28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Lejn ‘bidu ġdid’ f’baħar imqalleb

Karl Stagno-Navarra jintervista lis-Segretarju Ġenerali ta’ l-MLP Jason Micallef

Jilqgħek bi tbissima u jistiednek tidħol fl-uffiċċju tiegħu. Hu mdawwal ħafna mit-twieqi l-kbar li jdawru l-kantuniera kollha li tħares lejn il-Milend fit-tieni sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Ftit mużika fl-isfond minn radju qrib l-iskrivanija, u fit-tarf ta’ mejda twila mdawra b’10 siġġijiet komdi, sett tat-televiżjoni mixgħul fuq il-kanal Sky News isegwi l-aħħar żviluppi fil-Libanu.
Mill-ewwel daqqa’ ta’ għajn l-impressjoni li tieħu hi li madwar is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef kollox hu taħt kontroll. Iżda din biss faċċata?
Jason aċċetta minnufih l-istedina ta’ din il-gazzetta għal intervista ġimgħa biss ’il bogħod mill-Konferenza Ġenerali tal-MLP li hi msejħa biex tapprova dokumenti politiċi li għandhom isawru l-bażi tal-ħsieb politiku tal-partit għall-elezzjoni li ġejja.
Tajjeb jew ħażin, l-intervista ġiet fi żmien meta min-naħa tal-media tal-Partit Nazzjonalista għaddejja kampanja qalila dwar żvista pjuttost imbarazzanti għall-istess Segretarju Ġenerali Laburista.
L-aħbar dwar il-kontroversja li allegatament tqajmet fi ħdan l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit minn ħadd ħlief Joe Falzon, li hu l-assistent għall-kariga tiegħu, hi imbarazzanti.
Sensiela ta’ ittri anonimi li qed jaslu għand għadd ta’ ġurnalisti, inklużi ta’ din il-gazzetta, jinsistu li Jason m’għandux ikun aċċettat fil-kariga għaliex ilu ma jħallas is-sħubija tiegħu fil-partit għal dawn l-aħħar tliet snin.
“Kienet żvista teknika u xejn aktar. Pjuttost hu plejtu li qed jitqajjem minn min għandu l-interess li jagħmel il-ħsara kemm lili u lill-partit,” isostni.
Filwaqt li Jason Micallef jibqa’ jinsisti li ma jiddiskutix affarijiet interni tal-partit, nistaqsih fuq il-problema rikorrenti ta’ ħruġ ta’ informazzjoni sensittiva minn ħdan il-partit u li tispiċċa ppubblikata fil-media tal-PN, fosthom ukoll minuti u dettalji ta’ diskors fl-ogħla organi tal-partit. Kien hemm ukoll il-kwistjoni dwar laqgħa tal-kuntratturi fiż-żjara ta’ Dubai ma’ delegazzjoni tal-partit.
“Ma nemminx li hi kwistjoni ta’ kredibbiltà għall-MLP għaliex f’kull partit politiku jkollok minn kollox, fosthom ukoll nies b’interessi personali. Dawn iżda jistħoqqilhom kundanna għall-ħsara li jagħmlu, huma min huma,” jisħaq.
Nipprova niftaħ iktar fuq dan is-suġġett, iżda Jason jibqa’ jinsisti li ma jiddiskutix l-affarijiet interni tal-partit.
Jippreferi jitkellem fuq dak li jfisser bħala “il-prioritajiet” tal-MLP li qed iħares lejn din is-sena bħala “sena kruċjali” minħabba l-eventwalità ta’ elezzjoni ġenerali.
Fl-opinjoni tiegħu għadu kmieni wisq biex wieħed jassumi li l-poplu hu diġà deċiz dwar liema partit se jivvota fl-elezzjoni li ġejja. Iżda Jason hu konvint minn rebħa elettorali Laburista.
“Jekk wieħed iħares lejn dak li seħħ matul dawn l-aħħar tliet snin wieħed isib li l-Partit Laburista rebaħ ir-rounds kollha ta’ l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, u dan hu indikattiv tas-sentiment tal-poplu f’kull qasam soċjali.
“Konvinċenti kienet ir-rebħa ta’ l-MLP fuq il-PN fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-2004, u dak kien riżultat indikattiv tas-sitwazzjoni li qed tikkonsolida ruħha l-lum.”
Jason Micallef hu eku għal dak li jsostni l-Mexxej Laburista Alfred Sant li “fil-pajjiż jinħass li hi meħtieġa l-bidla fit-tmexxija.”
Nistaqsih iżda, l-MLP hu lest biex iwettaq din il-bidla? U x’tip ta’ bidla qed joffri?
Iwieġeb li issa li l-kwistjoni dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE m’għadhiex fuq l-aġenda u li għall-MLP dik is-sħubija se tibqa’ u se tissaħħaħ permezz ta’ ħidma li se tara lill-Gvern Laburista jaħdem biex jikseb l-opportunitajiet u jieħu kemm jista’ l-vantaġġi li toffri l-Ewropa u li l-Gvern tal-lum ħalla jaħarbu minn taħt imnieħru.
“Bl-għajnuna tal-parteċipazzjoni tagħna fil-Partit Soċjalista Ewropew se nkunu attivi ħafna biex Malta tieħu dak li jistħoqqilha bi dritt u mhux inkunu servi tagħha.”
Nistaqsih iżda, jekk iħossux skomdu jitkellem hekk dwar l-Ewropa u l-vantaġġi tagħha meta l-MLP kien tant kontra s-sħubija ta’ Malta fl-UE?
“Ifhimni, dik kienet il-linja politika tat-tmexxija tal-partit ta’ qabli u mhux se nidħol fil-mertu tagħha. Ngħid iżda li s-sħubija fl-UE mhix aktar kwistjoni għall-MLP u wisq aktar infakkrek fil-kuraġġ li kellu l-partit li joħroġ u jfiehem lill-partitarji fuq il-ħtieġa tar-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea.
“Għarafna l-importanza storika tal-Kostituzzjoni Ewropea u l-ħtieġa li Malta tirratifikaha u ma kienx faċli għalina li nduru lejn il-bażi tagħna biex nispjegawha. Konna l-uniċi f’Malta li ddiskutejna l-Kostituzzjoni fl-istrutturi kollha tal-partit.”
U l-Ewro? Il-PN qed jakkuża lill-MLP li qed jiprova jimmina l-proċess tal-pajjiż lejn it-tħaddin tal-munita Ewropea fi ftit tax-xhur oħra.
“Min qed jakkuża lill-MLP li qed jipprova jimmina l-proċess lejn l-Ewro hu giddieb u ma nistħix ngħid li dan qed jagħmlu apposta biex mingħalih jiskredita l-falliment tiegħu li jagħmel l-affarijiet sewwa.
“Fil-verità l-PN fil-Gvern ħa qata’ meta Alfred Sant iddikjara waqt id-diskors tiegħu tal-baġit u għamilha ċara li l-MLP mhux se jfixkel xejn u li hu favur l-addozzjoni tal-munita Ewropea,” jisħaq Jason filwaqt li jsostni li l-Ewro mhux se tkun kwistjoni fl-elezzjoni ġenerali.
“Se jkunu dawk l-affarijiet li jolqtu direttament lin-nies il-kwistjonijiet għall-elezzjoni li ġejja. L-ambjent, ix-xogħol u l-għoli tal-ħajja huma l-aktar temi li se jkunu fuq moħħ in-nies u se jkunu l-isfida tal-politika li qed titfassal mill-MLP,” jisħaq.
Għal Jason Micallef il-Konferenza Ġenerali li tibda nhar il-Ħamis se tkun “turija ta’ kemm l-MLP qed jirrispondi għar-realtajiet tal-lum u kemm hu sensibbli għal dak li qed iħossu n-nies.”
Il-Konferenza Ġenerali hi msejħa biex tapprova ħames dokumenti politiċi li jitkellmu dwar il-familja, iż-żgħażagħ, l-anzjani, l-ugwaljanza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Din il-ġimgħa dawn id-dokumenti qed jerġgħu jkunu diskussi ma’ l-organizazzjonijiet mhux governattivi f’laqgħat li qed isiru f’livell distrettwali.
“B’dawn id-dokumenti qed nuru lill-pajjiż li l-MLP qed jaġġorna kontinwament il-politika tiegħu u qed iżomm kuntatt dirett mal-poplu kif ukoll ma’ l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Qed insostnu djalogu miftuħ, kostruttiv u kontinwu mal-poplu, ħaġa li l-PN fil-Gvern mhux qed jagħmel.”
Hawnhekk, is-Segretarju Ġenerali tal-MLP jispjega kif mill-ħafna laqgħat li l-MLP kellu ma’ rappreżentanti mill-għaqdiet mhux governattivi kif ukoll mal-korpi kostitwiti, ħareġ ċar kemm fil-pajjiż hawn għatx kbir għall-parteċipazzjoni popolari fit-tfassil tal-ħsieb politiku.
“Ħafna huma dawk l-għaqdiet jew anki unions li qalulna kemm sar diffiċli li tavviċina lill-Gvern bi proposti.”
Jason Micallef jispjega kif permezz ta’ dawn id-dokumenti l-MLP se jkun qed ifassal il-manifest u l-programm elettorali tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li ġejja u se jkun “qed jirrispondi għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-poplu Malti u Għawdxi fir-realtajiet tal-lum.”
Hawnhekk jiftaħli bieb beraħ għal sensiela ta’ mistoqsijiet marbuta mal-ħsieb politiku tal-MLP.
Id-dokument tal-familja qajjem diskussjoni fil-pajjiż u kien hemm min sostna li hu antiċipazzjoni ta’ politika li xxaqleb lejn il-liberaliżmu ta’ Zapatero fi Spanja.
“Jien liberali ħafna u nemmen li l-politika bħal ta’ Zapatero tirrispondi għal dak li tixtieq in-nies u dak hu li jridu n-nies,” iwieġeb Jason, filwaqt li jisħaq fuq l-importanza li l-partiti politiċi jisimgħu lin-nies
Nistaqsih ċar u tond dwar id-divorzju u dak li jemmnu bosta li biex fil-pajjiż jiddaħħal id-divorzju fil-pajjiż irid ikun hemm l-MLP fil-Gvern.
“Jien personalment naqbel mad-divorzju. Din hi l-opinjoni personali tiegħi. Nemmen li dan għandu jkun dritt ċivili li għandu jkollu ċ-ċittadin. Hemm ħafna nies hemm barra li għax falla ż-żwieġ tagħhom huma mjassrin f’limbu li ma jistgħux joħorġu minnu.
“Hemm mijiet ta’ nies li huma mċaħħda milli jerġgħu jibdew ħajja ġdida u mbagħad hemm anomalija fejn min għandu l-flus jista’ jsiefer u jġib divorzju minn pajjiż Ewropew u l-Liġi Maltija tirrikonoxxih.”
Aktar minn hekk Jason Micallef isostni wkoll fuq l-ipokrezija ta’ ħafna politiċi li pubblikament isostnu skiet fuq is-suġġett filwaqt li privatament jesprimu opinjoni favur id-divorzju.
Allura x’jagħmel l-MLP fil-Gvern?
“Ifhem, teħtieġ tkun is-soċjetà li għandha tipproponiha. Aħna partit politiku u mhux Knisja jew ordni reliġjuża. Lesti nisimgħu x’qed tipproponi s-soċjetà ċivili u nimxu minn hemm.”
Iżda minn mindu l-partiti politiċi jistennew lis-soċjetà ċivili biex ifasslu l-politika tagħhom, nistaqsih. Qed tistiednu proposta għal referendum?
“Jista’ jkun kollox. L-importanti hi li ma ninħbewx wara l-maskra ta’ l-ipokrezija.”
Dwar l-abort Jason Micallef hu kategorikament kontra, daqs kemm hu kontra l-MLP f’kull struttura tiegħu.
Staqsejtu jkellimni fuq kif qed jipproġetta lill-MLP bħala l-partit fil-Gvern.
“Se nkunu viċin in-nies bi Gvern, jew Kabinett żgħir b’nies kompetenti li kapaċi jieħdu deċizjonijiet. Ma nemminx li, per eżempju, is-settur tas-Saħħa bilfors irid ikollu ministru li jkun tabib. Neħtieġu maniġers tajbin li jagħtu riżultati u mhux jiddependu fuq konsulenti kontra konsulenti bi tberbiq ta’ miljuni ta’liri,” isostni.
Jemmen li l-MLP fil-Gvern jagħżel xi ministri tekniċi u mhux eletti direttament mill-poplu?
“Jekk wieħed iħares sew kif ħadem Mintoff fi żmienu jara nies bħal Edgar Mizzi li kienu prattikament pilastri fil-Kabinett. Ngħid li ma nistgħu neskludu xejn. L-importanti hu li nkunu kapaċi nuru lill-poplu li għandna programm xi nwettqu u se nwettquh.”
Infakkru f’diskors pjuttost kontroversjali li kien għamel waqt Konferenza Ġenerali tal-partit fejn sostna li Gvern Laburista ġdid se jesiġi li fiċ-ċivil jkun hemm nies li jiġbdu l-istess ħabel.
“Noqgħod ma’ dak li għedt u nibqa’ nemminha li fiċ-ċivil hemm ħafna nies tajbin li jagħtu xogħol tajjeb iżda għax għandhom opinjoni politika Laburista twarrbu minn Gvern tal-PN.
“Gvern Laburista se jerġa’ jagħmel ġustizzja ma’ dawn kollha u se jesiġi l-meritokrazija. Gvern Laburista żgur li din id-darba mhux se jaċċetta li jaħdem b’nies li jkunu jagħmlulu l-ħsara.”
Intemm il-laqgħa tiegħi ma’ Jason b’konversazzjoni fuq l-attwalità politika fil-pajjiż.
“Il-Gvern qed jagħmel żbalji kontinwament u l-poplu qed jiddejjaq jara l-ħela ta’ miljuni ta’ liri f’xogħol ħażin bħalma qed isir fil-Mosta u f’Birżebbuġa u tant postijiet oħra. Dan biex ma nsemmux ukoll it-toroq il-ġodda li saru dan l-aħħar bil-Protokoll Taljan,” isostni.
Jason Micallef qed jistenna ħafna mingħand kull uffiċċjal u attivist tal-partit f’din is-sena li qed iqis bħala kruċjali ħafna. Jaf ukoll li marbut mar-riżultat ta’ l-elezzjoni ġenerali hemm is-sopravvivenza ta’ l-MLP li ilu fl-Oppożizzjoni għal dawn l-aħħar 20 sena.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt