B’riferenza għall-artiklu li deher fl-14 ta’ Jannar bl-isem ‘F’darek bil-biża’ tad-Dejn’, l-Awtorità tad-Djar tixtieq tiċċara xi żbalji li dehru f’dan l-artiklu.
L-Awtorità mhux qed tħalli spekulazzjoni ssir fuq l-art li kienet mogħtija taħt l-iskemi tal-HOS. Biex ma tħallix li jsiru spekulazzjonijiet, l-Awtorità introduċiet politika fejn jekk il-plot jinbiegħ għal skop ta’ żvilupp, titlob rifużjoni ta’ 25 fil-mija fuq il-valur ta’ l-art mingħand is-sidien u dan skond stima mill-perit ta’ l-Awtorità tad-Djar.
Il-qligħ li jirriżulta minn din il-politika qed jiġi ringfenced għal proġetti varji ta’ l-Awtorità, fosthom biex jinbnew aktar postijiet biex jiġu allokati lill-applikanti fuq il-lista tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Dawn il-flus se jintużaw ukoll biex l-Awtorità tibni aktar postijiet li mbagħad jintużaw għal housing soċjali. L-Awtorità tad-Djar tagħmel użu ukoll minn dawn il-flus biex tgħin nies fil-bżonn jirranġaw ir-residenzi tagħhom taħt id-diversi skemi offruti mill-Awtorità tad-Djar.
Ġeneralment il-plots maħruġa taħt l-iskemi tal-HOS kellhom kundizzjoni li fuqhom kellu jitla’ bini ta’ żewġ sulari skond pjanti approvati mill-Awtorità tad-Djar. Kulmin kellu din il-klawsola fil-kuntratt tiegħu jew ta’ l-awtur tiegħu, qabel ma żviluppa, fittex l-approvazzjoni ta’ l-Awtorità tad-Djar u l-Awtorità tad-Djar ma tatx permess qabel ma jsir il-ħlas imsemmi skond il-politika indikata. Kulmin ibigħ jew jixtri plots tal-Gvern għandu jiċċekkja ma’ nutar u ma’ l-Awtorità tad-Djar x’inhuma l-kundizzjonijiet għal dan il-bejgħ.