28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Magħluqa fabbriki, ristoranti, fran u proċessuri tat-tiġieġ

Julia Farrugia

Fl-2006 f’Malta ngħalqu 14-il ħanut jew stabbiliment ta’ l-ikel minħabba li kienu qed joperaw f’postijiet b’nuqqas ta’ iġjene.
F’pajjiżna l-Att ta’ l-2002, Artiklu 36 jipprovdi qafas ta’ serħan il-moħħ dwar is-sigurtà fl-ikel. Minkejja dawn il-liġijiet stretti xorta waħda għad hemm min qed jabbuża u jibqa’ jaħdem f’bini li ma jkunx ta’ livell aċċettabbli.
Illum tista’ tiżvela li s-sena l-oħra ngħalqu tliet kċejjen ta’ ristoranti u takeaways. Ingħalqu wkoll tlett ifran u confectioneries minħabba li waqt spezzjonijiet mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika nstab li kien hemm riskju kbir għas-saħħa pubblika. Matul is-sena li għaddiet ingħalaq ukoll ħanut tal-laħam minħabba li kien qed jopera b’nuqqas kbir ta’ iġjene. Dawn mhumiex l-uniċi każijiet. Jirriżulta li fl-istess perjodu kien hemm ukoll żewġ produtturi tat-tiġieġ li kienu qed jipproċessaw l-ikel f’ambjent xejn nadif.
L-indafa hi l-aktar ħaġa essenzjali f’kull post fejn ikun hemm xogħol marbut ma’ l-ipproċessar ta’ l-ikel. Hemm bosta problemi li jistgħu jinħolqu f’postijiet fejn hemm nuqqas ta’ iġjene. Xi minn daqqiet dawn ikunu tant gravi li jkunu ta’ detriment għas-saħħa tal-bniedem. Il-konsegwenzi jvarjaw minn avvelenament ta’ l-ikel sa salmonella. Din ta’ l-aħħar hi komuni ħafna fl-ipproċessar mhux ta’ livell ta’ laħam tat-tiġieġ u bajd nej.
Investigazzjonijiet li saru fl-aħħar xhur ikkonfermaw li kien hemm negozjanti li daħlu għal sogru akbar. Matul l-2006 ingħalqu ħames stabbilimenti li nstab li kienu qed jintużaw b’mod klandestin u illegali biex minnhom ikun ipproċessat u ppakkjat ikel.
Ix-xejriet jindikaw li tul dawn l-aħħar sitt snin żdiedu b’mod qawwi l-każijiet fejn l-awtoritajiet kellhom jieħdu azzjoni drastika u jagħlqu l-ħwienet.
Tagħrif li għandha din il-gazzetta jikkonferma li fl-2002 u fl-2003 ma ngħalaq l-ebda stabbiliment mid-Dipartiment tas-Saħħa. Madankollu fis-sena ta’ wara ngħalqu seba’ stabbilimenti, fosthom żewġ fabbriki, ħanut tal-merċa li kien ibigħ bl-ingrossa, ħanut ta’ bejjiegħ tal-ħaxix u żewġt ifran.
L-istess problemi baqgħu jippersistu fl-2005. Spezzjonijiet mill-awtoritajiet kixfu prattiċi perikolużi u ta’ detriment għas-saħħa tal-bniedem. Dan wassal għall-għeluq ta’ ħames kċejjen jew partijiet ta’ kċejjen ta’ lukandi, erba’ proċessuri/produtturi tat-tiġieġ, kċina ta’ ristorant, parti minn supermarket u żewġ stabbilimenti minn fejn kien isir manifatturar u ippakkjar ta’ l-ikel.

67 gabbana mmultati
Prattiċi perikolużi u nuqqas ta’ ndafa jirrenjaw ukoll f’uħud mill-gabbani ta’ l-ikel. Matul l-2005 saru 206 spezzjoni f’gabbani jew units li jarmaw b’mod temporanju fil-festi, fieri jew kunċerti.
Xi wħud mill-gabbani nstabu li kienu mingħajr il-livelli xierqa ta’ ndafa u sanità. Dan wassal biex kienu mmultati 21 sid ta’ gabbani u nħarġu 46 ċitazzjoni oħra kontra bejjiegħa li jarmaw b’fondi temporanji fosthom fis-swieq. Fil-parti l-kbira tal-każijiet il-persuni nstabu ħatja u ngħataw libertà kundizzjonata. Minn dawn kien hemm persuna waħda li giet immultata wkoll Lm200 għal dan ir-reat.
X’jiġri f’każijiet fejn ħanut jew ristorant jingħalaq? Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jwaħħal tabella mal-faċċata tal-bini biex juri li l-ħanut ingħalaq minħabba nuqqas ta’ ndafa. Bil-Liġi, is-sid tal-ħanut ma jistax ineħħi din it-tabella.
Meta l-ħanut jirregola lilu nnifsu, spetturi tas-Saħħa joħorġu ċertifikat li tali projbizzjoni waqgħet u ma baqgħetx fis-seħħ.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt