28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Festival tal-films f’Malta

Franica Pulis

Għall-ewwel darba f’Malta se jittella’ festival tal-films fuq skala internazzjonali.
Il-moħħ warajh hu ta’
l-Eġizzjan Hisham Abdel Khalek li hu anki l-President ta’ l-Association pour l’èchange culturel entre l’Europe et l’Orient (Għaqda għall-exchanges kulturali bejn l-Ewropa u l-Orjent AECEO).
Khalek kien żar Malta s-sena li għaddiet u ħa grazzja mal-gżejjer tagħna. Matul waħda miż-żjajjar tiegħu ltaqa’ ma’ l-AJR Events li kienu interessati jaħdmu miegħu fuq il-festival.

L-għan tal-festival, li se jsir mill-15 sat-23 ta’ Settembru f’Dar il-Mediterran, hu biex “titkattar ħbiberija bejn dawk kollha li jaħdmu fil-qasam taċ-ċinema madwar id-dinja kif ukoll biex isiru taħditiet dwar il-possibbiltà ta’ żvilupp ta’ din l-industrija f’wieħed mill-isbaħ postijiet li jeżistu fuq wiċċ l-art.”
S’issa diġà hemm 120 parteċipant minn 55 pajjiż differenti minn madwar id-dinja li kkonfermaw il-partiċipazzjoni tagħhom. Fost dawk Ewropej hemm Franza, l-Italja, l-Olanda, il-Ġermanja, l-Isvizzera, l-Isvezja, l-Islanda, ir-Renju Unit, il-Ġreċja, il-Litwanja, il-Latvia u l-Estonja.
Magħhom se jieħdu sehem ukoll is-Sirja, il-Marokk, l-Eġittu, il-Libanu, l-Għarabja Sawdita, iċ-Ċina, l-Indja, Taiwan, il-Korea, l-Iżrael, il-Kanada u anki l-Amerka b’films minn Hollywood u oħrajn li mhumiex.
Il-festival se jkun imqassam f’bosta taqsimiet. Se jkun hemm lejla speċjali bl-isem ta’ Short Night li fiha jintwerew 10 feature films qosra. Se jkun hemm ukoll suq internazzjonali li fih il-parteċipanti jkollhom iċ-ċans ibigħu xogħolhom.
Barra dawn u l-kompetizzjoni uffiċjali se jkun hemm sezzjonijiet dedikati lill-films Franċiżi u Iranjani, Arabisk li titfa’ dawl fuq films Għarab u International Panorama li se juri films internazzjonali.
Matul il-festival se jkun hemm għaddejjin ukoll bosta konferenzi dwar il-films għall-wiri, taħditiet, wirjiet relatati maċ-ċinema u ċerimonja b’riżq il-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal fid-dinja.
Bħala premji se jkun hemm dawn il-kategoriji: The Golden Cross, The Silver Cross, Best Director, Best Scriptwiter, Best Actor, Best Actress, Jury Special Prize u Critics Prize.
“Diġà għażilna tim internazzjonali b’esperjenza biex intellgħu festival ta’ kwalità… Stedinna lill-kumpanija internazzjonali taż-żfin akrobatiku Les Farfadais biex jagħtu spettaklu speċjali fiċ-ċerimonja tal-ftuħ. Malta se ssir magħrufa mad-dinja kollha wara attività prestiġjuża ta’ skala internazzjonali bħal din b’attendenza ta’ 400 profesjonist,” spiċċa jgħid Khalek.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt