Umiljat quddiem pajjiż sħiħ bil-Mepa tibgħatlu uffiċjali b’ilbies bullet-proof, platoon tal-Forzi Armati, il-Bomb Disposal Unit, il-klieb, Assistent Kummissarju u rinforzi minn diversi taqsimiet tal-Pulizija biex twaqqagħlu sular illegali fuq in-negozju tiegħu, Charles Dimech ta’ 48 sena minn Ħaż-Żebbuġ ħalef ħalfa li ma jagħtix aktar wiċċ lill-Partit Nazzjonalista.
Charles Dimech sostna li hemm 100 vot fil-familja tiegħu u tal-mara li mhux se jerġgħu jivvutaw f’elezzjoni oħra, u lanqas m’huma se jagħtu kas lil xi wieħed mill-kandidati tal-PN.
“Użawni, wegħduni u rmewni,” sostna Charles meta kellimnih il-bieraħ fl-istabbiliment tiegħu fi Triq l-Mdina f’Ħaż-Żebbuġ.
Charles Dimech kien wieħed mill-akkużati li fl-inċidenti tat-2 ta’ Novembru ta’ l-1981 waddab il-balavostri minn fuq il-bejt tal-każin tal-PN f’Ħaż-Żebbuġ biex jiddefendi l-istess każin.
Charles Dimech hu muġugħ ħafna għall-fatt li dak li l-Mepa għamlet miegħu kien motivat “politikament” u li l-ebda Ministru, Deputat jew uffiċjal tal-PN ma qabeż għalih meta l-affarijiet kollha jindikaw li hu vittma ta’ “skandlu ta’ l-amministrazzjoni.”
Charles u martu Joyce spjegaw lil din il-gazzetta li meta “l-konvoj ta’ l-awtoritajiet” marru biex iwaqqgħu s-sular żejjed huma ċemplu lill-Ministru Jesmond Mugliett, lis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, lid-Deputat Nazzjonalista David Agius u lil Kate Gonzi, mart il-Prim Ministru.
“Jesmond Mugliett qalilna li se jċempel biex jara x’qed jiġri u mbagħad ma reġax wieġeb it-telefon. Mart il-Prim Ministru qaltilna li kellu jċempel xi ħadd Mangion li baqa’ ma ċempel xejn u wara li erġajna kellimniha qaltilna li jkun aħjar li ma nċemplulhiex,” spjegaw Charles u Joyce Dimech.
“Żebilħuni quddiem pajjiż sħiħ u ġew għalija qishom kienu sejrin għall-gwerra fl-Iraq,” sostna Charles waqt li spjega kif “dak li l-Mepa qed tgħid li bnejt illegalment fil-fatt tellgħetu l-ADT b’kumpens għal dak li ħaditli min-negozju li diġà kelli hawnhekk qabel ma twessgħet it-triq u sar il-proġett ta’ Triq l-Mdina bil-flus tal-Protokoll Taljan.
“Joħroġ ċar li l-ADT għamlet il-proġett tat-toroq fi Triq l-Mdina mingħajr ma kellha l-ebda permess biex tagħmel l-ebda xogħol. Hawnhekk l-ADT ħawdet bil-goff u abbużat sal-punt li kisret il-Liġi bl-aktar mod sfaċċat u daħħlitni fl-inkwiet ma’ l-awtoritajiet,” sostna.
Filwaqt li wriena lista twila ta’ binjiet u strutturi llegali li allegatament ttellgħu illegalment mill-ADT fi Triq l-Mdina f’Ħaż-Żebbuġ waqt li kienu qed isiru x-xogħlijiet fuq it-triq il-ġdida, Charles Dimech u l-Avukat George Cutajar li qed jidher għalih għamlu pubbliċi sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Jesmond Mugliett li hu responsabbli mill-proġett.
Cutajar f’isem il-familja Dimech sostna li l-Ministru Mugliett ma wieġeb xejn għal dawn il-mistoqsijiet:
L-ADT kellha l-permessi neċessarji mingħand il-Mepa biex setgħet wettqet ix-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni fiż-żmien li twaqqgħet il-proprjetà ta’ Dimech?
Il-Ministru stenna li Dimech jagħti l-kunsens tiegħu għat-twaqqigħ tal-proprjetà tiegħu mingħajr ma l-ewwel kellu f’idejh il-garanziji ta’ kumpens adegwat?
Il-Ministru Mugliett qatt stenna li ċittadin ordinarju japplika għal permess hu għal twaqqigħ u bini mill-ġdid meta x-xogħlijiet kienu se jsiru minn entità governattiva bħalma hi l-ADT?
Għaliex il-Mepa ma imponiet l-ebda enforcement notice waqt li l-ADT kienet qed twettaq ix-xogħol u stenniet li jintemm?
Filwaqt li reġa’ sostna fuq il-ftehim li kien aċċetta billi l-ADT tikkumpensah b’sular ieħor fil-binja l-ġdida li kienet se ttella’ talli ħaditlu b’ħames metri art biex wessgħet Triq l-Mdina, Charles Dimech insista kif il-Mepa setgħet tkun daqshekk drastika u esaġerata f’għemilha.
“Mal-Pulizija ma ntemmitx hawnhekk għaliex għada t-Tnejn se niftaħ kawża kontra l-aggressjoni tagħhom kontra tiegħi, marti u uliedi fi ħwejjiġna stess. Lanqas biss kien hawn pulizija mara waħda u kienu l-pulizija li kaxkru lil marti kif deher ċar mill-filmati u r-ritratti li tieħdu mill-Istampa,” sostna.
“Użawni, wegħduni u rmewni,” reġa’ tenna Charles Dimech li fakkar li kien hu li bena minn butu l-każin tal-PN fil-Marsa, u li sa ftit taż-żmien ilu kien jagħti b’xejn l-inġenji għall-attivitajiet tal-massa tal-PN.
“Issa ħa jiġu għall-vot, u nistaqsihom kollha: Inthom fejn kontu meta kelli bżonnkom?’” temm jgħid.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt