28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007

Isqof ġdid: linja ġdida

Patri Pawl Cremona seraq il-qlub tal-Maltin mill-ewwel: bravu, umli u ta’ kariżma. Jidher li l-Knisja f’Malta dieħla f’fażi li l-biċċa l-kbira minna nixtiequ.
Jgħinu bħala Vigarju Ġenerali hemm lil Dun Anton Gouder. Dun Anton hu forsi wieħed mill-aktar qassisin kapaċi ta’ żmienna: sod, għaref u ntiż fil-problemi tal-bniedem fis-Seklu 21. Koppja ta’ diriġenti spiritwali tassew formidabbli. Għażla f’waqtha u intelliġenti.
L-umiltà importanti. Il-knisja trijonfali tal-bokkli u taċ-ċerimonji u l-fanfarunati ilha li dejqet lin-nies. Messaġġ morali ma jinħtieġx fanfarunati biex jitwassal.
Saru ħafna minn dawn u l-poplu Kristjan, u anki dak li mhux, illum jaf jagħżel bejn okkażjoni ta’ fidi u spiritwalità u oħra ta’ fanfarri u artifiċjalità. Dinjità iva, imma tejatrini le.
Sfortunatament il-Knisja għadha mdawra wisq b’leġġendi u ħrejjef li jdallmu mhux idawlu l-fidi ta’ Kristu.
It-trijonfaliżmu, il-pożi u l-esaġerazzjonijiet żgur li ma kinux l-għodod ta’ Kristu meta kien fostna. Il-messaġġ ta’ Kristu, kif nifhmu jien bħala nisrani komuni, hu messaġġ spiritwali. Kristu fl-art kien ċar: agħtu ’l Ċesri li hu ta’ Ċesri u ’l Alla li hu t’Alla. Dak li hu t’Alla spjegah bl-aktar mod sempliċi u bl-akbar umiltà u dinjità.
Kristu stinka biex idaħħal il-kapaċità tal-ġudizzju fil-bniedem bejn dak li hu sewwa u li mhux. Telaq minn punt sempliċi: ħobb ’il Alla fuq kollox u ’l għajrek bħalek innifsek.
Jekk f’ħajtek taċċetta li teżisti ordni suprema u li l-bażi ta’ din l-ordni hu l-bniedem li jgħix f’armonija ma għajru, il-kumplament isegwi. Ma tistax temmen u taċċetta l-fidi ta’ Kristu jew li tgħix f’armonija ma’ għajrek, anki jekk ma temminx, jekk f’qalbek iżżomm il-mibegħda, l-għira, tkun inġust u ssegwi dak kollu li jifred, iweġġa’ u jeqred. Kif naraha jien, xogħol il-knisja hu li l-messaġġ ta’ Kristu jidħol f’aktar imħuħ. Il-knisja trid tirbaħ l-imħuħ.
Ngħid imħuħ u mhux qlub għax nemmen li dan hu twemmin li jibbaża fuq ir-raġuni u mhux fuq l-emozzjoni. Il-knisja tiddgħajjef meta taħli l-enerġija tagħha tibni biss fuq l-emozzjoni. L-emozzjoni hi għodda importanti biex biha tasal għand il-bniedem. Imma biex il-messaġġ jibqa’ u biex il-bniedem jibqa’ miegħek, trid ir-raġuni.
Il-bniedem fis-soċjetà moderna ma jaċċettax li jkun stmat ta’ injurant. Għandu għatx kbir għal gwida spiritwali u dan tħossu fost iż-żgħażagħ. Ma jridux min jiddetta u min jibni fuq it-teatrini. Imma jridu min jarmahom internament. Iridu lil min jagħtihom dik il-forza interna li meta jkunu f’diffikultà tiggwidahom għall-għażla t-tajba. Mhux teoriji ta’ x’tista’ tagħmel u ma tistax, qisek qiegħed f’xi armata, imma dik il-forza morali interna li ġġiegħel lil dak li jkun jagħżel is-sewwa.
Aħna l-ġenituri kollha nafu kemm hu diffiċli dan ix-xogħol. Impenn ta’ jum wara l-ieħor biex lil uliedna nibnulhom dan is-sur intern ħalli waħedhom meta jiffaċċjaw il-ħajja, jagħrfu jagħżlu s-sewwa. Mhux għax hemm r-rigal tal-Ġenna u l-abbissi ta’ l-Infern imma għax il-bniedem b’hekk jgħix aħjar. Id-dinja ta’ madwarna tkun aħjar aktar kemm ikun hemm nies b’fidi interna soda. Il-fidi ssaħħaħna moralment u tgħinna nsaħħu l-madwar fiżiku u uman u li fuqu għandna poter.
Ir-reliġjon meta tiffoka l-enerġija tagħha lejn għanijiet speċifiċi hi forza tremenda. Min imexxiha jista’ jisparpalja l-enerġija f’ħafna attività li tagħti ftit riżultat. Mill-banda l-oħra jista’ jiffoka fuq dak li verament hu utli, li verament joħloq bniedem aħjar u b’ħila u determinazzjoni jasal aktar.
Meta l-Knisja tidentifika aħjar il-missjoni tagħha f’soċjetà moderna waħedha tifhem li għandha toqgħod lura minn dak kollu li jifred.
Hemm ħafna fil-Knisja li jridu li l-Knisja ta’ Kristu terġa’ ttiha għall-kontroversja u għall-inkwiet. Iriduha tindaħal fejn ma jesahiex. Il-Monsinjuri Cremona u Gouder se jkollhom pressjoni qawwija biex it-triq li b’tant għaqal għażel Mons. Ġużeppi Mercieca jitilquha. Hemm ħafna għatxana għal pjattaforma biex jidhru u biex jiżżattu. Iridu jgħidulna kemm huma bravi, kemm jifhmu f’kollox.
Għażiż Patri Pawl u għażiż Dun Anton ieqfulhom. Imxu kif inhi n-natura tagħkom b’għerf, umiltà u irġulija.Għinu ’l aktar Maltin jissaħħu minn ġewwa. Għinu aktar Maltin iħarsu lejn il-Knisja bħala l-ħabib ta’ dejjem li qiegħed hemm miegħek il-ħin kollu, int kif int, int min int, taħsibha kif taħsibha.
Għeżież ħbieb tiegħi nawguralkom. Malta għandha tama qawwija fikom.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt