Tieħu gost bit-twelid ta’ gazzetta ġdida. F’dinja pluralista tapprezza x-xandir ħieles mhux mittiefes. Din il-gazzetta qed twassal il-vuċi u l-opinjoni ta’ l-individwu irrispettivament mit-twemmin li jħaddan.
Interessanti l-mod kif inhi mqassma din il-gazzetta speċjalment fejn jidħlu intervisti u kitbiet kritiċi fuq kwistjonijiet li jinqalgħu f’Malta u lil hinn minn xtutna. Il-gazzetta ma fihiex tidwir mal-lewża u naħseb li l-ġenerazzjoni żagħżugħa dak li trid tara.
Ta’ interess partikolari hi r-rubrika, ‘X’kien jgħid Manwel Dimech u Fortunato Mizzi?’ b’ħarsa lura fl-imgħoddi u oħra addattata għal żminijietna fejn naraw kif dawn iż-żewġ figuri nazzjonali jħarsu lejn Malta llum kieku qed jgħixu fi żmienna, għalkemm mhux faċli dan biex tkun taf kif jistgħu jaħsbuha llum.
Fl-aħħarnett, imma żgur mhux l-inqas, huma l-Monologi ta’ Molly Mamo, prodott Malti, mill-pinna ta’ Immanuel Mifsud, fejn jippreżenta s-soċjetà kontemporanja kif tabilħaqq hi. Hu awtur innovattiv li jisfida l-istatus quo tas-soċjetà li ngħixu fiha. Kotba oħra ta’ l-istess awtur jixhdu dan li qed ngħid.
Tapprezza wkoll il-fatt li hija gazzetta miktuba bl-ilsien Malti li qed titwassal lill-pubbliku kull nhar ta’ Ħadd. Nawgura lil din il-gazzetta, li issa daħlet ukoll fl-istorja tal-ġurnaliżmu Malti, biex tkompli fit-triq li qabdet u tagħti aktar ħarġiet interessanti u ta’ fejda.
Malcolm Schembri
Zabbar
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt