28 ta' Jannar 2007
Il-Pulizija tinvestiga fl-ajruport
Il-Pulizija ntalbet tinvestiga xnigħat ta’ abbuż li jingħad li seħħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Kien f’Novembru li għadda meta xi persuni fl-ajruport allegatament żammew mara, x’aktarx fattiga, kontra l-volontà tagħha maqfula f’xi kamra. Mhux magħruf jekk kienx hemm ukoll allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ xorta oħra.
Dan it-tip ta’ zekzik wasal ukoll fil-widnejn ta’ bosta persuni mlaħħqa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fosthom ta’ uffiċjali għolja fl-MIA li xogħolhom hu li jaraw li s-sigurtà fl-ajruport timxi kif suppost.
Wara mistoqsijiet li għamlet din il-gazzetta, it-tmexxija tal-MIA ikkonfermat li “hekk kif sirna nafu bix-xniegħa ta’ l-allegat każ li qed tirreferi għalih u li seta’ kien hemm xi verità f’dak li kien qed jingħad, l-MIA infurmat minnufih lill-Pulizija bil-każ.”
L-MIA sostniet li “il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ ftit wara.”
Illum hi nfurmata li l-allegat każ imur lura għal Novembru li għadda.
Nifhmu li matul l-aħħar ġimgħat kienu nterrogati numru ta’ persuni, fosthom in-nies li setgħu ssemmew f’din l-istorja.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta saħaq ma’ din il-gazzetta li s’issa l-Pulizija qatt ma nfurmat lill-MIA bl-iżviluppi ta’ l-investigazzjonijiet. Għaldaqstant l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ma seta’ jissospendi lill-ebda mpjegat b’rabta ma’ dan il-każ.
Mhux eskluż li l-ħaddiema li jissemmew f’din l-allegazzjoni huma ħaddiema ta’ kuntrattur u b’hekk ma jaqgħux taħt l-att ta’ proċeduri dixxiplinarji interni ta’ l-MIA.
Mistoqsijiet li din il-gazzetta bagħtet lill-Pulizija dwar jekk l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ humiex magħluqa jew le s’issa baqgħu ma twiġbuwx.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt