Xi platt għaġin imħawwar, kisra ħobż tal-Malti biż-żejt taż-żebbuġa u żewġ krustini ma’ belgħa tè. Ikla li kieku tinżel għasel għal ħafna nies iżda għal xi wħud, id-dqiq li jintuża f’dawk il-prodotti daqslikieku hu velenu.
Antonella Axisa, attriċi popolari ta’ 26 sena li għamilna żmien narawha fuq Għada Jisbaħ Ukoll u mal-grupp teatrali Aleateia, sentejn u nofs ilu skopriet li tbati mill-kundizzjoni coeliac, li hi forma ta’ allerġija għall-qamħ u prodotti simili.
Qabel skoprietha kienet tgħix ħajja ‘normali’. Minn dejjem kienet attiva fit-teatru sa minn żmien l-iskola imma ġisimha ma kienx qed jaħdem kif suppost. Peress li s-sintomi tagħha ma kinux ovvji damet is-snin sakemm indunat x’kellha.
“Kont niekol ħafna għax l-imsaren ma kinux jassorbu n-nutrijenti u l-vitamini mill-ikel li kont niekol. Allura ġismi kien jagħtini sinjali li għadu bil-ġuħ għax ma kienx jingħata dak li jinħtieġ. Fil-fatt ħbiebi kienu jikkummentaw li ma kontx neħxien għalkemm kont niekol ħafna,” qalet l-attriċi.
Sintomi oħra kienu dijarrea ta’ kuljum u anemija (nuqqas ta’ ħadid) li minħabba fiha xagħarha beda jiħfief u jiċċara. Waqt l-istudju kienet tħossha dejjem għajjiena, bla enerġija u ma kinitx tikkonċentra.
“Għamilt ukoll snin sħaħ inbati bil-ħruq ta’ stonku, nipprova nikkura s-sintomi minflok il-kawża. Wara li qlibt għal dieta bla gluten dan il-ħruq sparixxa għal kollox,” żiedet tgħid Antonella.
L-attriċi hi waħda minn madwar 500 persuna li hawn f’Malta li jbatu minn din il-kundizzjoni. Kienet fortunata li ndunat x’kien qed jiġri f’ġisimha. Hu kkalkulat li mas-70 fil-mija tan-nies coeliacs ma jindunawx li huma coeliac bir-riskju li jbatu minn ċerti kumplikazzjonijiet aktar ’il quddiem speċjalment fl-għadam.
Il-fortuna, jekk tista’ tgħid hekk, kienet doppja għax ħafna minn nisa Maltin jiskopru li huma coeliacs fl-età medja ta’ 38 sena.
Antonella kellha tagħmel testijiet tad-demm u biopsija qabel ma qalbet għal dieta mingħajr gluten. Dan jinstab fil-qamħ, xgħir (barley), segala (rye) u ħafur (oats) li nsibu normalment fl-għaġin u l-ħobż.
Mary Rose Caruana, chairperson tas-Coeliac Association Malta (CAM), tisħaq biex persuna ma tibdiex dieta bla gluten qabel ma tkun għamlet it-testijiet tad-demm li jiċċertifikawha li hi coeliac.
“Kemm-il darba jċempluli nies wara li jkunu għamlu test mhux xjentifiku li jiċċekkja intolleranzi għall-ikel. Nagħmel nofs siegħa fuq it-telefon nipprova nikkonvinċihom li mhux biżżejjed. Importanti li jagħmlu t-testijiet u li ma jibdewx id-dieta bla gluten minn qabel għax jaffettwaw ir-riżultati.”
It-tabib Christian Scerri, direttur tal-bord ta’ l-AOECS (Association of European Coeliacs Societies), jispjega li persuna coeliac wara li taqleb għal dieta bla gluten, l-imsaren tagħha jiġu normali bħal ta’ xi ħadd li mhux coeliac. Jekk din il-persuna tmur tagħmel il-biopsija wara li tkun għamlet xi xhur fuq dieta bla gluten, ir-riżultati joħorġu li hi mhix coeliac għax l-imsaren tagħha ikunu ġew għan-normal.
Il-problemi jibdew meta d-dieta taffettwa l-but għax l-ikel bla gluten hu għali. Biex coeliac jieħu l-ikel provdut mill-Gvern irid bilfors ikollu biopsija li tiċċertifikah coeliac. Għalhekk ikollu jerġa’ jaqleb għal dieta normali bil-konsegwenzi kollha li kellu qabel.
Il-kundizzjoni tolqot l-aktar lin-nisa iżda skond it-tabib Scerri s’issa m’hemm l-ebda raġuni xjentifika għal dan.
“Jista’ jagħti l-każ li din tiġri għal raġunijiet ormonali, ġenetiċi jew sempliċiment għax in-nisa jżuru lit-tobba aktar mill-irġiel minħabba menopawsa, tqala jew għax imorru bit-tfal morda għandu,” qal Scerri.
Ir-reazzjoni ta’ Antonella għar-riżultati għat-testijiet kienet imħallta. Fl-aħħar skopriet ir-raġuni għas-sintomi imma ħajjitha nbidlet mil-lejl għan-nhar.
“Ħajjitna ddur ma’ l-ikel. Jien kont niekol ħobż għall-kolazzjon, ħobż fil-pawsa tax-xogħol, għaġin id-dar u gallettini ma’ kull belgħa tè. Dawn kellhom jisparixxu minn ħajti għal dejjem jew almenu fil-forma normali tagħhom. Kienet diffiċli ħafna nibdel id-drawwiet tiegħi ta’ l-ikel u naqleb fuq dieta bla gluten mil-lum għal għada hekk kif it-tabib ikkonferma li jien coeliac.
“Id-dqiq jinsab kullimkien miżjud ma’ affarijiet li wieħed ma jimmaġinax li jkun fihom il-gluten, bħal ċerti kremi, ċereali li suppost magħmulin mill-qamħirrun u zlazi lesti. Kelli nibda naqra t-tikketti ta’ l-ikel, ngħid lill-ħbieb bil-kundizzjoni għal meta mmur niekol għandhom, nagħżel ir-ristoranti fejn niekol u x’niekol meta nkun hemm u nġorr ikel bla gluten miegħi ukoll.
“Il-kundizzjoni tagħmilha aktar diffiċli tiekol barra minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni ma’ ikel li fih il-gluten. Kelli nrabbi rieda qawwija biex ma nikolx ikel li jagħmilli l-ħsara minkejja li jkun jinxtamm u jidher tajjeb.”
Għal xi ħadd coeliac mhux biżżejjed li jiekol ikel apposta għalih imma hu essenzjali li dan ma jitħallatx ma’ ikel li fih il-gluten. Għaġin bla gluten ma jistax jissajjar fl-istess borma ta’ għaġin bil-gluten. Il-ħaxix ma jistax jitqatta’ bl-istess sikkina li tkun tqattgħat biha qabel ħobża normali.
Parti minn xogħol is-CAM fil-fatt hu li tgħarraf lil kulmin għandu x’jaqsam mal-preparazzjoni ta’ l-ikel dwar din il-kundizzjoni. Saħansitra jorganizzaw laqgħat ta’ tagħrif għall-istudenti ta’ l-I.T.S (Institute of Tourism Studies) biex isiru jafu dwar is-coeliacs u x’jista’ jiġri jekk l-ikel tagħhom jiġi kontaminat bil-gluten.
Antonella kif qed tħossha issa u jirnexxilha tkampa?
“Fl-ewwel ftit xhur li biddilt id-dieta kont ħxint ftit kilogrammi f’daqqa għax l-ikel beda jiġi assorbit. Kien xokk kbir għalija wara snin sħaħ bla problemi ta’ piż. Illum inħossni ħafna aħjar għax naf x’inhi l-kundizzjoni tiegħi, kif nista’ nieħu ħsiebha, x’ikel għandi nagħżel u fejn insibu.
“Tgħinni ħafna wkoll li nħares lejn l-ikel b’mod differenti. Tgħallimt insegwi dieta tajba għas-saħħa b’ħafna frott u ħaxix, bi ftit ħobż u prodotti tal-ħalib, ftit laħam aħmar, ħafna lewż, frott imqadded u żrieragħ. Illum inħossni f’saħħti u b’ħafna enerġija għax noqgħod attenta x’nitfa’ f’ġismi.”
Għal aktar informazzjoni ċempel 21675400 jew 21386553 jew ibgħat fuq edros@global.net.mt. Żur ukoll is-sit www.aoecs.org.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt