28 ta' Jannar 2007
235 sena mit-twaqqif tal-Fratellanza tal-Kunċizzjoni
Is-sena 2007 timmarka egħluq il-235 sena mit-twaqqif tal-Fratellanza ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni fl-Imqabba.
Kien nhar id-29 ta’ Jannar 1772 meta bit-tħabrik tal-kappillan ta’ l-Imqabba Dun Giacomo Michele Tortella, l-Isqof ta’ Malta Fra Giovanni Carmine Pellerano ħareġ digriet li permezz tiegħu twaqqfet Kanonikament il-Fratellanza għall-Unur ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni fil-Parroċċa ta’ l-Imqabba.
Il-membri kienu mħeġġin sew mid-devozzjoni u fost l-obbligi li kellhom wieħed isib iċ-ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni u dik tal-Madonna tal-Ġilju. Tliet snin biss wara t-twaqqif il-Fratellanza ta’ l-Imqabba ingħaqdet ma’ dik ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ San Lorenzo in Damaso f’Ruma u għalhekk bdiet tgawdi l-istess privileġġi speċjalment mill-Indulġenzi li l-Papa Pawlu IV ta f’digriet tal-5 ta’ Lulju 1507.
Il-Fratellanza tilfet bosta mill-opri tagħha waqt it-tifrik tat-tieni gwerra dinjija, iżda bit-tħabrik tal-Qassis Imqabbi Dun Ġużepp Xuereb, saru ħafna mill-opri prezzjużi li llum il-ġurnata l-Fratellanza għandha f’idejha, fosthom il-bradella għal taħt il-vara tal-Madonna tal-Ġilju.
Ċertament, l-Istatwa tal-Madonna tal-Ġilju, bi privileġġ li tinħareġ proċessjonalment darbtejn fis-sena, tgawdi għożża kbira mill-membri ta’ din il-Fratellanza.
Illum il-Fratellanza ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni hi għaqda rikonoxxuta u mmexxija minn rettur, li b’iktar minn 70 membru fi ħdanha qegħda regolarment taġġorna ruħha għaż-żminjiet tal-lum. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jilħqu l-qofol tagħhom fil-ġimgħa tal-festa lill-Madonna tal-Ġilju bejn l-10 u s-17 ta’ Ġunju 2007.