28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Il-Brikkuni ta’ Shakespeare

Ftit huma dawk il-kittieba li kitbu daqstant kapulavuri għall-palk bħall-Ingliż William Shakespeare. Kien kittieb li jħossu komdu kemm fl-akbar traġedja kif ukoll
fl-iktar sitwazzjonijiet komiċi.
Kull dramm fih mument jew karattru memorabbli u kull dramm hu pilastru letterarju. Għaldaqstant biex ittella’ Shakespeare trid attur li mhux biss hu versatili iżda wkoll determinat. U Steven Berkoff hu dak l-attur.
Mwieled u mrobbi Londra, Steven Berkoff deher fuq il-palk u fil-films. Hu ħadem mad-direttur Stanley Kubrick, li ħalliena ftit tas-snin ilu, kif ukoll idderrieġa l-produzzjonijiet ta’ Coriolanus u Salomè.
Waqt li kien qiegħed jidderieġi Shakespeare ra l-monologi mpressjonanti ta’ John Gielgud u Ian McKellen. Mit-tliet esperjenzi f’daqqa nibbtet Shakespeare’s Villains.
Dan ix-xogħol hu esplorazzjoni ta’ sitta mill-iżjed karattri viljakki mid-drammi ta’ Shakespeare: speċi ta’ analiżi ta’ għemilhom u tal-motivazzjoni tagħhom. Dawn joħduna mill-makakkerija ta’ Iago sal-mibegħda ta’ Shylock.
Shakespeare’s Villains ħa tittella’ fit-Teatru Manoel mit-2 sa l-4 ta’ Frar u tibda fis-7.30pm. Il-produzzjoni hi kollaborazzjoni bejn it-Teatru Manoel u l-British Council. Il-biljetti jibdew minn Lm4.50 u jistgħu jinxtraw
mill-uffiċċju ta’ l-ibbukkjar tat-teatru.
Tistgħu ċċemplu fuq 21222618 jew tibagħtu fuq bookings@teatrumanoel.com.mt. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn www.teatrumanoel.com.mt.

Alex Vella Gregory

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt