter li tfaċċaw quddiem il-qorti, invarjabbilment kellhom jiffaċċjaw l-ostaklu tal-preskrizzjoni.
Minn ewl id-dinja, min iwettaq atti ta’ korruzzjoni se jsibha faċli iktar jgħatti xturu dment li hu u l-partit tiegħu jibqgħu fil-poter. Aktar u aktar meta tqis kemm aħna bħala soċjetà imdakkrin bil-kultura ta’ l-omertà forsi għax ninsabu daqshekk viċin ta’ Sqallija.
F’pajjiż żgħir u polarizzat bħal tagħna, iż-żejt idum biex jitla’ f’wiċċ l-ilma, jekk u meta jitla’. F’pajjiżna għad m’hawnx tradizzjoni b’saħħitha biżżejjed ta’ istituzzjonijiet indipendenti li jiggarantixxu t-tħaddim sew u xieraq ta’ sistema ta’ checks and balances u li jkunu kapaċi jirreżistu kull kwalità ta’ maltemp, pressjoni baxxa u għolja, irwiefen u buffuri ġejjin minn kull naħa tal-pinnur politiku.
Qafas istituzzjonali mhux b’saħħtu Ta’ kull darba li dawn l-istituzzjonijiet ippruvaw jasserixxu rwieħom b’mod indipendenti mill-gvern tal-ġurnata jispiċċaw ikkuljunati u kkritikati b’mod aħrax bl-iskop li tiġi mminata l-kredibbiltà tagħhom. Ibda mis-sospensjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fl-1973 u l-musical chairs ta’ l-imħallfin fis-Snin 80 u spiċċa bl-attakki kontinwi ta’ dawn l-aħħar snin fuq l-Awditur-Ġenerali, l-Ombudsman, l-Awditur Intern tal-MEPA, il-każijiet rarissimi li kien hawn ta’ whistle-blowers, it-tneħħija tad-dritt tal-maġistratura inkwirenti li tindaga motu proprju mingħajr rapport tal-Pulizija.
Meta każijiet ta’ korruzzjoni jiġu strumentalizzati b’mod partiġjan kif jiġri ħafna drabi, sezzjoni ta’ l-Istampa hekk imsejħa indipendenti ttendi li toqgħod lura milli tidħol f’każijiet bħal dawn biex ma taġevolax lill-partit li jkun qed jagħmel kapital politiku minn dawn il-każijiet.
Meta tikkunsidra dan kollu jkollok tikkonkludi li hi ferm ’il bogħod il-possibbiltà li xi politikant li jkun bagħbas jew xaħħam se jinqabad mill-ġustizzja u se jispiċċa pproċessat quddiem il-qorti, dment li se jsib lil sħabu fil-poter jgħattulu u jfendulu. Din il-‘protezzjoni’ politika tista’ tisparixxi biss meta jinbidel il-partit fil-gvern, jekk tisparixxi. Imma sa dak iż-żmien jaf ikun tard wisq biex jinbdew il-proċeduri kriminali proprju minħabba l-bużillis tal-preskrizzjoni meta fil-preżent il-perjodu preskrittiv bażiku hu ta’ ħames snin għal każijiet ta’ korruzzjoni.
Minn żmien għal żmien ġew proposti diversi soluzzjonijiet għal din it-taħbila tal-preskrizzjoni. L-aktar soluzzjoni drastika li ġiet proposta kienet t-tneħħija għal kollox tal-preskrizzjoni f’rigward ta’ atti ta’ korruzzjoni u aġir simili minn uffiċjali pubbliċi.
M’hemmx dubju li din il-proposta fiha l-mertu li taqta’ linja dritta u telimina kull possibbiltà li min hu korrott joqgħod jinħeba wara l-paraventu tal-preskrizzjoni. Imma soluzzjoni drastika bħal din tista’ tidher xi ftit esaġerata u sproporzjonata meta tqis li fil-pajjiżi tad-dinja kollha huma biss id-delitti l-aktar atroċi u gravi bħal dawk kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u tal-pedofelija (f’ċerti stati ta’ l-Istati Uniti) li ma jistgħux jiġu preskritti.
Anki jekk sal-lum kellna każijiet ta’ min abbuża mis-sistema li nħeba wara perjodu qasir ta’ preskrizzjoni biex jiskappa minn idejn il-ġustizzja, ma jfissirx li għandna mmorru għall-estrem l-ieħor fejn akkużat b’korruzzjoni jiġi mqiegħed f’pożizzjoni diffiċli li ma jistax iressaq provi favur tiegħu, snin twal wara li jkun ġara l-każ.
Fl-1990 kienet saret proposta mill-Gvern Nazzjonalista biex isiru emendi biex jekk ikun politikament jaqbel għall-akkużat dan seta’ jirrinunzja għall-preskrizzjoni u l-proċeduri kriminali kontrieh setgħu jibqgħu mexjin bla ebda xkiel.
Għal xi raġuni li ma tantx hi ċara din il-proposta spiċċat ma ġietx imwettqa. Possibiltà oħra li tista’ tiġi esplorata hi dik li tissospendi l-preskrizzjoni sakemm isseħħ bidla fil-partit fil-gvern. Kien hawn min issuġġerixxa wkoll li ġaladarba l-preskrizzjoni fir-rigward ta’ min isofri danni ċivili minħabba atti ta’ korruzzjoni llum hi ta’ 10 snin, bl-istess mod il-preskrizzjoni għar-reat kriminali ta’ korruzzjoni għandha tkun ukoll ta’ 10 snin.
F’pajjiżi bħall-Italja u r-Renju Unit, ir-reati ta’ korruzzjoni, u abbuż ta’ poter jiġu ttratti b’serjetà liema bħala u jiġu applikati pieni ferm aktar ħorox minn tagħna. Fil-fehma tiegħi is-soluzzjoni għall-bużullis tal-preskrizzjoni hi waħda.
Il-Parlament tagħna għandu jagħti messaġġ ċar dwar kemm iqis li hu gravi r-reat ta’ korruzzjoni billi jħarrax il-pieni bħala deterrent u fl-istess ħin ikun qed itawwal il-perjodu ta’ preskrizzjoni.
wenzumintoff@yahoo.com
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt