28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Malta maqsuma dwar il-kaċċa

James Debono

Il-pajjiż huwa maqsum kważi nofs bin-nofs dwar jekk il-kaċċa f’Malta għandhiex tinqata’ darba għal dejjem, bin-Nazzjonalisti iktar bi ħġarhom favur il-qtugħ ta’ dan id-delizzju.
Ukoll, fost dawk inqas minn 35 sena, il-maġġoranza hi favur il-qtugħ tal-kaċċa.
Dan joħroġ minn stħarriġ li għamlet din il-gazzetta.

Kważi 49 fil-mija ta’ dawk li fl-elezzjoni ta’ l-2003 ivvutaw lill-PN jixtiequ jaraw il-kaċċa tispiċċa għal kollox. Dan jistona ferm mal-mod kif il-Gvern qed jipprova jiddefendi lill-kaċċaturi Maltin quddiem il-Kummissjoni Ewropea.
L-aktar li ma jaqblux ma’ l-abolizzjoni tal-kaċċa huma l-votanti Laburisti u dawk li għandhom ’il fuq minn 35 sena. Fost dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2003, 35 fil-mija biss isostnu li l-kaċċa għandha tispiċċa darba għal dejjem.
L-appoġġ għall-kaċċa fi ħdan il-Partit Laburista jista’ jkun dovut għall-istorja riċenti li fiha l-MLP kien meqjus bħala l-iktar partit viċin il-kaċċaturi anki jekk dan ma kienx hekk minn dejjem. L-ewwel liġijiet biex tkun ikkontrollata l-kaċċa ddaħħlu minn Gvern Laburista taħt il-Perit Dom Mintoff. Kien f’dak iż-żmien li saru l-ewwel dimostrazzjonijiet tal-kaċċaturi fil-pjazza tar-Rabat.
Biż-żmien, biex jistad għall-voti, l-MLP beda jersaq iktar viċin il-kaċċaturi tant li darba l-eks mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici iddeskriva l-kaċċa bħala rigal ta’ Alla lill-fqir.
Qabel l-elezzjoni ta’ l-1996 l-MLP kien wasal biex issiġilla patt rebbieħ mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti. Iżda ħafna Laburisti ddarrsu meta din l-għaqda naqset milli topponi bis-sħiħ id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Illum l-MLP ftit li xejn isemma leħnu dwar din il-kwistjoni ħlief biex jgħid li issa li dħalna fl-UE rridu nimxu mar-regoli.
Ir-relazzjoni bejn il-kaċċaturi u l-PN kienet iktar imqanqla. Meta l-eks Segretarju Parlamentari Stanley Zammit ħareġ b’regoli iebsa kontra l-kaċċa illegali ħafna kaċċaturi rrabjaw kontrieh u l-Gvern ta’ dak iż-żmien.
Stanley Zammit spiċċa biex tilef is-siġġu parlamentari u l-PN beda jagħmel minn kollox biex jiġbor ġieħu mal-kaċċaturi. Dan wassal biex ftit qabel l-elezzjoni ta’ l-1998 anki l-PN, permezz tas-Segretarju Ġenerali ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi, iffirma iswed fuq l-abjad ftehim mal-kaċċaturi. F’dan il-ftehim kien wiegħed li l-kaċċaturi ma kienu se jitilfu xejn fin-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea.
Wara li dħalna fl-UE l-Gvern Nazzjonalista applika deroga biex iżomm il-kaċċa tas-summien u l-gamiem fir-rebbiegħa, xi ħaġa li tmur kontra l-ispirtu tad-direttivi Ewropej.
Iżda din id-deroga ftit jidher li għandha futur minħabba n-nuqqas ta’ kontroll fuq il-kaċċa illegali fir-rebbiegħa.
L-istħarriġ ta’ Illum juri li l-ikbar theddida għall-kaċċa hi l-bidla fil-mentalità fost dawk li għandhom inqas minn 35 sena. Din il-bidla hi frott il-ħidma edukattiva kontinwa ta’ għaqdiet bħall-Bird Life li rnexxielhom irawmu ġenerazzjoni ġdida li tapprezza l-għasafar fis-sema u mhux f’xi vetrina.

jdebono@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt