Żgur li meta l-esploratur Ingliż James Cook rifes il-Polinesja fis-Seklu 18 ftit għaddielu minn moħħu x’se jagħmel b’idu. Forsi l-kelma ġġib hekk, mhux x’għamel hu b’idu imma x’tip ta’ tpinġijiet bdew jagħmlu fl-Ewropa minħabba l-influwenzi li ġab miegħu dan ir-raġel.
Jum fost l-oħrajn, wara waħda minn dawn il-mawriet, Cook ħa lura miegħu lejn Londra raġel bl-isem ta’ Omai li kien miksi bit-tpinġija. Minn hawn l-arti tat-tpinġija fl-Ewropa nfirxet bil-kbir. Is-seħer ta’ din l-arti għadu b’saħħtu anke f’Malta. Imma fl-2007 it-tpinġija x’messaġġi qed tibgħat dwar is-soċjetà Maltija?
Minn triq imserrpa fil-Birgu ngħaddi għal oħra li twassalni quddiem bieb kbir ħamrani. B’ħabbata kbira tal-ħadid fuq kull naħa l-bieb jitbewwaq u jfeġġ bħal għar li jfakkarni f’xi film ta’ Indiana Jones.
Mis-saqaf nieżel ħaxix artifiċjali li l-aħdar tiegħu joħloq kuntrast mat-taparsi ġebel immewweġ maħluq perfettament minn jablo li Joseph Agius dewweb b’paċenzja kbira. Imbagħad b’idejh ir-raġel ħoloq forom differenti artistiċi fosthom taparsi għanqbut. Hu b’dan il-mod li Agius, magħruf bħala “t-Tattoo”, qed jagħmel studjo tat-tpinġija differenti minn oħrajn.
Joseph jirrakkonta kif meta kien żgħir kien diġà beda jesperimenta bl-arti tat-tpinġija.
“Meta kont il-Primarja t-tfal kienu jitolbuni nagħmlilhom tpinġija. Kont inbill labra tar-ras fil-inka tal-biro u noħloq xi disinn. Ma kinitx iddum bħal tpinġija normali imma kienet l-ewwel forma ta’ tpinġija li bdejt nagħmel.”
Agius baqa’ mfittex għal din il-ħaġa anke fuq il-bankijiet ta’ l-iskola tal-Ħandaq. U issa, fid-dinja tal-kbar fl-istudjo l-ġdid qed isiru l-aħħar irtokki biex il-post ikun mgħammar f’ambjent ta’ iġjene u sanità kif jitolbu r-regolamenti ta’ pajjiżna.
Bħal kull forma ta’ arti oħra, it-tpinġija tgħaddi wkoll minn forom differenti ta’ evoluzzjoni. L-aktar tip ta’ tpinġijiet li qed jintalbu bħalissa huma dawk ta’ stilel u friefet ta’ daqs pjuttost żgħir.
Dan jikkuntrasta ma’ l-istil Ġappuniż li kien moda ħafna 10 snin ilu. Dak iż-żmien it-tpinġijiet li kienu l-aktar popolari kienu ta’ draguni u sriep.
Esperti f’dan il-mistier ikkonfermaw ma’ Illum li x-xejriet inbidlu sew f’pajjiżna tant li bħalissa l-aktar li qed jagħmlu t-tpinġijiet huma n-nisa. L-etajiet tat-tfajliet ivarjaw bil-medja tkun dik ta’ bejn 18 u 22 sena.
Jekk il-cartoon popolari Popeye dejjem ipproġetta l-immaġini ta’ baħri bit-tpinġija, il-cartoon tal-Little Woodpecker fl-1945 kien il-kaġun ta’ dirsa ħelwa li qala’ Bobby Wood, dak iż-żmien tifel ta’ disa’ snin minn Raħal Ġdid. Il-Bobby, l-iktar bniedem f’Malta b’esperjenza f’din it-tip ta’ arti, jirrakkonta kif kien iffissat fuq it-tpinġija u meta kellu biss disa’ snin ivvinta magna li biha seta’ jibda jagħmel it-tpinġijiet. Jum fost l-oħrajn it-tifel għamel tpinġija tal-Woodpecker fuq siequ.
“Għażilt lil dan l-għasfur għax hu l-għasfur marbut ma’ l-injam u peress li kunjomi Wood daħal bl-eżatt!” Mhux l-istess ħasibha missieru li x’ħin intebaħ x’kien għadu kemm għamel ibnu tah xeba’ liema bħala.
Bobby jistqarr li ġieli kien quddiem sitwazzjonijiet fejn kellu jirrifjuta li jpinġi biċċa xogħol li ntalbitlu.
“Imma bħal x’hiex?” nistaqsieh.
“Trid l-agħar waħda? Raġel talabni npinġilu xitan jirremetti fuq Ġesù. Għidtlu: ‘Aqbad l-istampa u itlaq ’l hemm minn fejn ġejt’.”
Laqagħni bl-istess tip ta’ reazzjoni Joseph Agius li saħaq li tpinġijiet b’disprezz lejn ir-reliġjon ma jaċċettax li jagħmilhom.
Forsi anki jekk b’mod differenti t-tpinġija tista’ tiġi faċilment imlaqqma bħala t-termometru tas-soċjetà. Hemm influwenzi differenti fuq pajjiżna li qed jgħollu rashom. Joseph Agius jgħidli: “Xi ħaġa ta’ l-iskantament. Ħafna nies qed jitolbu tpinġijiet ta’ l-iswastika. Qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla.”
Dan il-fenomenu jidher li hu mifrux sew. Il-Bobby, li llum għandu żewġ salons, jagħmel osservazzjoni: “Illum darba kultant jiġik xi anzjan minn xi raħal jgħidlek: Agħmilli tpinġija ta’ wiċċ ta’ Kristu….u forsi tliet darbiet fis-sena niltaqa’ ma’ każijiet ta’ persuni li jriduni npinġilhom swastika tan-Nazi.”
Jekk hemm min jaħseb li l-fanatiċi għall-politika nqatgħu minn pajjiżna sejrin żmerċ. Kultant għadek issib lil xi ħadd li joħlom biex f’xi parti ta’ ġismu jagħmel dik it-tpinġija li tfakkru fejn iħabbat il-polz politiku tiegħu.
“Il-ġimgħa l-oħra ġie wieħed u talabni npinġilu l-arma tal-PN fuq idu,” jgħidli l-Bobby. Imma wara din id-dikjarazzjoni jagħmilha ċara li dawn it-tip ta’ tpinġijiet m’għadhomx favoriti daqs kemm kienu fis-Snin Tmenin u l-bidu tas-Snin Disgħin. Minn naħa l-oħra d-deni tal-futbol sikwit qed iwassal għal talbiet ta’ tpinġijiet ta’ l-armi tal-club favorit. Skond Joseph dawn it-tip ta’ talbiet saru komuni ħafna.
Minn naħa l-oħra hemm tip ta’ tpinġija oħra li ssir għand ċerti beauticians: is-semi-permanent makeup. Għal prezz stabbilit, beauticians qed joffru li bl-istess tip ta’ teknika ta’ tpinġija jagħmlulek lipliner jew lipstick permanenti biex ix-xoffa tkun tidher dejjem mimlija u perfetta mingħajr il-ħtieġa li wieħed joqgħod japplika l-lipliner wara l-ikel. Din it-tip ta’ tpinġija tibqa’ għal madwar tliet snin.
Hi x’inhi l-moda, żgur li t-tpinġija tibqa’ għażla personali. It-tatuwisti li tkellimna magħhom, konxji miċ-ċerta stigma li għadha ġġib magħha d-dehra tat-tpinġija, jgħidu li xorta jibqgħu jagħtu l-parir bħal:
“Oqgħod attent. Mhux aħjar it-tpinġija tagħmilha f’post fejn titgħatta mill-komma ħalli ma ttellfekx milli ssib xogħol?”
Bl-istess mod hemm min isaqsik għal darba, tnejn, tlieta jekk intix ċert li trid jagħmel tpinġija b’isem tas-sieħeb jew sieħba…dan il-fatt hu forsi rifless minn ċirkustanzi komuni tal-ħajja fejn relazzjoni bejn koppja tisfaxxa u l-isem ikun għadu mmarkat bil-inka f’xi post prominenti!
Għal dawn il-persuni u għal oħrajn li jerġa’ jibdielhom minn tpinġija li għamlu fl-imgħoddi x-xjenza medika toffrilhom soluzzjoni: operazzjoni bil-laser. F’Malta dan is-servizz beda jkun offrut madwar disa’ snin ilu mill-Isptar St James iżda kelliema għall-isptar ikkonfermat ma’ din il-gazzetta li żmien ilu l-isptar waqaf joffri dan is-servizz minħabba li nstab li l-kuluri tat-tpinġija xorta ma kinux qed imorru kollha.
Issa fl-2007 il-klinika Transforma qed tgħid li xtrat magna ġdida li fuqha dalwaqt se jibdew jitħarrġu ħaddiema professjonali. Il-magna tagħti garanzija li wara massimu ta’ 12-il sessjoni, tneħħi t-tpinġija nkluż dik bil-kulur. Mitluba tikkonferma l-prezzijiet ta’ dan is-servizz, il-klinika sostniet li għadu kmieni biex tistabbilixxi l-prezz minħabba li wieħed irid jara x’se jkunu l-miżati tat-tobba.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt