28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Il-proġett ta’ Ta’ Qali
Ġej… dalwaqt

Julia Farrugia

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban, Jesmond Mugliett ikkonferma li x-xahar id-dieħel il-Gvern se joħroġ l-offerti b’rabta ma’ l-iżvilupp taċ-ċentru ta’ l-artiġjanat f’Ta’ Qali.
Qed ikun ittamat li din id-dikjarazzjoni titqies ta’ serħan il-moħħ għal madwar 100 persuna li l-għixien tagħhom huwa msejjes fuq il-ħidma f’dan il-villaġġ turistiku.
Imma aktar importanti minn hekk, fl-aħħar xhur ta’ qabel elezzjoni ġenerali qed ikun ippjanat li din il-mossa ttaffi mill-ħsara politika li ġarrab il-Gvern Nazzjonalista minħabba dan il-proġett.
Il-Crafts Village ilu mwiegħed għal snin twal b’diversi dikjarazzjonijiet minn Ministri tal-gvern.
Minkejja li l-aħħar wegħda li saret kienet li x-xogħol se jibda fl-2006 dan baqa’ xorta ma bediex. Il-Ministru Jesmond Mugliett f’Lulju li għadda kien qal li twaqqfet task force ta’ uffiċjali minn diversi entitajiet biex jitlestew l-offerti.
Issa waslet l-aħħar żvolta bil-Ministru Mugliett jgħid li bħalissa qed jitħejjew id-dokumenti taż-żewġ offerti għal dan il-proġett.
L-ewwel offerta se tkun għall-bini tal-binjiet fil-villaġġ ġdid, filwaqt li t-tieni offerta se tkun għall-bini tat-toroq tal-villaġġ innifsu. Dan ta’ l-aħħar hu proġett ko-finanzjat mill-programm tal-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewroprew għal Malta għas-snin ta’ bejn l-2007 u l-2013.
Mitlub jintrabat meta se jitlesta dan il-proġett il-Ministru Mugliett naqas milli jagħti data u sostna li “d-data se tingħata meta jitnieda l-proġett ix-xahar id-dieħel.”
Sidien ta’ huts f’Ta’ Qali li tkellmu ma’ Illum urew it-tħassib tagħhom għal dan id-dewmien u t-tkaxkir fis-saqajn li qed ikompli jaffettwa n-negozju tagħhom. Mugliett ċaħad li hu rċieva xi tip ta’ ilmenti ta’ din ix-xorta u sostna li “fl-aħħar ġimgħat, bosta sidien urew l-apprezzament tagħhom għall-konsultazzjoni estensiva li saret magħhom waqt li kienu qed jiġu finalizzati l-pjanti tal-proġett.”
Skond il-Ministru Mugliett, l-offerti ma setgħux jinħarġu qabel “għax ma kienx intlaħaq ftehim mal-partijiet kollha konċernati nkluż il-madwar 100 sid ta’ intrapriża li hemm ibbażati fil-villaġġ preżenti.”

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt