28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Robots u cowboys fuq l-Airmalta

Minn nhar il-Ħamis li ġej fuq it-titjiriet tal-linja nazzjonali Airmalta se jispikkaw ir-robots u l-cowboys.
Dan hekk kif għax-xhur ta’ Frar u Marzu fuq it-titjiriet ta’ l-Airmalta se jkun hemm għall-wiri l-films ‘Robots’ u ‘Butch Cassidy and the Sundance Kid’.
B’għażla ta’ cartoon animat u b’film tal-Western żgur li din l-għażla mhux se tkun waħda kontroversjali għall-passiġġieri abbord. Dan kontra l-ispirtu muri minn xi wħud f’Diċembru li għadda meta ħassewhom urtati bil-film ‘In Her Shoes’ fuq it-titjiriet tal-linja ta’ l-ajru.
Għad li dan il-film ma kellu l-ebda xena taħraq, is-saqajn twal u mikxufin ta’ l-attriċi Cameron Diaz ġabu xi tberrieq ta’ l-għajnejn minn uħud mill-passiġġieri ġenituri li nzertaw fuq it-titjiriet. Ix-xahar li għadda l-film, li kien klassifikat bħala PG13, kellu jitneħħa wara pressjoni u ilmenti li saru u minflok l-Airmalta bdiet turi l-film ‘Ice Age’.
Is-servizz ġdid ta’ l-Airmalta li toffri inflight entertainment tnieda fl-1 ta’ Awissu 2006 u b’mod ġenerali ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-passiġġieri. Il-kunċett jitħaddem mill-Blue Media Marketing u minbarra l-wiri ta’ programmi awdjovisivi jinkludi rivista ġdida bl-isem ta’ Sky Life. Għajr għall-ilmenti dwar il-film ‘In Her Shoes’, l-Airmalta issostni li “rċeviet kummenti pożittivi mill-klijenti abbord”.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt