28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Proposti konkreti mill-UĦM

Min kiteb fir-rubrika Manwel Dimech tal-Ħadd 31 ta’ Diċembru għoġbu fost l-oħrajn iħarbex ftit versi dwar is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella u dwar it-trejdunjoniżmu.
Qal li ħlief “kliem u retorika” ma jgħidx. Qal ukoll li jeħtieġ li t-trade unions jissieħbu b’ruħhom u b’ġisimhom ma’ l-isħab soċjali l-oħra biex bil-fatti u mhux biss bil-kliem isir sforz kollettiv qawwi biex isir l-investiment meħtieġ fir-riżori umani, fit-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema, fl-edukazzjoni vokazzjonali, teknika u xjentifika.
Verament tiskanta kif sfortunatament hawn min biex jagħmel kritika jipprova jmeri xi jkun sar. Xi skop ikollu ħadd ma jkun jaf. Però l-fatti jibqgħu fatti. Gejtu Vella u l-UĦM offrew diversi soluzzjonijiet.
Nesa l-kittieb dwar il-proposta tanġibbli ta’ Patt Soċjali bejn l-imsieħba soċjali mressqa mill-UĦM? Nesa l-kittieb ta’ din ir-rubrika li kienu saru diskussjonijiet dwar hekk u l-fatt li dan il-Patt ma kienx sar ma kienx tort tal-UĦM?
Jekk il-kittieb ried ikun onest mal-qarrejja ta’ Illum imissu reġa’ qara d-dokumenti tal-UĦM u kien isib proposti konkreti ta’ kif kellu jsir investiment fit-tagħlim u t-taħriġ tal-ħaddiema u dan bi ftehim bejn is-sħab soċjali. Il-UĦM sa għandha fondazzjoni ta’ tagħlim għall-ħaddiema li torganizza diversi korsijiet relevanti.
Jidher ukoll li l-kittieb ma jafx b’dak li sar dan l-aħħar mill-UĦM dwar l-introduzzjoni ta’ l-Ewro. Dawn il-proposti b’soluzzjonijiet mill-UĦM huma x’uħud minn proposti oħra mressqa li biex wieħed jikteb dwarhom ikun irid spazju sewwa fil-gazzetta. Iżda għall-kittieb tar-rubrika Manwel Dimech dawn huma kliem u retorika biss. Verament tal-mistħija.

John M. Briffa
Rappreżentant UĦM
Floriana

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt