28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Qerq

It-tielet film taċ-ċinema Malti imma t-tieni wieħed għal Louis Cuschieri li hu l-kittieb u d-direttur. Qerq, bi Frida Cauchi bħala l-attriċi ewlenija, hu storja fittizja dwar mara li qattgħet 25 sena fi sptar mentali u issa trid tfittex lil bintha li għadha kif ingħaqdet ma’ gang kriminali.
“Frida Cauchi kienet f’rasi waqt li kont qed nikteb l-iscript. Ili mill-Mera tal-Passat biex naħdem film magħha. Ridt insib il-mument addattat għaliha. Meta ktibt Qerq, għidt issa ċ-ċans,” kompla jgħid Cuschieri.
Il-produzzjoni tal-film ħadet seba’ xhur biex tinġibed. Skond Benny Casha Jr,
il-producer tal-film, il-film ħa daqshekk fit-tul biex jinġibed minħabba x-xogħlijiet ta’
l-atturi u l-familji tagħhom.
“Kieku ma kienx jieħu iktar minn xahrejn. Ma tistax torbothom b’kuntratt. Hi
l-aħħar ħaġa li jagħtu kas wara x-xogħol u l-familja,” qal
il-producer.
Diffikultajiet oħra li ltaqgħu magħhom kienu l-ħinijiet fit-tul tal-ġbid tax-xeni minħabba li ċertu apparat kien jieħu ħafna ħin biex jintrema u dan spiss kien jgħajjihom. U anki minħabba li l-istorja hi ambjentata fix-xitwa u ħafna mill-ġbid sar fis-sajf, l-atturi kellhom ibatu s-sħana.
Kellhom ukoll problemi finanzjajri, il-ġlieda ta’ dejjem għall-isponsors. Casha kkummenta li l-produzzjoni swietilhom aktar minn Lm32,000. “Ma tistax tikkalkula kemm suppost ġiet tiswa għax kien hemm ħafna ħaddiema tal-Bronk li ħadmu b’xejn. Kieku trid iżżid ta’ l-inqas Lm10,000 oħra magħhom.”
Tant kellhom baġit limitat li f’xena ta’ ġlied bil-fliexken ma ntużawx fliexken taz-zokkor peress li huma għaljin. Minflok intużaw fliexken taċ-ċikkulata u l-fibre li skopra kif jagħmilhom Benny Casha Sr stess, li kien qed jieħu ħsieb il-props matul il-film kollu.
Xena oħra partikulari li ssemmiet kienet dik tax-xita. Din, għalkemm hi twila biss ftit sekondi, il-ġbid tagħha dam mat-12-il siegħa bl-atturi kontinwament taħt l-ilma. Kemm Cuschieri u Casha baqgħu impressjonati bil-ħidma professjonali ta’ l-atturi Joe Gatt, Beverley Micallef u Gabriel Suda. “Kienu jirtogħdu bil-bard u kieku tismagħhom ilissnu nofs ta’ kelma,” qal Cuschieri.
Dan il-kliem juri li l-ħsibijiet li kellu l-kitteb, li ma jsibx 15-il attur tajjeb għall-partijiet prinċipali li ħoloq hu, sfaw fix-xejn. Id-direttur kuntent ħafna bill-kast kollu, b’dak tekniku, ta’ l-atturi u dak post-produzzjoni.
“Fiċ-ċinema jgħadduk mill-għarbiel mhux bħat-televixin. Ma jistax jgħaddi kollox.”
Ir-reazzjoni tan-nies s’issa kienet pożittiva ħafna. Ilhom li bdew iċemplu lill-Bronk jew liċ-ċinemas isaqsu dwaru.
“Kien hawn bżonn għalih. J’Alla jmorru jarawh ħafna għax jiftaħ opportunitajiet biex ħaddieħor jitħajjar italla’ xogħlijiet simili u jkun hemm aktar li jinvestu fih. Dan jolqot settur ta’ nies li qatt ma marru ċ-ċinema għax ma jifhmux l-Ingliż. Jaf jaħdem bil-kontra. Forsi min iħobb jara films bl-Ingliż ma jarahx għalhekk,” temm jgħid Casha.
Qerq hu maħdum bejn Bronk Productions, Louis Cuschieri u Paul Preca Trapani li kien id-direttur tal-fotografija, sound supervisor u cameraperson.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt