Fost it-traffiku li ħakem il-gżira nhar it-Tlieta filgħaxija ridt nagħmel mezz biex għal din l-intervista nkun kemm jista’ jkun fil-ħin. Ħsibt ferm qabel biex sal-5.30pm inkun il-Bidnija, fejn it-tiraturi Maltin jipprattikaw l-isport favorit tagħhom. Erġajt fallejt fil-missjoni tal-puntwalità.
Biex nasal kont naf biss il-bidu tat-triq. Mort xi ftit taż-żmien ilu imma jekk ma tkunx familjari man-naħat, faċilment tispiċċa f’għalqa flok fil-kwartieri tal-Federazzjoni Maltija ta’ l-Isparar. Almenu jien hekk ġrali u ndunajt li kont żbaljat hekk kif kważi ħbadt ma’ serra tad-tadam li hemm qrib! Jispikka fuq kollox is-skiet tal-post imdawwar bil-ħdura li joffri pajjiżna. L-aħdar hu l-aktar kulur li jikkappara l-vista ta’ dak li jkun. Il-purezza ta’ l-arja hi xi ħaġa li minħabba fiha taħsbek qiegħed f’pajjiż ieħor qalb il-ħdura tal-muntanji.
Fl-isparar ma tantx nifhem, jew ma nifhem xejn, imma fil-preżent naħseb li hu l-aktar post mgħammar b’dak kollu possibbli għal tiratur.
Nipparkja l-karozza u nsib jilqgħuni nies mill-kumitat ta’ l-assoċjazzjoni, fosthom il-ħabib antik tiegħi, Edwin Vella. Dehru kuntenti li sa fl-aħħar, l-akbar ġojjell tagħhom u tal-poplu Malti kollu se jsib spazju fl-intervista tal-ġimgħa f’dan il-ġurnal. Ħassejtni eskortat!
Il-post huwa wieħed kbir u sabiħ. Ħasra li ma kontx hemm fid-dawl tax-xemx għax persważ li xi ħaġa hekk kont napprezzaha aktar. Titla’ erba’ tarġiet u appena nidħol fil-bar nara persuni jilagħbu d-darts. Fhimt mill-ewwel li kien il-post ideali għal min il-mira u l-vista ta’għajnejh huma eċċellenti!
Maż-żewġ naħat tal-ħitan nara ritratti mwaħħlin. Ma stajtx niflihom kollha. Imma għalihom dehru imprezzabbli u forsi kienu dawk l-aktar sinifikattivi fl-istorja ta’ dan l-isport f’pajjiżna. Iktar ’il ġewwa nies bil-qegħda jsegwu logħba billiard li kienet tintlagħab bejn il-ħbieb. Uċuħ ma naf ta’ ħadd. Mill-bogħod jisponta leħen sarkastiku b’ton favur it-tim Taljan, Inter. Għalija xi ħaġa solita…b’hekk ma tajtx kas. Il-persuna ma kontx naf min hi, taqta’ li għal ftit sekondi wara kelli niskopri li ma kien ħadd ħlief il-kowċ ta’ William Chetcuti stess, Jimmy Bugeja.
Kont ilħaqt iltqajt ma’ kulħadd, minbarra mal-persuna li mort għaliha. Ċans biss biex joffruli flixkun minerali u appena nferra l-ewwel tazza jitfaċċa quddiemi dak li ħafna jqisuh bħala l-akbar sportiv li għandna Malta.
“Mort inpoġġi s-senter fil-karozza. Issa spiċċajt mit-taħriġ.”
Flimkien mal-President Salvu Portelli mxejna lejn l-uffiċċju għal aktar kwiet. Lil William kont iltqajt miegħu darba u mil-lenti personali, nafu ftit li xejn. Imma stajt ninnota mill-ewwel li huwa tifel kwiet u mistħi.
“Minn kemm ili fl-isport, il-mistħija neħħejtha ftit għax mingħajr ma trid għamiltha ma’ ħafna nies,” qalli. L-isport edukani ħafna. Għamilt ħafna ħbieb ma’ nies ġodda f’dawn l-aħħar snin.
“Jien naħdem mal-Kunsill Malti għall-Isport u grazzi għal dan insib ħin biex nitħarreġ bil-kumdità. Immur niġri kuljum u tliet darbiet fil-ġimgħa mmur il-gym. Inħossni sod aktar u għandi lil Vladimir li huwa l-physical trainer personali tiegħi. Li tkun b’saħħtek importanti ħafna f’dan l-isport. It-teknika u l-moħħ huma vitali wkoll. Fl-isparar, mhux kull ġimgħa nitħarreġ l-istess. Ġieli kienu tlieta, erba’ jew ħames darbiet. Skond kif inħossni u skond il-programm li jkolli tal-kompetizzjonijiet.”
William Chetcuti twieled fis-7 ta’ Jannar 1985 u joqgħod il-Manikata. Huwa t-tieni wild wara Margeret ta’ Joe u Carmen u għarus lil Stephanie Vella mill-Mellieħa.
Insaqsih x’jaħseb fuq il-kowċ tiegħu u kemm tgħallem mingħandu.
“F’kull sport irid ikollok lil xi ħadd warajk. Impossibbli li waqt it-taħriġ ninduna li nkun qed nagħmel żball għax normalment ikun żgħir ħafna u ma nagħtix kas. Waqt kompetizzjoni ma jkunx jista’ jkellimni, allura niftiehmu b’ċerti mossi li issa drajna nagħmlu lil xulxin. Meta jkun indispost il-kowċ dejjem sibt lil missieri warajja.”
Wieħed jifhem il-ħeffa li joħorġu biha d-diski li tiratur irid jispara fuqhom f’dan l-isport. Kif jirnexxilu jlaħħaq magħhom?
“Il-ħeffa u l-konċentrazzjoni li kif rajt sparajt importanti ħafna. Il-ħeffa trid tiġi mentalment. Ir-riflessi jridu jkunu preċiżi. Is-senter inħobbu wisq. Huwa l-akbar ħabib tiegħi.”
Ta’ 21 sena William sploda fil-popolarità. Forsi huwa l-aktar atleta li llum jaf bih kulħadd u dan mhux b’kumbinazzjoni. William għamel żmien jokkupa s-sitt post tar-rankings mondjali u aktar minn hekk spiċċa t-tieni post fit-Tazza tad-Dinja tad-double trap f’Belgrad.
“Il-popolarità ma ddejjaqnix. Nieħu pjaċir li nsib nies ma nafhomx li jieqfu jkellmuni. Hawn ħafna nies li japprezzaw imma ssib ħafna wkoll li ma jkunux jifhmu f’dan l-isport u jgħiduli li ma mortx tajjeb f’ċerti kompetizzjoni meta fil-verità ma jkunx hekk.
“Jien sparajt l-ewwel darba ta’ disa’ snin fi clubs tad-dilettanti. Imbagħad ta’ 15-il sena kienu ħeġġewni niġi hawn u ftit wara tellgħuni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’San Marino. Niftakar li kont ġejt it-tieni wara Philip Busuttil. Li llum wasalt s’hawn irrid ngħid grazzi lil missieri u lil ommi. Kienu huma li bdewni u għenuni finanzjarjament.”
Huwa sport li fih nara ċerti regolamenti strambi, l-aktar fejn jidħlu l-vantaġġi ta’ l-atleti. William ikompli jispjegali li waqt kompetizzjoni ma jistax ikun b’ilbies b’marka ta’ xi ditta. Fi sport ieħor atleta jagħmel dan biex igawdi personalment minn vantaġġi finanzjarji.
“Meta tmur fuq persuna għal sponsor l-ewwel ma jistaqsik ikun x’se jieħu lura. Fl-isport tagħna hemm regolament internazzjonali li ma jistax ikollok fuqhek affarijiet b’ditti waqt xi kompetizzjoni. Affarijiet bħal dawn ma jgħinukx.
“Illum l-International Shooting Federation qed tagħmel reklami kbar biex jinxtraw id-drittijiet tax-xandiriet permezz tat-televiżjoni u ta’ l-internet u probabbli li minħabba f’hekk li ma jagħtux dan il-permess lit-tiraturi.
“Jien, minn naħa l-oħra, għandi ftehim mal-KOM u peress li sabuli ċerti sponsors huma, ma jkunx sew li nidher fil-media b’marki ta’ ditti oħra li m’għandhomx x’jaqsmu. Mal-KOM qatt ma kelli problemi ta’ xejn u dejjem ftehimna fuq kollox.”
Wieħed mill-persuni fil-KOM li għandu ammirazzjoni kbira lejn dan it-tiratur huwa d-direttur tekniku, Pippo Psaila. Dan ikkonfermah Pippo innifsu f’intervista li kelli miegħu f’dan il-ġurnal ftit tal-jiem ilu. Ma staqsejtux imma ħadt l-impressjoni li qraha.
“Pippo Psaila huwa ħabib kbir tiegħi imma dejjem inqisu bħala ta’ fuqi. Għandu kariga għolja u dejjem irrispettajt il-pożizzjoni għolja tiegħu. Huwa bniedem serju u ddixxiplinat ħafna. Għandi ammirazzjoni kbira lejh.
“Biex qal li konvint li se nista’ nirbaħ midalja fil-logħob Olimpiku li jmiss f’Beijing, sinjal li għandu fiduċja kbira fija. Jien ċert ma nistax inkun. Nista’ biss inwiegħed li se nagħmel ħilti kollha għal Malta. Imma jrid jgħinek kollox. Nitlob biss li nkun fl-aħjar tiegħi u l-fortuna ma tiċħadniex.”
F’moħħi bdew ġejjin waħedhom memorji passati ta’ intervisti simili li għamilt. Minbarra ta’ Pippo, ftakart ukoll f’oħra ma’ Tony Drago aktar riċenti li fiha, Tornado kellu biss kliem ta’ ftaħir fil-konfront ta’ William. B’mossa b’rasu tagħni x’nifhem li huwa qarrej regolari tal-gazzetta, Illum.
“Tony huwa ħabib kbir tiegħi. Ili daqsxejn ma narah imma rrid inċempillu biex nara kif se jsibli post fis-sala ħa nkun nista’ nsegwih kemm jista’ jkun mill-viċin meta jilgħab fil-Malta Cup tal-ġimgħa d-dieħla.
“Nammirah ħafna għal dak li għamel għal Malta fl-isnooker. Inħoss li jien u hu naqblu ħafna u narah bniedem umli u jħobb lil kulħadd. Kulmeta nirbaħ xi ħaġa dejjem iċempilli biex jawgurali. Kultant nilagħbu logħba billiard flimkien imma miegħu m’għandiex ċans. Imma dejjem beża’ jispara miegħi biex naraw min hu l-aħjar.”
William konxju wkoll li l-isport tiegħu mhux l-aktar wieħed popolari fid-dinja. Hemm ħafna sport ieħor li għall-pubbliku jiġi qabel l-isparar. F’Malta mhux eċċezzjoni u għalhekk ħassejt ta’ importanza li nsaqsih jekk il-media u l-ġurnalisti Maltin jagħtuhx l-importanza neċessarja.
“Għal pajjiż bħal Malta li hu limitat minn ħafna riżorsi, inħoss li iva il-media u l-ġurnalisti Maltin ħadu ħsiebi u dejjem imxew id f’id miegħi. Kieku nippreferi li ma jgħidu xejn fl-aħħar jiem qabel xi kompetizzjoni importanti biex inħalli moħħi serħan imma fl-istess ħin nifhem li dak huwa xogħolkom.
“Minn naħa ta’ l-awtoritajiet konċernati dejjem sibt l-għajnuna kollha meħtieġa. Niftakar li kelli rispett massimu mingħand is-Segretarju Parlamentari Jesmond Mugliett. Personalment, u anke bħala Federazzjoni Maltija ta’ l-Isparar għandna relazzjoni eċċellenti.
Il-Federazzjoni hija l-unika waħda f’Malta li hija ta’ dixxiplina Olimpika. Jekk xi darba xi ħadd jaspira biex jirrappreżenta lill-pajjiż f’kompetizzjoni Internazzjonali jrid ikun bilfors membru magħna. Is-sena d-dieħla nagħlqu mitt sena ta’ sparar. Jekk il-gvern ikompli jgħinna biex inkabbru l-faċilitajiet tagħna nistgħu nirbħu t-tender biex norganizzaw it-Tazza tad-Dinja ta’ l-isparar f’Malta. Imma rridu nkunu preparati aktar għax in-nies li jiġu għal dan l-avveniment ikunu bil-massa. Imma kollox jiddependi minn post akbar, b’erbgħa ranges. Kollox jiddependi mill-gvern.”
Qabel ma mort ħdejn William fittixt fuq sit partikolari u sibt li William huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa tiraturi li hawn fid-dinja. Ma’ dan huwa jkompli jgħidli li sar ħabib sew mat-tiratur numru wieħed, Ahmed Almaktoum.
“Jien u Ahmed sirna ħbieb personali. Mort għandu u tħarriġna flimkien fir-range tad-dar kbira daqs palazz li għandu. Ahmed huwa prinċep fil-pajjiż u wieħed mill-aktar nies famużi f’Dubai.
“Huwa l-ewwel u l-unika bniedem s’issa li rebaħ midalja fl-Olimpjadi għal pajjiżu. Huwa assolutament l-aqwa tiratur li qatt kien hawn fid-dinja u l-aktar wieħed konsistenti. Rebaħ kważi kulfejn ikkompeta. Inqisu daqs Maradona fil-futbol. Inċemplu lil xulxin sikwiet. Forsi jiġi Malta din is-sena.”
Indawru ftit id-diskors, u nitkellmu anke fuq il-kaċċa u fuq il-kaċċaturi. Jistrieħ b’id waħda fuq l-iskrivanija u jħares ċass lejn il-mejda, William stqarr,
“M’għandi l-ebda diffikultà biex ngħid li jien favur il-kaċċa sakemm ma tkunx fuq tajr protett u sakemm wieħed jispara fil-perjodu miftuħ. Dak huwa delizzju bħal kull delizzju ieħor li għandhom il-Maltin u ma narax raġuni l-għala l-kaċċa għandha xi darba tinqata’ f’pajjiżna.”
Insaqsih x’jaħseb fuq il-fatt li bħala figura pubblika darba tressaq il-Qorti fuq każ li kellu dwar l-insib. Jirrakkuntali ġrajja qarsa li sofra minn ġurnalist partikolari ftit sigħat qabel ma siefer għal-logħob tal-Commonwealth.
“Huwa veru li kont tressaqt darba l-qorti fuq apparat li jagħmel ħsejjes ta’ l-imlivezz. Nammetti li ksirt il-Liġi u ta’ dan ħallast il-multa li weħilt mill-Qorti. Iddispjaċini ħafna aktar meta ġurnalist partikolari kien irrapporta dan il-każ propju ftit sigħat qabel ma qbadt l-ajruplan għal-logħob tal-Commonwealth.
“Il-każ kien ilu xahrejn li nagħlaq u għalhekk konvint li għamel hekk biex jipprova jkissirni. Kien każ daqs ċitazzjoni ta’ meta tinqabad issuq bla seat belt. Imma għax William Chetcuti, għamel storja sħiħa! Forsi għamel dan kollu għax hu kontra l-kaċċa u ried jinqeda b’ismi. Kemm indum ħaj jista’ ma jħarisx aktar lejja.”
Bejn kelma, ċajta u ħin qasir biex nixorbu xi ħaġa, xtaqt inkun naf li bħala l-unika atleta b’ċans tajjeb li jirbaħ midalja fl-Olimpjadi, hux din l-akbar ħolma li għandu għall-futur.
“Iva nammetti li dik l-akbar ħolma tiegħi. Dak il-mument ikun il-qofol kollu tal-karriera. Li qiegħed ma’ l-ewwel tiraturi tad-dinja diġà kuntent. Imma għal kull atleta li jirbaħ midalja fl-Olimpjadi huwa kollox.
“Nixtieq nirringrazzja lill-KOM, lill-Gvern u l-KMS ta’ l-għajnuna kollha li jagħtuni. Ma ninsa qatt lill-familja inkluż it-tfajla li dejjem sibthom warajja fit-tajjeb u l-ħażin. Nixtieq ngħid ukoll grazzi kbira lill-isponsors li għandi, El Perazzi u l-Mirage u lill-kowċis Jimmy Bugeja u Vladimir. Ma nistax ninsa lill-media u lilkom il-ġurnalisti ta’ l-importanza li dejjem tajtuni. Fl-aħħarnett ngħid grazzi lill-poplu Malti kollu ta’ l-appoġġ u l-kuraġġ li dejjem wera fija.”
Nieħdu b’idejn xulxin u jgħidli li jixtieq jerġa’ jarani lejn dawn l-inħawi li hu trabba fihom. Ngħid il-verità, li għalkemm l-isparar mhux l-isport favorit tiegħi, l-atmosfera għoġbitni. Il-bar deher ideali għal-lejla tipika Maltija, b’ikel tradizzjonali. F’moħħi jberren il-ħsieb li norganizzaw xi ħaġa tipika bejn il-ħbieb. Jirringrazzjani li ftakart fih u bejni u bejn ruħi naħseb ukoll li hija Malta li għandha x’tirringrazzja lil William.
Iwassalni l-President sa barra. Din id-darba impikajt miegħi nnifsi li t-triq għal barra ma niżbaljax fiha. Erġajt żbaljat…Mhux se ngħidilkom ġo xiex spiċċajt din id-darba!
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt