Ħarsa lejn il-ħatra ta’ l-Arċisqof Pawlu Cremona u analizi ta’ l-isfidi li se jħabbat wiċċu magħhom fiż-żmien li ġej
It-tħabbira ta’ l-Arċisqof il-ġdid fit-2 ta’ Diċembru wasslet għal bumbardament sħiħ fil-media bl-immaġni ta’ Pawlu Cremona, id-Dumnikan li ntgħażel mill-Vatikan biex imexxi l-Knisja Maltija.
Għal min jiftakar l-investitura ta’ l-Arċisqof ta’ qablu, il-miġja b’tant saħħa ta’ Patri Cremona fis-salotti tad-djar tagħna, kienet stonatura.
Id-dehra ta’ Arċisqof daħkan jitħallat man-nies, isellem u jilgħab bil-ballun, jistunaw ma’ l-immaġni iktar kwieta u maqtugħa mill-poplu li kien jipproġetta l-Arċisqof Mercieca.
Lil Patri Pawl rajnieh kemm-il darba fuq it-televixin f’xi intervista jew f’xi programm ta’ diskussjoni, inkella waqt il-bulettini ta’ l-aħbarijiet li rrappurtaw il-laqgħat tiegħu mat-tfal, maż-żgħażagħ u mal-kappillani fost l-oħrajn. Ma naqsux ukoll l-intervisti fil-gazzetti, l-artikli dwaru u l-kummenti waqt programmi tar-radju. Il-preżenza tiegħu kullimkien seta’ kellha element ta’ overkill minkejja l-ħatra ta’ Arċisqof ġdid mhix xi ħaġa ta’ kuljum.
Dawn huma s-sinjali taż-żminijiet. Patri Pawl ħa r-riedni f’idejh fi żmien fejn il-lingwaġġ tal-Knisja Maltija jrid jaddatta ruħu għall-bżonnijiet ta’ soċjetà moderna influwenzata mill-mezzi ta’ komunikazzjoni minn kull angolu tad-dinja.
Kien il-Papa Ġwanni Pawlu II li f’Denver l-Istati Uniti fl-1993, quddiem folla ta’ iktar minn kwart ta’ miljun żagħżugħ u żagħżugħa, li tenna l-ħtieġa li kull nisrani jxandar il-kelma t’Alla minn fuq il-bjut. Kien messaġġ biex l-insara joħorġu mill-fosdqa tal-Knisja u jinżlu fit-toroq biex iwasslu t-twemmin tagħhom lil ħaddieħor.
Jidher li Patri Pawl ispira ruħu mill-kliem ta’ Ġwanni Pawlu. Mar lil hinn mix-xandir tal-kelma permezz tal-pulptu u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Knisja. F’dawn l-aħħar ġimgħat kien preżenti fit-toroq, iddjaloga man-nies u wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Din l-istampa tat bixra oħra lill-Knisja Maltija. Bixra li qajla rajna bħalha fiż-żminijiet li għaddew.
Dak li wettaq Patri Pawl reġa’ qajjem il-fervur fost l-insara li jimmilitaw fil-fergħat u fl-għaqdiet varji mħaddna mill-Knisja u li f’dawn l-aħħar snin setgħu ħassewhom jaqdfu waħedhom.
U anki fost dawk l-insara li ma tqanqlilhomx il-fervur, id-dehra friska ta’ l-Arċisqof il-ġdid nisslet il-kurżità biex in-nies issir taf iktar dwar dan il-patri li mhux se jkun qed jgħix l-Imdina u li bħala kollaboraturi tiegħu, b’mod strateġiku, għażel lil Dun Anton Gouder u lil Dun Renè Camilleri li jirrappreżentaw il-ħsieb konservattiv u dak liberali fil-Knisja Maltija.
Iżda bl-immaġni biss Patri Pawl mhux se jċaqlaq il-muntanji. Wara li jgħaddi dan il-mument ta’ glorja se tkun is-sustanza li toħroġ mill-fomm u l-aġir ta’ l-Arċisqof il-ġdid li tħoll u torbot għal dawk l-imgħammdin li m’għadhomx iqisu t-twemmin nisrani bħal punt ta’ referenza f’ħajjithom.
Ir-raġunijiet għalfejn in-nies qed titbiegħed mill-Knisja huma differenti. Hemm min ma jaqbilx mal-pożizzjonijiet dommatiċi jew kważi dommatiċi tal-Knisja fuq is-sess u l-kontraċettivi. Oħrajn ma jifhmux għalfejn is-saċerdozju għadu magħluq għan-nisa u l-qassisin huma mċaħħda milli jiżżewġu biex ikunu jistgħu jiffurmaw familja. L-ambigwità tal-Knisja fil-konfront ta’ l-omosesswali u l-pożizzjoni riġida tagħha fil-konfront tan-nisa li jaħdmu huma kwistjonijiet oħra li jbiegħdu lil xi wħud.
Id-dewmien biex jinqatgħu każijiet ta’ annullament fit-Tribunal Ekkleżjastiku u l-mod kif il-Knisja naqset li tieħu b’serjetà każijiet ta’ abbuż minn qassisin huma problemi li jnaffru lil ħafna.
L-esaġerazzjonijet fil-festi u r-rivalità bejn qaddis u ieħor fil-parroċċi huma sitwazzjonijiet li daqskemm jgħaqqdu lil uħud ibiegħdu lil ħafna oħrajn.
U forsi hawnhekk hu il-qofol tad-dibattitu.
Patri Pawl qatt ma jista’ jogħġob lil kulħadd. L-ebda mexxej denn ta’ ismu ma’ jista’ jissodisfa lil kulħadd f’kollox. Ikun żball jekk il-Knisja temmen li tista’ tkun kollox għal kulħadd. Iżda d-differenza enormi li jista’ jagħmel l-Arċisqof il-ġdid huwa fil-mod ta’ kif ikunu affrontati dawn il-kwistjonijiet.
Taħt l-Arċisqof Mercieca d-dibattitu intern fil-Knisja Maltija kważi nqatel. Il-kurrenti iktar liberali li jeżistu wkoll fil-Knisja Universali ngħataw il-ġenb jekk mhux ukoll kienu ċċensurati.
Anki jekk dak li se jagħmel Patri Pawl hu limitat mid-duttrina Kattolika jista’ jagħmel ħafna biex dak li jintqal u t-ton li bih jingħad jirrifletti l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà tal-lum.
Irid imexxi b’iktar trasparenza. Irid jisma’ aktar lill-kappillani u l-qassisin li jaħdmu fil-komunità u li għandhom esperjenza diretta tal-weġgħat tan-nies. Irid jirriforma t-Tribunal Ekkleżjastiku biex il-proċeduri ma jitwalux bla bżonn. Irid jaddotta politika ċara fuq akkużi ta’ abbuż minn qassisin. Irid jibni l-pontijiet ma’ wħud fil-kleru li twarrbu mingħajr spjegazzjoni ta’ xejn.
Irid jiftaħ djalogu mal-komunità gay u jsemma vuċi iktar b’saħħitha kontra r-razziżmu. Irid iwassal il-messaġġ li l-mara li taħdem mhix qed tonqos lil ulied u t-trobbija tat-tfal hi responsabbiltà tar-raġel daqskemm hi tal-mara.
Irid jitkellem għal dawk il-foqra minsija f’Malta tal-lum. Il-lista hi twila.
It-triq tista’ tkun ferm iktar ikkumplikata minn dik li vvjaġġa matulha nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, u bħad-daħla ta’ Kristu f’Ġerusalemm, it-tixjir u ċ-ċapċip faċli jinbidel mal-mogħdija taż-żmien.
ksansone@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt