28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Nidħqu llum, nibku għada

Il-montatura li qed tinħema bħalissa biex id-delizzju tradizzjonali tal-kaċċa u l-insib iservi ta’ għodda propogandistika fl-elezzjoni ġenerali li jmiss tindika li mhux kulħadd qed jasal għall-konklużjonijiet b’mod intelliġenti jew li jħarsu fil-bogħod.
Il-kaċċaturi u n-nassaba sħabna għandhom iduru sew madwarhom biex fil-kwiet tad-duri tagħhom jimmeditaw u jirriflettu dwar iż-żmien li qegħdin fih iħarsu wkoll lejn liema direzzjoni qed jiġbdu ċertu protagonisti u esponenti li huma involuti direttament fis-sitwazzjoni preżenti tal-kaċca u l-insib f’pajjiżna anki fil-konfront tad-Direttorat għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan x’manuvrar hu? Filli qed nikkritikaw b’mod aħrax u anki bi protesti lill-Gvern tal-ġurnata biex jibdel emendi fir-regolamenti ta’ l-Avviż Legali Nu. 79 ta’ l-2006 u filli nifirxu tapit aħmar lill-Gvern biex il-Ministru għall-Ambjent jieħu l-ġieħ li jgħaddi minn fuqu?
Bir-raġun ċerti partijiet qalgħu barra lill-Moviment Kaċċaturi Nassaba Ambjentalisti mis-suppost laqgħat li fihom jittieħdu ċerti deċiżjonijiet għax jafu li bl-għaqda tagħna fin-nofs l-affarijiet kienu jkunu ferm differenti u ħafna mid-deċiżjonijiet ikollhom jittieħdu bil-maqlub fl-interessi vera tad-delizzju tal-kaċca u l-insib.
Il-Moviment Kaċċaturi Nassaba Ambjentalisti jieħu gost bl-akkwisti li jistgħu jsiru imma mhux b’dawk li jkunu finta u għal ftit taż-żmien jew b’togħma politika.
Il-kaċċaturi u n-nassaba diġà huma mixgħufa minn dan kollu. It-teatrin li qed isir bħalissa huwa dubjuż u ħadd ma jista’ jafdah għax hu biss rabta ċoff u jisfuma fix-xejn bħad-duħħan.
Is-sena li qegħdin fiha hija s-sena tad-deċiżjonijiet u min se jinġibed lura u ma jiħux pożizzjoni ċara jrid bilfors jerfa’ r-responsabbiltà.
Il-futur tad-delizzju tradizzjonali tal-kaċċa u l-insib hu f’idejna. Ma nerġgħux inħallu l-ilpup fostna libsin ta’ ħrief iressquna lejn xifer l-irdum bla ma nindunaw.
Ejja ma nħallux lil min iddaħħaqna llum, għax għada nibku.

Edward Decelis
Segretarju Ġenerali
Moviment Kaċċaturi Nassaba Ambjentalisti
Mosta

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt