28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007

Alla jew Allah fil-Kostituzzjoni Ewropea

TONI

F’diskors li għamlet f’Saarbrucken fil-Ġermanja, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel iddikjarat li hi kienet taqbel li fil-Kostituzzjoni Ewropea ssir referenza għal Alla. Iżda trid li l-Alla li jissemma jkun dak Kristjan.
Issa tajjeb li wieħed jiftakar li l-Ġermanja hija kontra li t-Turkija tidħol fl-Unjoni Ewropea u allura bi proposta bħal din tkun qiegħda bil-pulit tbiegħed aktar il-possibbiltà li dan il-pajjiż, f’sens ta’ valur u storja, jingħaqad fl-Unjoni Ewropea.
Għalhekk għandi xamma li l-proposta ta’ Angela Merkel, mhux wisq ispirata minn sens ta’ valuri kristjani iżda pjuttost waħda politika.
Din il-proposta hija stramba għal diversi raġunijiet.
L-ewwel stramberija hi li Angela Merkel, bint ġenituri Luterani, rikbet fuq il-karru ta’ Benedittu XVI meta dan il-Papa, li hu Kattoliku, għaddej b’kampanja favur li jissemma Alla fil-kostituzzjoni Ewropea. Il-proposta għamlitha ftit jiem wara laqgħa li kellha ma’ dan il-Papa u tkellmu dwar dan is-suġġett. Il-Vatikan, bħal Merkel, għandu ċerta biża’ mill-Mislem Tork.
Din il-proposta hi stramba għax illum fl-Ewropa nilmħu kollox, barra valuri Kristjani. Ftit ftit l-Ewropa qiegħda ssir il-mekka ta’ dak kollu li hu marbut mal-materjaliżmu u konsumiżmu. Anki l-istess Unjoni Ewropea nbniet intrinsikament fuq valuri materjali ekonomiċi u mhux fuq xi prinċipji intrinsikament spiritwali.
F’Ewropa fejn dak li huwa għal kollox lajk rebaħ fuq l-istituzzjonijiet reliġjużi, u fejn issib ħafna pajjiżi bi tradizzjoni protestanta li jemmnu li r-reliġjon hija xi ħaġa li tappartjeni lill-individwu internament u mhux lill-istat, din il-proposta ma tagħmilx sens.
Din il-proposta hi stramba wkoll għax fi ħdan l-Unjoni Ewropea, dawk li jemmnu f’Allah u mhux f’Alla, diġà huma numerużi. Fi Franza biss hemm madwar tliet miljun Mawmettan.
F’ħafna mill-pajjiżi ta’ l-eks Jugoslavja u tal-Lvant, illum uħud minnhom membri ta’ l-Unjoni Ewropea, diġà hemm ammont sostanzjali ta’ ċittadini komunitarji li huma Musulmani. Din hija minoranza li mhix żgħira, u bit-tismija diretta ta’ Alla Kristjan fil-kostituzzjoni Ewropea nkunu qegħdin mhux neskludu lil dawn id-denominazzjonijiet reliġjużi, iżda, aktar minn hekk, naħmu l-inkwiet għall-ġejjieni.
Stramberija oħra li ma nafx kif Angela Merkel ma ntebħitx biha hi kif se tkompli tbiegħed lil dawk il-pajjiżi komunitarji li diġà rrifjutaw li jaddottaw il-Kostituzzjoni Ewropea għax proprju ma jaqblux ma’ proposta bħal din.
F’nifs wieħed trid li terġa’ tkebbes il-ħeġġa għall-addozzjoni ta’ din il-kostituzzjoni u trid ukoll toħloq skalda ta’ nuqqas ta’ qbil. Proposta bħal din għall-Ewroxettiċi tinżel għasel għax tagħtihom aktar ħatab għall-kritika; u pajjiż bħall-Ingilterra, li konvint qatt mhu se jċedi għas-supremazija tal-kostituzzjoni tiegħu, kapaċi li f’din il-proposta jsib argument ieħor għaliex m’għandux jadotta l-Kostituzzjoni Ewropea.
Hija ironika kif Angela Merkel qiegħda tagħmel proposta bħal din, fost oħrajn, minħabba l-biża’ li għandha l-Ġermanja mit-Turkija, meta l-ikbar preżenza ta’ emigranti Torok fl-Ewropa hija proprju fil-Ġermanja. L-ironija tidher aktar meta wieħed jiftakar li Kemal Ataturk, missier it-Turkija moderna, kien jilmaħ fil-Ġermanja pajjiż avangwardja ta’ dak li hu modern. Għalih il-Ġermanja kienet il-mudell li fuqu kellu jfassal lil pajjiżu. Kemal Ataturk ried li jagħmel stat modern mit-Turkija u mhux teokratiku, filwaqt li l-Kanċillier Ġermaniża trid propju dak li Ataturk fil-Ġermanja ma kienx jilmaħ.
Jiena nemmen li huwa minnu li l-Ewropa għandha valur komuni li jidher fil-kultura u fl-istorja tagħha: il-Kristjaneżmu. Tagħmel sewwa li tikkonservah iżda mhux sal-punt li għandna nsemmu ’l Alla fil-Kostituzzjoni Ewropea.
Fil-verità nemmen li lanqas hemm għalfejn. Fl-iżvilupp tal-ħsieb Ewropew, sa minn qabel l-enċiklopedisti Franċiżi, diġà kien hemm min qiegħed jargumenta li fil-bniedem hemm ċerti drittijiet naturali li llum fundamentali tant li qishom imnaqqxa fuq twavel ta’ l-irħam u li ħadd ma jista’ jħassarhom. Fost dawn id-drittijiet fundamentali li huma universali u inaljenabbli, hemm dak tal-libertà tal-qima u kuxjenza.
Ebda kredu reliġjuż partikolari m’għandu jsib l-appoġġ ta’ l-Istat biex isaltan fuq ieħor u ħadd ma għandu jkun ostakolat jew imfixkel milli jitgħallem jew jgħallem xi reliġjon partikolari.
Nemmen li b’dan id-dritt kulħadd se jkun imħares – kemm Alla tal-Kristjani u Allah ta’ l-Islam. Wara kollox qatt ma smajna li fis-smewwiet beda jriegħed għax dawn it-tnejn tlewmu bejniethom. Allura għaliex għandna niġġieldu bejnietna li ninsabu f’din id-dinja?
Fi ftit kliem: żomm is-sliem, żomm ma’ min trid mingħajr ma ssemmi ’l ħadd.

PEPPI

Darba kont qlajt polemika sħiħa għax f’intervista għidt li kieku kelli nkun Prim Ministru kont inneħħi l-bandiera Maltija u l-Innu Malti. Żidt ngħid li għalhekk qatt mhu se nkun Prim Ministru.
Ħafna kienu fehmuni ħażin. Kienu ħasbu li għandi xi ħakk għal dak li huwa Malti. Assolutament xejn. Malta togħġobni u jekk kelli nerġa’ nitwieled nagħżel li nitwieled f’Malta. Inħossni Malti, iżda nħossni aktar bniedem, aktar persuna, aktar ċittadin. Allura nħares lejn il-bandiera u l-innu ta’ pajjiż bħala xi ħaga li tfakkarna wisq li aħna Maltin filwaqt li tnessina li aħna bnedmin.
Kieku nista’ nneħħi l-bnadar u l-innijiet tal-pajjiżi kollha. Kieku nista’ kull filgħodu it-tfal ma jkantawx l-innu Malti iżda l-innu tad-dinja li jkun jitkanta mill-pajjiżi kollha. Ħolma? Bħall-ħolma ta’ John Lennon li jkanta Imagine.
Mhix ħolma ta’ paċi minn dawk li jixtiequ il-kontestanti ta’ Miss World qabel tintgħażel l-isbaħ waħda. Hija ħolma ta’ paċi nieqsa minn fissazzjoni dwar il-fatt li aħna minn dak il-pajjiż, minn dik ir-reliġjon, minn dik il-kultura, minn dawk il-kuluri.
Ħarsu lejn id-dinja mifnija b’inġustizzji u gwerer. Tidħol fil-fond u x’issib? Issib li ħafna gwerer, ħafna terroriżmu, ħafna inġustizzji huma ispirati mill-fissazzjoni li ‘dan huwa t-territorju tagħna’ jew ‘Li aħna għandna kultura differenti minn tagħkom’, ‘Li aħna qed niddefendu r-reliġjon tagħna’.
Dan hu l-kuntest għalfejn l-enfasi m’għandhiex tibqa’ aktar fuq il-bnadar, l-innijiet u anki x’reliġjon inħaddnu. Huwa wkoll f’dan il-qafas li nħares lejn ix-xewqa ta’ ħafna li Alla jidħol fil-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-ewwel jinbtu diversi mistoqsijiet. Liema alla? Alla li nemmnu bih aħna, naturalment. Iżda fl-Ewropa mhux kulħadd iħaddan ’l Alla li nemmnu bih aħna u nkunu prużuntużi jekk ngħidu ‘Imma Alla veru huwa tagħna’. Għax l-oħrajn li ma jemmnux bħalna jemmnu bl-istess mod. Forsi nistgħu ndaħħlu alla newtrali ħafna li kulħadd iħossu komdu bih. Li kulħadd jista’ jgħid li huwa alla li jemmen fih. Iżda mbagħad x’se jħossu dawk li huma ateji, li ma jemmnux fl-ebda alla?
Min-naħa l-oħra jista’ jkun li poplu mingħajr kultura, mingħajr bandiera, mingħajr territorju, mingħajr reliġjon iħossu mitluf. Jibda jfittex kullimkien sakemm isib ir-reliġjon li fiha jħossu xi ħadd. Allura dan kollu li għidt hawn fuq jista’ jkun il-kaġun ta’ aktar estremiżmu. F’ċertu sens dak li qed jiġri llum jista’ jkun il-każ.
F’dinja sekulari l-bniedem jista’ jkun qed ifittex ’l Alla anki fil-Kostituzzjoni Ewropea biex iħossu parti minn xi ħaġa li twieled fiha, li jrid u għandu bżonn jemmen fiha. Il-mistoqsija tqum: Imma minn fejn ġej dan il-bżonn?
Wisq nibża’ li l-bżonn jinħoloq fit-trobbija. Minn meta nkunu żgħar nitgħallmu dwar il-valuri. Iżda nwaħħlu dawn il-valuri mar-reliġjon, mal-kmandamenti. Anki jekk ħafna minnhom huma valuri universali aħna nitgħallmuhom qisna li dawn il-valuri jeżistu għax ispirati mir-reliġjon tagħna. Hekk huma.
Iżda l-imħabba u n-non vjolenza li ppriedka Ġesu Kristu kien jippridkaha u jgħixha Mahatma Gandhi. X’jiġri? L-ewwel periklu huwa li hekk kif nibdew nitfarfru u neħduha kontra r-reliġjon nibdew neħduha kontra l-valuri li nkunu qed naħsbu li marbutin magħha. Nitgħallmu ma nagħmlux hekk għax dnub. Mela jekk m’għadniex nemmen m’għadux dnub. Mela sar tajjeb.
It-tieni periklu huwa li nikbru naħsbu li dawk il-valuri ma jkunux qegħdin fin-nies l-oħra li ma jemmnux bħalna. Fil-fatt tisma’ min jistkanta u jgħid ‘Minkejja Musulmani taf kemm huma familja tajba. Jemmnu u tgħidx kemm jitolbu. Kultant ħafna iżjed minna jemmnu’. Niskantaw għax ma nifhmux li ħafna mill-valuri huma universali.
F’dan il-kuntest Alla fil-Kostituzzjoni Ewropea taf tkompli żżid il-firda bejn dawk li jemmnu u dawk li jemmnu mod ieħor u bejn dawk li jemmnu li dawk li jemmnu mod ieħor ma jemmnux.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt